Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

In-Nisrani li ma jagħtix xhieda jsir sterili

It-Tlieta, 6 ta' Mejju 2014

 

In-Nisrani li ma jagħtix xhieda jsir sterili afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa li ppresjieda dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa għamel riflessjoni dwar il-martirju ta’ San Stiefnu li nsibu rrakkuntat fl-Atti tal-Apppostli.  Il-Knisja, afferma Franġisku, mhix xi universita’ tar-reliġjon, imma hi l-poplu t’Alla li jimxi wara Ġesu’.  B’hekk biss, żied jgħid, hi tkun għammiela u omm.

Il-martirju ta’ Stiefnu, beda l-Papa, huwa kopja tal-martirju ta’ Ġesu’.  Il-Papa Franġisku rrakkonta l-istorja li wasslet għall-ewwel martri tal-Knisja.  Hu wkoll, bħall-Ġesu’ ħabbat wiċċu mal-għira tal-mexxejja li riedu jeliminawh.  Għalih ukoll kien hemm ix-xhieda foloz, proċess mgħaġġel.

Stiefnu jwiddibhom li huma kienu qed jirreżistu lill-Ispirtu s-Santu, l-istess kif kien qal Ġesu’. Imma dawn in-nies, enfasiżża l-Papa, ma kienux kwieti, ma kellhomx paċi f’qalbhom.  Dawn in-nies kellhom il-mibgħeda fi qlubhom.  Għalhekk, malli jisimgħu kliem Stefnu jfuru bir-rabja.

Dil-mibgħeda, afferma Franġisku, kienet inżergħet fihom mid-demonju, kienet il-mibgħeda tax-xitan kontra Kristu.  Dil-mibgħeda tad-demonju li għamlet dak li dehrilha b’Ġesu’ Kristu waqt il-Passjoni, issa qed tittenna ma’ Sieifnu.  U fil-martirju tidher ċar it-taqbida bejnAlla u d-demonju..

Min-naħa l-oħra, Ġesu’ kien qal lil tiegħu li kellhom iħossuhom ferħana li jkunu persegwitati minħabba f’ismu: Tkun ippersegwitat, issir martri, tagħti ħajtek għal Ġesu’, din hija waħda mill-Beatitudnijiet.  Din hi r-raġuni għaliex id-demonju ma jaħmilx jara l-qdusija tal-Knisja jew ta’ persuna mingħajr ma jipprova jfassal xi ħaġa.  Hekk jagħmel ma’ Stiefnu, imma dan imut jaħfer bħalma għamel Ġesu’.

Il-kelma martirju hija traduzzjoni tal-kelma Griega li tfisser ukoll “xhieda”.  B’hekk nistgħu ngħidu li t-triq tan-nisrani timxi fuq il-passi ta’ din ix-xhieda, fuq il-passi ta’ Ġesu’ biex tagħti xhieda tiegħu, u tant drabi din ix-xhieda twassal għall-għotja tal-ħajja.

In-Nisrani li ma jagħtix xhieda ma jinftiehemx.  Aħna m’aħniex reliġjon tal-ideat, tat-teoloġija pura, tal-affarijiet sbieħ, tal-kmandamenti.  Le, aħna poplu li jimxi wara Ġesu’ Kristu u li jagħti xhieda, imma jrid jagħti xhieda ta’ Ġesu’ Kristu... u din ix-xhieda xi drabi twassal biex dak li jkun jagħti ħajtu.

Fl-Atti tal-Appostli naqraw li wara l-mewt ta’ Stiefnu faqqgħet persekuzzjoni kbira kontra l-Knisja  ta’ Ġerusalemm.  Dawn in-nies kienu jħossuhom setgħana u d-demonju kien iqanqalhom  biex jagħmlu dak li għamlu.  Ir-riżultat ta’ dan kien li l-insara xterdu madwar ir-reġjun tal-Ġudeja u tas-Sammarija.

Il-persekuzzjoni, innota l-Papa, wasslet biex dawn in-nies insara jmorru ‘l bogħod imma kull fejn waslu kienu jispjegaw il-Vanġelu, kienu jagħtu xhieda ta’ Ġesu’ u b’hekk bdiet il-missjoni tal-Knisja.  Kien hemm ħafna, fakkar il-Papa, li kkonvertew meta semgħu lil dawn in-nies.  Wieħed mis-Santi Padri, żied il-Papa, kien jispjega dan il-fenomenu hekk:  Id-demm tal-martri kien iż-żerriegħa tal-insara.  Bix-xhieda tagħhom kienu jipprietkaw il-fidi.

Ix-xhieda trid tingħata kemm fil-ħajja ta’ kuljum, ukoll waqt id-diffikultajiet, fil-persekuzzjoni, bil-mewt, b’hekk tkun dejjem għammiela.  Il-Knisja hi għammiela u omm meta tagħti xhieda ta’ Ġesu’ Kristu.  Minflok, meta l-Knisja tingħalaq fiha nfisha, tibda’ temmen, biex ngħidu hekk, li hi l-universita’ tar-reliġjon, b’tant ideat sbieħ, tant tempji sbieħ, tant mużewijiet sbieħ, b’tant affarijiet sbieħ, imma ma tkunx tagħti xhieda, issir sterili.  U l-istess in-nisrani.  In–nisrani li ma jagħtix xhieda, jibqa’ sterili, jibqa’ ma jroddx lura l-ħajja li rċieva mingħand Ġesu’ Kristu.

Stiefnu, kompla jgħid il-Papa Franġisku, kien mimli bl-Ispirtu s-Santu.  Għalhekk, wissa l-Papa, ma nistgħux nagħtu xhieda mingħajr il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fina.  Fil-waqtiet diffiċli, meta jkun jeħtiġilna nagħrfu liema hi t-triq it-tajba, meta jkollna ngħidu “le” għal tant affarijiet li jiġbduna - inkoraġġixxa l-Papa - hemm it-talb lill-Ispirtu s-Santu u Hu jsaħħaħna biex nimxu fit-triq tax-xhieda.

Illum, filwaqt li naħsbu dwar dawn iż-żewġ xbihat – Stiefnu li jmut u n-nies insara, li jaħarbu u jitferrxu ma’ kullimkien minħabba l-persekuzzjoni qalila, nistaqsu lilna nfusna: kif inhi x-xhieda li qed nagħti jien?  Jien nisrani xhud ta’ Ġesu’ jew jien sempliċi numru f’din is-setta?  Jien għammiel għax nagħti xhieda jew nibqa’ sterili għax m’għandix ħila nħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxini fil-vokazzjoni nisranija tiegħi?

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.