Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

In-nisrani ma jibżax iħammeġ idejh minħabba f’min hu mbiegħed.

Il-Ħamis, 6 ta’ Novembru 2014

 

Il-veru nisrani ma jibżax iħammeġ idejh mal-midneb, ma jibżax jirriskja anki l-fama tiegħu, għax għandu l-qalb ta’ Alla li ma jrid lil ħadd jintilef.  Dan qalu l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.

Il-Papa tkellem dwar iż-żewġ parabboli tan-nagħġa mitlufa u tal-munita mitlufa.  Il-Fariżej u l-iskribi jiskandaliżżaw ruħhom għax Ġesù jilqa’ lill-midinbin u jiekol magħhom.

 

Għal dawk in-nies dak kien veru skandlu, osserva Franġisku li kkummenta: min jaf kieku dak iż-żmien kienu jeżistu l-ġurnali!  Imma Ġesù għalhekk ġie, biex ifittex lil dawk li kienu tbegħedu mill-Mulej.

 

Dawn iż-żewġ parabboli juruna kif inhi l-qalb ta’ Alla.  Alla ma jieqafx.  Alla ma jasalx biss sa ċertu punt, imma jibqa’ sejjer sal-aħħar, sal-limiti.  Ma jieqafx f’nofs it-triq tas-salvazzjoni qiesu qed jgħid: jien għamilt ħilti kollha, issa problema tagħhom .  Hu jibqa’ għaddej, joħroġ, jinżel fil-kamp tal-battalja.

 

Imma l-iskribi u l-Fariżej jieqfu nofs triq.  Lilhom kien jimpurtahom li jkun hemm bilanċ favorevoli bejn id-dħul u l-ħruġ u b’hekk kienu jserħu rashom.  Iva, tlift tliet muniti, għaxar nagħġiet, imma qlajt ħafna.  Dan mhux parti mill-mentalità ta’ Alla.  Alla mhux negozjant.  Alla hu Missier u biex isalva ma jieqafx, jibqa’ sejjer sal-aħħar, ‘l hinn mill-limiti.  Din hi l-imħabba t’Alla.  Kemm hu ta’ niket, osserva l-Papa, ragħaj li jibqa’ nofs triq.

Hu ta’ niket li ragħaj jiftaħ il-bieb tal-Knisja u jibqa’ hemm jistenna.  Hu ta’ niket in-nisrani li ġewwa fih, f’qalbu, ma jħossx il-ħtieġa li jmur jirrakkonta lill-oħrajn li l-Mulej huwa twajjeb.  Kemm hi perversa l-qalb ta’ min jaħseb li hu ġust bħall-iskribi u l-Fariżej!

 

Dawn ma jridux iħammġu jdejhom mal-midinbin.  Niftakruha din, niftakru kif kienu jaħsbuha u x’kienu jgħidu: Kieku dan kien profeta kien ikun jaf li din hi midinba.  Id-disprezz.  L-ewwel kienu jużaw lin-nies imbagħad jiddisprezzawhom.

Meta r-ragħaj jibqa’ f’nofs it-triq, hija telfa, qal il-Papa.  Ir-ragħaj għandu jkollu l-qalb ta’ Alla u jibqa’ sejjer sal-limitu, għax ma jrid lil ħadd jintilef.

 

Il-veru ragħaj, il-veru nisrani, għandu fih dan iż-żelu: ħadd m’għandu jintilef.  U għalhekk, ma jibżax iħammeġ idejh.  Ma jibżax.  Imur fejn għandu jmur.  Jirriskja ħajtu, jirriskja l-fama tiegħu, jirriskja li jitlef il-kumdità li jkollu, l-istatus tiegħu u jitlef anki l-karriera ekkleżjastika, basta jkun ragħaj tajjeb.

 

L-insara għandhom ikunu hekk huma wkoll.  Faċli ħafna tikkundannna lill-oħrajn kif kienu jagħmlu dawn, tikkundanna lill-midinbin, lill-pubblikani.  Ħafifa ħafna din imma mhux attitudni nisranija, mhux hekk?  Mhix attitudni ta’ ulied Alla.  Iben Alla jibqa’ sejjer sal-limiti, jagħti ħajtu.  Hekk għamel Ġesù għall-oħrajn.  Ma jistax jibqa’ kalm, jagħti kaz tiegħu nnifsu, tal-kumditajiet tiegħu, tal-fama, tas-sigurtà tiegħu.

 

Ftakruha din: le għar-rgħajja tan-nofs triq, le u qatt!  Le għal-insara tan-nofs triq, qatt!  Niftakru f’dak li għamel Ġesù.

Ir-ragħaj tajjeb, in-nisrani tajjeb, joħroġ dejjem, dejjem jinsab iterraq, joħroġ barra minnu nnifsu u jmur lejn Alla bit-talb, bl-adorazzjoni.  Joħroġ.  Imur lejn l-oħrajn biex iwasslilhom il-messaġġ tas-salvazzjoni.  Ir-ragħaj tajjeb, in-nisrani tajjeb jafu x’inhi t-tenerezza.

 

Dawn l-iskribi u l-Fariżej ma kienux jafu x’inhi t-tenerezza, ma kienux jafu xi jfisser li tgħabbi n-nagħġa fuq spallejk, bit-tenerezza, u teħodha lura mal-bqija tal-merħla, f’postha.  Dawn in-nies ma jafux x’inhu l-ferħ.

 

In-Nisrani u r-ragħaj tan-nofs triq forsi jaf x’inhu d-divertiment, il-ħajja trankwilla, iħoss ċertu paċi…… imma l-ferħ, dak il-ferħ li hemm fis-sema, dak il-ferħ li jiġi minn Alla, dak il-ferħ li jnixxi mill-qalb ta’ Missier li jmur biex isalva!?

Smajt l-ilmenti ta’ Iżraeliti u nżilt fil-kamp tal-battalja.  Dan hu tant sabiħ: li ma nibżgħux li jgħidu fuqna meta mmorru nfittxu lil ħutna li huma mbiegħdin mill-Mulej.  Nitolbu din il-grazzja għal kull wieħed u waħda minna u anki għal Ommna l-Knisja Mqaddsa.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.