Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Ragħajja aktar milli studjużi, li ma jinsew qatt lil Kristu l-ewwel imħabba tagħhom, u jibqgħu dejjem jimxu warajh. 

Il-Ġimgħa, 6 ta’ Ġunju 2014

 

Ragħajja aktar milli studjużi, li ma jinsew qatt lil Kristu l-ewwel imħabba tagħhom, u jibqgħu dejjem jimxu warajh.  Dan hu r-ritratt tal-irġiel kollha ikkonsagrati lil Alla bis-saċerdozju li għamel il-Papa dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

Kif inhi l-ewwel imħabba tiegħek?  Jiġifieri, għadni nnamrat minnek bħall-ewwel jum li ltqajt miegħek?  Inħossni ħieni miegħek jew qed ninjorak?  Dawn huma mistoqsijiet universali li rridu nistaqsu lilna nfusna ta’ spiss.  Mhux biss il-miżżewġin ‘il xulxin imma anki s-saċerdoti u l-isqfijiet quddiem Ġesù.  Għaliex Hu, afferma l-Papa, jistaqsina bħalma jum wieħed staqsa lil Pietru:  Xmun, bin Ġwanni, tħobbni?

 

Il-Papa beda l-omelija minn dan id-djalogu li nsibu fl-Evanġelju tallum, li fih naqraw li għal tliet darbiet, Kristu jistaqsi lil dak li kien l-ewwel wieħed fost l-Appostli, jekk iħobbux, b’mod li b’hekk iressqu lejn “l-ewwel imħabba”.

Din hi l-mistoqsija li nagħmel lili nnifsi, lil ħuti l-isqfijiet u lis-saċerdoti: kif inhi l-imħabba llum, dik lejn Ġesù?  Għadha bħalma kienet fil-bidu?  Għadni bin-namra tal-ewwel jiem?  Jew inkella x-xogħol, il-preokkupazzjonijiet qegħdin ftit jew wisq jaljenawni fuq ħwejjeġ oħra u ninsa’ xi ftit din l-imħabba?  Il-miżżewġin jitlewmu, jitlewmu.  Dak hu normali.  Imma meta jkunx hemm imħabba, minflok it-tilwim jidħol it-tifrik.

 

Qatt m’għandna ninsew l-ewwel imħabba, qatt, tenna l-Papa Franġisku li żied jenfasiżża tliet aspetti oħra li  wieħed irid iżomm f’moħħu fir-relazzjoni ta’ djalogu ta’ saċerdot ma’ Ġesù.  Li qabel kollox – qabel l-istudju, qabel ma wieħed jaspira li jsir intellettwali tal-filosofija jew tat-teoloġija jew tal-patroloġija – ikun ragħaj, l-istess kif Ġesù ħeġġeġ lil Pietru: Itma’ n-nagħaġ tiegħi.  Il-bqija jiġi wara, sostna l-Papa.

 

Itma’.  Bit-teoloġija, bil-filosofija, bil-patroloġija, b’dak kollu li tistudja, imma itma..  Kun ragħaj.  Għax il-Mulej għal dan sejħilna.  It-tqegħid ta’ idejn l-isqof fuq rasna kien biex inkunu ragħajja.

 

Imbagħad mistoqsija oħra, le?  L-ewwel waħda hi: kif inhi l-ewwel imħabba tiegħi?  It-tieni hi din: Jien ragħaj jew impjegat ta’ din l-organiżżazzjoni mhux governattiva li nsejħulha Knisja?  Hemm id-differenza.  Jien ragħaj?  Hija mistoqsija li rrid nistaqsi lili nnifsi, iridu jagħmluha l-isqfijiet u anki s-saċerdoti: ilkoll.  Itma, irgħa.   Imxi!

 

Għar-ragħaj ikkonsagrat lil Ġesù mhemmx glorja jew maestà, osserva l-Papa: le, ħija.  Kollox jintemm b’mod mill-aktar komuni, u anki aktar umiljanti, tant drabi…… meta tispiċċa f’qiegħ ta’ sodda, iridu jitimgħuk, ilibbsuk… imma kollox inutli għax int tibqa’ hemm, marid… id-destin hu li tintemm kif intemm Hu.  Imħabba li tmut bħaż-żerriegħa tal-qamħ biex imbagħad tagħti l-frott.

Imma jien il-frott ma narahx!

Imbagħad hemm ir-raba’ kelma, l-aktar waħda qawwija li biha Ġesù jtemm id-djalogu ma’ Pietru: imxi warajja.

 

Jekk aħna tlifna l-orjentament u ma nafux kif inwieġbu dwar l-imħabba, ma nafux inwieġbu dwar il-fatt li aħna ragħajja, ma nafux inwieġbu u m’għandniex iċ-ċertezza li l-Mulej mhux se jħallina waħedna anki fil-mumenti l-aktar koroħ ta’ ħajjitna, fil-mard.  Hu jgħidilna: imxi warajja.  Din hi ċ-ċertezza tagħna.  Fuq il-passi ta’ Ġesù.  F’dik it-triq: Imxi warajja!

 

Jalla lilna lkoll, saċerdoti u isqfijiet, temm il-Papa Franġisku, il-Mulej itina l-grazzja li nsibu dejjem u niftakru dejjem fl-ewwel imħabba tagħna, li nkunu ragħajja, li ma nistħux li nispiċċaw umiljati f’qiegħ ta’ sodda jew li nitilfu moħħna.  U jalla jtina dejjem il-grazzja li mmorru l-ħin kollu wara Ġesù, fuq il-passi tiegħu: il-grazzja li nimxu warajH.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.