Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-qaddisin moħbija fil-ħajja ta’ kuljum jagħtu t-tama

Il-Ħamis, 4 ta' Diċembru 2014

 

Jeżistu bosta qaddisin moħbija, nisa,missierijiet u ommijiet ta’ familja, morda, saċerdoti li ta’ kuljum iqiegħdu fil-prattika l-imħabba ta’ Ġesù.  Dan kollu jnissel it-tama qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Il-veru Nisrani hu dak li jqiegħed fil-prattika l-Kelma t’Alla.  Mhux biżżejjed li ngħidu li għandna l-fidi.  Fil-kummenti dwar il-Vanġelu tad-dar mibnija fuq il-blat jew fuq ir-ramel, il-Papa Franġisku jistedinna biex ma nkunux Insara tal-apparenza, Insara bil-“make-up”, għax appena tinżel ftit xita, l-“make-up” jgħib.

Mhux biżżejjed li nkunu niffurmaw parti minn familja Kattolika ferventi jew minn xi assoċjazzjoni jew li nkunu benefatturi jekk ma nimxux skont ir-rieda ta’ Alla.  Hemm tant Insara tal-apparenza, osserva l-Papa, li jiġġarfu mal-ewwel tentazzjoni, għax fihom mhemmx sustanza, bnew fuq ir-ramel.

 

Iżda mbagħad hemm ħafna qaddisin “fil-poplu t’Alla” – mhux bilfors kanoniżżati, imma qaddisin - tant nisa u rġiel li jqiegħdu fil-prattika l-imħabba ta’ Ġesù.  Tant minnhom!  Huma bnew darhom  fuq il-blata li hu Kristu.

 

Naħsbu ftit f’dawk li huma l-iżgħar, qal Franġisku; il-morda li joffru t-tbatijiet tagħhom għall-Knisja, għall-oħrajn.  Naħsbu ftit f’tant anzjani waħedhom, li jitolbu u joffru.  Naħsbu ftit dwar tant ommijiet u missijrijiet li jmexxu l-familja b’tant sagrifiċċji biex jedukaw lil uliedhom, bix-xogħol ta’ kuljum, bil-problemi, imma dejjem bit-tama f’Ġesù; ma jiddandnux imma jagħmlu dak li jistgħu.

Dawn huma l-qaddisin tal-ħajja ta’ kuljum, esklama l-Papa.  Naħsbu ftit dwar tant saċerdoti li ma jidhrux imma jaħdmu fil-parroċċi tagħhom b’tant imħabba: il-katekiżmu lit-tfal, il-kura tal-anzjani, tal-morda, it-tħejjija għaż-żwieġ tal-għarajjes..

 

U kuljum l-istess, l-istess rutina.   Ma jiddejqux għax il-pedament tagħhom jinsab fuq il-blat.  Huwa Ġesù.  Dan jagħti l-qdusija lill-Knisja, u dan inissel it-tama!

Jeħtieġ li naħsbu ħafna dwar din il-qdusija moħbija li għandna fil-Knisja – afferma Franġisku – Insara li jibqgħu f’Ġesù.  Mdinbin, eh?  Ilkoll aħna midinbin.  U xi kultant dawn l-Insara jaqgħu f’xi dnub kbir, imma jindmu, jitolbu maħfra.  U din hi ħaġa kbira: il-ħila li nitolbu maħfra, li ma nħalltux id-dnub mal-virtù, li nkunu nafu sewwa fejn hi l-virtù u fejn hu d-dnub.  Dawn in-nies huma mibnijin fuq il-blat, il-blata li hi Kristu.  Jimxu fit-triq ta’ Ġesù, jimxu warajh.

 

Is-suppervi, il-vanitużi, l-Insara tal-apparenza – saħaq il-Papa – għad ikunu mirbuħa, umiljati, filwaqt li l-foqra se jkunu dawk li jittrijonfaw, il-foqra fl-ispirtu, dawk li quddiem Alla jħossu x-xejn tagħhom, l-umli, li jimxu lejn is-salvazzjoni għax iqiegħdu fil-prattika l-Kelma tal-Mulej.

 

Illum hawn u għada m’aħniex, żied il-Papa li kkowta lil San Bernard li qal: Aħseb, bniedem, x’għad jiġri minnek: ikel għad-dud.  Jiekluna d-dud, ilkoll kemm aħna, fakkar il-Papa.  Jekk ma jkollniex din il-blata nispiċċaw mirfusin.

 

F’daż-żmien ta’ tħejjija għall-Milied nitolbu lill-Mulej li nkunu b’saqajna fuq il-blata li hi Hu.  It-tama tagħna hi Hu.  Aħna lkoll midinbin, aħna dgħajfin imma jekk inqiegħdu t-tama tagħna fih inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem.

Dan hu l-ferħ tan-Nisrani: li jaf li fiH hemm it-tama, hemm il-maħfra, hemm il-paċi, hemm il-ferħ.  U ma nqiegħdux it-tamiet tagħna f’affarijiet li llum hawn u għada jispiċċaw.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.