Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Alla jagħti mingħajr qies imma l-Kattoliċi ma jistgħux ikunu ta’ nofs kedda

It-Tlieta, 4 ta’ Novembru 2014

 

Fil-liġi tas-Saltna t’Alla ma nistgħux nirraġunaw: tini ħa ntik, għax Alla jagħti bil-gratwità, afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  Il-Qdusija Tiegħu wissa li xi drabi, minħabba eġoiżmu jew kilba għall-poter nirrifjutaw l-istedina gratwita li jagħmlilna Alla għall-festa tiegħu.  Kultant, żied jgħid il-Papa, nafdaw f’Alla b’nofs qalb.

 

Raġel għamel festa kbira imma l-mistednin kollha sabu skuża biex ma jmorrux.  Dan il-pass tal-Vanġelu nebbaħ il-ħsieb tal-Papa Franġisku għall-omelija tal-lum.  Hija parabbola, qal il-Papa, li ġġegħelna naħsbu, għax kulħadd jieħu gost imur f’xi festa, ikun mistieden.  Imma f’din l-ikla kien hemm xi ħaġa li lill-mistednin ma għoġbithomx.  Wieħed qal li ried imur l-għalqa u l-vanità, il-kburija tiegħu ġegħelitu jagħżel li jmur jara l-għalqa minflok joqgħod bilqiegħda flimkien ma’ oħrajn. Ieħor xtara ħames barrin u l-attenzjoni tiegħu hi fuq in-negozju u ma jridx jitlef żmien ma’ nies oħra.  Le, qal il-Papa, ried kollox għalih biss: l-egoiżmu.

Fl-aħaħr mill-aħħar, it-tlett mistednin jagħżlu lilhom infushom biex ma jaqsmux il-festa mal-oħrajn: ma jafux x’inhi festa.  Dejjem hemm fin-nofs l-interessi personali, dak li Ġesù sejjaħlu “l-iskambju”.

 

Kieku forsi l-invit kien: Ejjew għax għandi tnejn jew tlett negozjanti li ġew minn pajjiż ieħor ħa naraw nistgħux nagħmlu xi ħaġa flimkien, żgur li ħadd minnhom ma kien jirrifjuta.  Imma dak li jbeżżagħhom hi l-gratwità.  Li jkunu bħal ħadieħor… hemm hu l-egoiżmu, riedu jkunu huma fiċ-ċentru ta’ kollox.

Kemm hu diffiċli tisma’ leħen Ġesù, leħen Alla, meta kollox idur madwarek: mhemmx xefaq, għax ix-xefaq tkun inti nnifsek.  U wara dan hemm xi ħaġa oħra aktar profonda: hemm il-biża’ mill-gratwità.  Aħna nibżgħu mill-gratwità ta’ Alla.  Hija tant kbira li tbeżżgħana.

 

Dan jiġri, kompla jgħid il-Papa, għax l-esperjenzi tal-ħajja ħafna drabi jnikktuna, kif ġara lid-dixxipli ta’ Għemmaws li kienu sejrin lejn darhom minn Ġerusalemm, jew lil Tumas li ried imiss biex jemmen.

Il-Papa semma’ l-proverbju li jgħid li meta l-offerta tkun abbundanti anki l-qaddis jissuspetta, għax il-gratwità hija bla qies.  U meta Alla joffrilna ikla bħal din, aħna naħsbu li aħjar naħslu jdejna minnha.

Inħossuna aktar imkennin fi dnubietna, fil-limitazzjonijiet tagħna,  inħossuna d-dar u nsibuha bi tqila noħorġu mnn darna biex nilqgħu l-istedina ta’ Alla, biex immoru fid-dar ta’ Alla, flimkien mal-oħrajn?

Le, nibża’.  Aħna l-Insara lkoll għandna dan il-biża’ moħbi fina.  Allura nkunu Kattoliċi ta’ nofs kedda.  Nafdaw fil-Mulej……. imma mhux wisq! Dawn il-limitazzjonijiet li nimponu fuqna nfusna jimmarkaw ħajjitna u jagħmluna ċkejknin, iċekknuna, mhux hekk?, staqsa l-Papa.

 

Hemm ħaġa li naħseb fuqha, żied jgħid.  Din hi li meta l-qaddej qal kollox lis-sid, dan sibel għax ħassu disprezzat.  U bagħat għall-foqra kollha, għaz-zoppop li kienu fil-pjazzez u fit-toroq tal-belt.  Is-Sinjur jitlob lill-qaddej biex iġiegħel lin-nies jidħlu għall-festa.  Tant drabi, osserva Franġisku, il-Mulej ikollu jagħmel l-istess magħna billi jgħaddina mill-provi, minn tant provi.

 

“Ġegħelhom jiġu għax hawn qed issir festa bil-gratwità”.  Iġiegħel lill-qalb, lil dik ir-ruħ, temmen li f’Alla hemm il-gratwità, li r-rigali li jagħti Alla huma b’xejn, li s-salvazzjoni ma tinxtarax imma hija rigal kbir tal-imħabba t’Alla, hija l-akbar rigal!

Din hi l-gratwità.  U aħna nibżgħu xi ftit u naħsbu li l-qdusija tiġi bl-affarijiet li nagħmlu aħna u wara żmien nibdew ngħixu xi ftit f’nofs baħar miftuħ.  Il-qdusija, is-salvazzjoni huma gratwità!

 

Ġesù, żied jgħid il-Papa, ħallas għall-festa bl-umiljazzjoni u bil-mewt, bil-mewt fuq is-Salib.  Din hi l-akbar gratwità.  Meta aħna nħarsu lejn il-Kurċifiss għandna naħsbu li dak hu d-daħla tal-festa.

 

“Iva, Mulej, jiena midneb, għandi bosta nuqqasijiet imma nħares lejk u mmur għall-festa tal-Missier.  Nafda fik.  Mhux se nitqarraq għax Int ħallast kollox”.

Illum, temm il-Papa, il-Knisja titlobna biex ma nibżgħux mill-gratwità ta’ Alla.  Irridu biss niftħu qlabna, inwarrbu minna dak kollu li hu tagħna; imma l-festa l-kbira Hu jagħmilha.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.