Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Qalb in-Nisrani taf tishar biex tagħraf tagħżel bejn dak li jkun ġej minn Alla u dak li jkun ġej mill-profeti foloz. 

It-Tlieta, 7 ta’ Jannar 2014

Qalb in-Nisrani taf tishar biex tagħraf tagħżel bejn dak li jkun ġej minn Alla u dak li jkun ġej mill-profeti foloz.  Dan affermah il-Papa fil-quddiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta, l-ewwel waħda wara l-festi tal-Milied.  Il-Papa tenna mill-ġdid li t-triq ta' Ġesù hi dik tal-qadi u l-umiltà, triq li l-Insara kollha huma msejħin biex jimxu fiha.  Ibqgħu fil-Mulej.  Il-Papa Franġisku żvolġa l-omelija billi telaq minn din l-eżortazzjoni ta' San Ġwann Appostlu li nsibu fl-ewwel qari.

 

Hu parir għall-ħajja, osserva l-Papa, li Ġwanni jirrepeti b'mod kważi ossessiv.  L-Appostlu juri wieħed mill-atteġġjamenti tan-Nisrani li jrid jibqa' fil-Mulej: ikun jaf dak li qed jiġri f'qalbu.  Għalhekk Ġwanni jwissi biex ma jingħatax widen għal kull spirtu, imma biex wieħed jisfida l-ispirti.  Hu meħtieġ, żied il-Papa, li wieħed jagħraf jiddixxerni l-ispirti, jiddixxerni fuq dak li jżommna mal-Mulej jew ibegħedna minnu.  Qalbna, kompla jgħid, dejjem imxennqa, mimlija ħsibijiet.  Imma dawn ix-xewqat u ħsibijiet, staqsa l-Papa, huma tal-Mulej jew xi wħud minnhom ibegħeduna minnu?  Hekk hu, li l-Appostlu Ġwanni jħeġġiġna biex neżaminaw dak li naħsbu u nixtiequ.  Jekk dan jeħodna lejn il-Mulej, allura huwa tajjeb, jekk le ...... . Sfidaw l-ispirti biex tagħrfu jekk ikunux ġejjin minn Alla għax ħafna profeti foloz ġejjin mid-dinja.

 

Profeti jew profeziji jew proposti: għandi aptit nagħmel hekk.  Imma dan ma jressqekx lejn il-Mulej, ibegħedek minnu.  Għalhekk il-ħtieġa li nishru.  In-Nisrani hu bniedem li jaf jgħasses qalbu.  U ħafna drabi, qalbna, b'tant affarijiet ġejjin u sejrin, issir qiesha s-suq tal-monti fejn issib minn kollox.  Le! Jeħtiġilna nagħżlu: dan hu tal-Mulej  u dan mhuwiex - biex nibqgħu fil-Mulej.  Allura liema hu l-kriterju biex nifhmu jekk ħaġa tkunx ġejja minn Kristu jew mill-antikrist?  San Ġwann, afferma l-Papa, għandu idea ċara u sempliċi.  Kull spirtu li jagħraf lil Ġesù Kristu, li sar tal-laħam bħalna, ikun ġej minn Alla.  Kull spirtu li ma jagħrafx lil Ġesù mhux ta' Alla - huwa l-ispirtu tal-antikrist.  Jiġifieri, osserva Franġisku, l-għarfien tat-triq tal-Mulej, l-għarfien li Hu, billi hu Alla, niżel, umilja ruħu sal-mewt fuq is-Salib.

 

Dik hi t-triq ta' Ġesù Kristu: li wieħed jiċċekken, l-umiltà u anki l-umiljazzjoni.  Jekk ħsieb, xewqa, jmexxuk lejn it-triq tal-umiltà, li tiċċekken, li tkun ta' servizz għall-oħrajn, dak ikun ta' Ġesù.  Imma jekk iwassluk biex tikkuntenta bik innifsek, għall-vanità, għal-kburija, fit-triq tal-ħsieb astratt, dawk ma jkunux ta' Ġesù.

Naħsbu ftit fit-tentazzjonijiet ta' Ġesù fid-deżert: it-tliet proposti li d-demonju jagħmel lil Ġesù kienu proposti li riedu jbegħeduh minn din it-triq, it-triq tal-qadi, tal-umiltà, tal-umiljazzjoni, tal-karità.  Għat-tliet tentazzjonijiet Ġesù jwieġeb le: Le, din mhix it-triq tiegħi.

 

Il-Papa stieden lil kulħadd biex jaħseb x'jiġri fi qlubna: x'naħsbu, xi nħossu, x'irridu, neżaminaw l-ispirti.  Jien niċċekkja dak li naħseb, dak li rrid, dak li nixtieq, staqsa l-Papa, jew naħtaf kollox?
Bosta drabi qalbna tkun qiesha triq li minna jgħaddi kulħadd.  Imma jien nisfida l-ispirti u nagħżel dejjem dawk il-ħwejjeġ li jkunu ġejjin minn Alla.

 

Naf liema huma dawk il-ħwejjeġ li ġejjin minn Alla?  Nifhem il-kriterju veru li jgħini niddixxerni ħsibijieti, xewqati?  Naħsbu dwar dan u ma ninsewx li l-kriterju hu: l-Inkarnazzjoni tal-Verb.  Il-Verb ħa l-ġisem: dan hu Ġesù Kristu!  Kristu li sar bniedem, iċċekken, umilja ruħu għall-imħabba, biex iservi lilna lkoll.
Jalla l-Appostlu Ġwanni jaqlgħalna l-grazzja li nagħrfu dak li jkun qed jiġri f'qalbna u jkollna l-għerf li niddixxernu dak li jkun ġej minn Alla minn dak li ma jkunx ġej minn Alla, temm il-Papa Franġisku.


 

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.