Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-Vanġelu huwa novità, Ġesù jitlobna biex inwarrbu fil-ġenb l-istrutturi li jgħaddu. 

Il-Ġimgħa, 5 ta' Settembru 2014

 

Il-Vanġelu huwa novità, Ġesù jitlobna biex inwarrbu fil-ġenb l-istrutturi li jgħaddu.  Hekk afferma l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa saħaq li n-Nisrani m’għandux ikun skjav ta’ “ħafna liġijiet żgħar”, imma għandu jiftaħ qalbu għall-kmandament il-ġdid tal-imħabba.

L-iskribi, qal Franġisku, riedu jdaħħlu lil Ġesù fid-diffikultà meta staqsewh għaliex id-dixxipli tiegħu ma jsumux.  Imma l-Mulej ma jaqax fin-nassa u jwieġeb billi jitkellem dwar il-festa u n-novità.  Il-Vanġelu tallum ta l-opportunità lill-Papa biex jagħmel riflessjoni dwar in-novità li ġab miegħu Ġesù li jwissi biex l-inbid il-ġdid jitqiegħed f’damiġjani ġodda.

 

Inbejjed ġodda, damiġjani ġodda.  In-novità tal-Vanġelu.  Xi jġibilna l-Vanġelu?  Iġibilna ferħ u novità.  Dawn id-dutturi tal-liġi kienu magħluqin fil-kmandamenti tagħhom, fir-riċetti tagħhom.  Meta jitkellem dwarhom, San Pawl jgħidilna li qabel ma waslet il-fidi - jiġifieri Ġesù – ilkoll konna mħarsin daqs li kieku priġunieri taħt il-liġi.  Il-liġi ta’ dawn in-nies ma kinitx ħażina: konna mħarsin imma priġunieri, bl-istennija li tasal il-fidi, dik il-fidi li kellha tiġi rivelata f’Ġesù stess.

 

Il-poplu, osserva l-Papa, kellu l-liġi li kien tah Mosè u mbagħad kellu wkoll ħafna drawwiet u liġijiet żgħar li kienu għamlu d-dutturi tal-liġi.  Il-liġi kienet tħares lill-poplu imma kienet iżżommu priġunier!  U huma kienu qed jistennew il-libertà, il-libertà definittiva li Alla kellu jagħti lill-poplu tiegħu permezz ta’ Ibnu.  Din hi n-novità tal-Vanġelu, osserva l-Papa, dik li tifdi l-liġi.

 

“Xi ħadd minnkom jista’ jgħidli:  Imma, Padre, l-Insara m’għandhomx liġi?”  Iva!  Ġesù qal: “Jiena ma ġejtx biex inneħħi l-liġi imma biex inġib il-milja tagħha”.  U l-milja tal-liġi, per eżempju, huma l-Beatitudnijiet, il-liġi tal-imħabba, l-imħabba totali, li biha ħabbna Ġesù.

 

U meta Ġesù jċanfar lil dawn in-nies, lil dawn id-dutturi tal-liġi, jlumhom għaliex ma ħarsux lill-poplu bil-liġi imma għamluh skjav b’ħafna liġijiet żgħar dwar ħafna rqaqat.

 

Affarijiet li kellhom jagħmluhom mingħajr il-libertà li ġabilna Hu bil-liġi l-ġdida li Hu stabbilixxa b’Demmu.  Din hi n-novità tal-Vanġelu tenna l-Papa, il-festa, il-ferħ, il-libertà.  Kien propju r-rahan li kien qed jistenna l-poplu meta kien għandu mħares mill-liġi imma miżmum skajv tagħha.

 

Dan hu dak li jrid jgħidilna Ġesù: “Għan-novità, novità, għall-inbejjed ġodda, damiġjani ġodda.  U tibżgħu xejn tbiddlu l-affarijiet skont il-liġi tal-Vanġelu”.

“Pawlu jagħmel distinzjoni ċara, żied jgħid il-Papa bejn ulied il-liġi u ulied il-fidi.  L-inbejjed il-ġodda f’damiġjani ġodda.  Għaldaqstant il-Knisja titlob lilna lkoll it-tibdil.  Titlobna nwarrbu fil-ġenb l-istrutturi li jgħaddu, li ma jservux, u nieħdu damiġjani ġodda, dawk tal-Evanġelju.

 

Per eżempju, ma nistgħux nifhmu l-mentalità ta’ dawn id-dutturi tal-liġi, dawn it-teoloġi Fariżej; ma nistgħux nifhmu l-mentalità tagħhom bl-ispirtu tal-Vanġelu.  Huma ħwejjeġ differenti.  L-istil tal-Vanġelu huwa stil diffrenti, li jwassal għall-milja tal-liġi.  Iva!  Imma b’mod ġdid, huwa l-inbid il-ġdid f’damiġjani ġodda”.

Il-Vanġelu, tenna l-Papa Franġisku, huwa novità!  Il-Vanġelu huwa festa!  U nistgħu ngħixu l-Vanġelu fil-milja tiegħu biss jekk ikollna l-ferħ fi qlubna, meta qlubna jiġġeddu.

 

Jalla l-Mulej, kienet l-invokazzjoni tal-Papa, itina l-grazzja tal-osservanza tal-liġi.  Il-liġi li Ġesù wassalha għall-milja tagħha bil-kmandament tal-imħabba, bil-kamndamenti li jiġu mill-Beatitudnijiet.

 

Jalla l-Mulej, temm il-Papa, itina l-grazzja li ma nibqgħux priġunieri, imma jtina l-grazzja tal-libertà li teħodna lejn in-novità tal-Vanġelu.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.