Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Fil-Knisja hemm min jimxi wara Ġesù minħabba l-vanità, l-għatx għall-poter jew għall-flus.  

It-Tnejn, 5 ta' Mejju 2014

 

Fil-Knisja hemm min jimxi wara Ġesù minħabba l-vanità, l-għatx għall-poter jew għall-flus.  Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nimxu warajh biss għall-imħabba.  Din kienet it-talba li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta.

 

Il-Papa ħa spunt mill-Vanġelu tal-ġurnata li fih Ġesù jċanfar lil min jimxi warajh sempliċiment għax ħassu sodisfatt wara l-moltiplikazzjoni tal-ħobż u tal-ħut.  Il-Papa għamel stedina biex nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex mexjin wara l-Mulej għall-imħabba jew inkella biex niksbu xi vantaġġ.

 

Aħna lkoll midinbin, osserva Franġisku, u dejjem għandna xi interess li jeħtieġ li jkun ippurifikat mill-mixja wara Ġesù.  Irridu naħdmu ġewwa fina biex nimxu warajh għall-imħabba.  Ġesù, qal il-Papa, jsemmi tlett atteġġjamenti li mhumiex f'lokhom fil-mixja tagħna warajh jew meta nkunu qed infittxu lil Alla.

L-ewwel hemm il-vanità.  Ġesù qed jirreferi partikolarment għal dawk id-”diriġenti” li jagħtu l-karità u jsumu biex jidhru.  Dawn id-diriġenti kellhom f'moħħhom li jidhru, kienu jieħdu gost, biex nużaw il-kelma addattata, jiddandnu u kienu jġibu ruħhom ta' veri “paguni”.  Hekk kienu.  U Ġesù jgħid: “le u le, dan mhux sew.  Il-vanità mhix tajba!”

 

Xi drabi aħna nagħmlu l-affarijiet biex nidhru xi ftit, infittxu l-vanità.  Il-vanità hija perikoluża għax mill-ewwel twassal għall-kburija, għas-suppervja u kollox jintemm hekk!  U nistaqsi domanda: Jien kif qed insegwi lill-Mulej?  L-affarijiet tajbin li nagħmel, nagħmilhom fis-satra jew inħobb nidher?

Jien naħseb ukoll, żied il-Papa, fina, fina r-rgħajja, għax ir-ragħaj li hu vanituż ma jagħmilx ġid lill-poplu t'Alla: jista' jkun saċerdot jew isqof, imma ma jkunx qed isegwi lil Ġesù jekk togħoġbu l-vanità.

 

Ħaġ'oħra li Ġesù jċanfar dwarha lil dawk li kienu jimxu warajh, hija l-poter.  Xi wħud jimxu wara Ġesù imma ftit jew wisq, forsi mhux dejjem konxjament, ikunu qed ifittxu l-poter, mhux veru?  Il-każ l-aktar ċar hu dak ta' Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew li talbu lil Ġesù l-grazzja li jkunu l-prim ministru u l-viċi prim-ministru, meta jaslu fis-Saltna.  U fil-Knisja jeżistu dawn in-nies li moħħhom biex jiksbu aktar setgħa.  Hemm tant minnhom li jħabbtu l-bieb tal-Knisja biex......  Imma jekk trid titla' aktar 'il fuq mur lejn it-tramuntana u oqgħod ixabbat mal-muntanji: jagħmillek aktar ġid għal saħħtek!  Imma tiġix fil-Knisja biex tikseb aktar setgħa!  Ġesù jċanfarhom li dawk li jfittxu s-setgħa!
 

Id-dixxipli, kompla jgħid Franġisku, jinbidlu biss meta jinżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu.  B'dan kollu fil-ħajja nisranija tagħna d-dnub xorta waħda hemm se jibqa' u jagħmlilna tajjeb nistaqsu lilna nfusna: jien kif qed insegwih lil Ġesù?  Għalih bis,s anki sas-Salib, jew qed infittex il-poter u xi ftit qed nuża' l-Knisja, il-komunità nisranija, il-parroċċa, id-djoċesi biex nikseb xi ftit tal-poter?

 

It-tielet ħaġa li tbegħedna mill-intenzjoni retta, saħaq il-Papa, huma l-flus.  Dawk li jimxu wara Ġesù għall-flus, bil-flus, billi jippruvaw japprofittaw ruħhom mill-parroċċa, mid-djoċesi, mill-komunità nisranija, mill-isptar, mill-kulleġġ......  Ejjew naħsbu dwar l-ewwel komunità nisranija li kellha din it-tentazzjoni:  Xmun, Ananija u Safira... Din it-tentazzjoni kienet hemm sa mill-bidu, imma aħna nafu wkoll b'tant Kattoliċi tajbin, insara tajbin, ħbieb, benefatturi tal-Knisja anki dawk li kisbu onorifiċenzi, li mbagħad insiru nafu li għamlu negozju mill-aktar ikraħ: kienu “negozjanti” u għamlu ħafna flus!  Kienu jippreżentaw ruħhom bħala benefatturi tal-Knisja imma kienu jaqilgħu ħafna flus u mhux dejjem flus nodfa!

 

Nitolbu 'l-Mulej il-grazzja, temm il-Papa, li jtina l-Ispirtu s-Santu biex immorru warajH b'intenzjoni retta:  Hu biss.  Mingħajr vanità, mingħajr għatx għall-poter u mingħajr il-kilba għall-flus.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.