Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-Knisja mhix istituzzjoni riġida, il-Knisja hija ħielsa. 

il-Ħamis, 5 ta’ Ġunju 2014

 

Il-Knisja mhix istituzzjoni riġida, il-Knisja hija ħielsa.  Hekk qal il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Fl-omelija, il-Papa għamel twissija dwar tliet gruppi ta’ nies li jippretendu li huma nsara u sejħilhom “l-uniformisti”, “l-alternattivisti” u l-vantaġġisti”.  Għal dawn in-nies, osserva l-Papa, il-Knisja mhix darhom imma qegħdin fiha b’kera.

 

Ġesù jitlob għall-Knisja u jitlob lill-Missier biex fost id-dixxipli tiegħu ma jkunx hemm firdiet jew ġlied.  Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-Evanġelju tal-ġurnata biex jitkellem dwar l-għaqda fi ħdan il-Knisja.

 

Hemm ħafna, osserva, li jgħidu li huma fil-Knisja imma qegħdin b’sieq waħda fiha u l-oħra għadha ma daħlitx.  B’hekk jidhrilhom li jistgħu jkunu “fiż-żewġ postijiet”: ġewwa u barra.  Għal dawn in-nies wissa l-Papa Franġisku, il-Knisja mhix darhom, ma jħossuhiex tagħhom.  Għal dawn il-Knisja qegħda għandhom b’kera.  Hemm gruppi li “jikru” lill-Knisja, imma ma jqiesuhiex bħala darhom.

Il-Papa qasam lil dawn in-nies fi tliet gruppi ta’ nsara: dawk li jridu li fil-Knisja kulħadd ikun l-istess.  B’logħob bil-kliem, qal b’daħka l-Papa, nistgħu nsejħulhom “uniformisti”.

 

L-uniformità, ir-riġidità.  Huma iebsin!  M’għandhomx dik il-libertà li jagħti l-Ispirtu s-Santu.  U jħawdu dak li għallem Ġesù fl-Evanġelju mad-duttrina tagħhom, id-duttrina tal-ugwaljanza.  Ġesù qatt ma ried li l-Knisja tiegħu tkun daqshekk riġida.  Qatt!  Minħabba l-atteġġjamenti tagħhom, dawn in-nies ma jidħlux fil-Knisja.  Jgħidu li huma nsara, Kattoliċi, imma l-atteġġjamenti riġidi tagħhom ibegħeduhom mill-Knisja.

 

Grupp ieħor, kompla l-Papa, hu magħmul minn dawk li dejjem għandhom l-idea tagħhom, li ma jridux li tkun bħal dik tal-knisja, għandhom alternattiva.  Dawn huma l-“alternattivisti”.

 

Jien nidħol fil-Knisja imma b’din l-idea, b’din l-ideoloġija.  B’hekk huma ma jkunux jiffurmaw parti sħiħa mill-Knisja.  Anki dawn għandhom sieq waħda barra.  Anki għal dawn il-Knisja mhix darhom, mhix tagħhom.  Sa ċertu punt huma kerrejja fil-Knisja.  Fil-bidu tal-evanġeliżżazzjoni wkoll kien hemm minn dawn.  Naħsbu ftit fl-injostiċi li l-Appostlu Ġwanni jsawwat bil-goff.  Jgħidu … iva… iva aħna kattoliċi imma b’dawn l-ideat.  Bl-alternattiva.  Ma jaqsmux mal-Knisja dak is-sens li jħossuha tagħhom.

 

U t-tielet grupp, kompla jgħid, hu magħmul minn dawk li jgħidu li huma nsara imma ma jidħlux fil-Knisja minn qalbhom, huma “l-vantaġġisti”, dawk li jfittxu l-vantaġġi u….  jmorru l-Knisja, imma għall-vantaġġ personali u jispiċċaw biex jibdew jagħmlu n-negozju fil-Knisja.

 

Dawn “in-negozjanti” nafuhom tajjeb!  Anki dawn kienu jeżistu sa mill-bidu.  Niftakru fi Xmun is-Saħħar, naħsbu f’Ananija u f’Safira.  Dawn kienu japprofittaw ruħhom mill-Knisja għall-interessi tagħhom.  U lil dawn rajniehom fil-komunitajiet parrokkjali jew djoċesani, fil-kongregazzjonijiet reliġjużi, fost il-benefatturi tal-Knisja.  Hemm tant minnhom, eh?  Jiddandnu li huma benefatturi tal-Knisja u, minn wara l-mejda, ikunu qed imexxu l-interessi tagħhom.  Dawn ukoll ma jħossux il-Knisja bħala omm, bħala tagħhom.  Ġesù jgħid: “Le, il-Knisja mhix riġida, hija waħda, unika: il-Knisja hi libera!”

 

Fil-Knisja, kompla jirrifletti l-Papa, hemm tant kariżmi, hemm diversità kbira ta’ persuni u ta’ doni tal-Ispirtu s-Santu!  Il-Mulej jgħidilna, kompla Franġisku: “Jekk trid tidħol fil-Knisja, agħmel hekk għall-imħabba, biex tagħti qalbek u mhux biex tinnegozja għall-qligħ tiegħek”.  Il-Knisja, irrimarka, mhix dar għall-kiri, il-Knisja hija dar biex tgħix fiha, u tqisha bħala ommok.

 

Il-Papa jifhem li dan mhux faċli għax it-tentazzjonijiet huma kbar.  Imma, l-għaqda tal-Knisja, l-għaqda fid-diversità, fil-libertà u fil-ġenerożità, jagħtiha biss l-Ispirtu s-Santu.  Dan hu x-xogħol tiegħu.  L-Ispirtu s-Santu, żied jgħid, inissel l-armonija fil-Knisja.  L-għaqda tal-Knisja hija l-armonija.

 

Ilkoll, kompla josserva, aħna differenti, m’aħniex l-istess, għall-grazzja t’Alla, inkella nkunu fl-infern!  Ilkoll kemm aħna msejħin biex inkunu doċli għall-Ispirtu s-Santu.  Propju din id-doċilità hija l-virtù li teħlisna milli nkunu riġidi, li nkunu “alternattivisti”, li nkunu “vantaġġisiti” jew negozjanti fil-Knisja: id-doċilità għall-Ispirtu s-Santu.   Hija propju din id-doċilità li tittrasforma l-Knisja u minn dar tal-kiri tagħmilna bnedmin li jħossuha d-dar tagħhom..

 

Jalla l-Mulej, temm il-Qdusija Tiegħu, jibgħatilna l-ispirtu s-Santu u jalla dan inissel l-armonija fil-komunitajiet tagħna – fil-komunitajiet parrokkjali, djoċesani, fil-komunitajiet tal-movimenti – jalla jkun l-Ispirtu li jnissel din l-armonija għax kif kien jgħid wieħed mis-Santi Padri tal-Knisja: l-Ispirtu nnifsu huwa l-armonija.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.