Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-qawwa tal-ħajja Nisranija tinsab fil-laqgħa bejn dnubietna u Kristu li jsalvana. 

Il-Ħamis, 4 ta' Settembru 2014

 

Il-qawwa tal-ħajja Nisranija tinsab fil-laqgħa bejn dnubietna u Kristu li jsalvana.  Fejn mhemmx din il-laqgħa, il-Knejjes huma dekadenti u l-Insara berdin.  Din l-affermazzjoni għamilha l-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

 

Pietru u Pawlu jgħinuna nifhmu li n-Nisrani jista’ jiftaħar b’żewġ affarijiet: “dnubietu u Kristu msallab, qal il-Papa.  Il-qawwa tal-Kelma t’Alla li tittrasforma, spjega l-Papa, tibda’ minn dan l-għarfien.  Hekk, Pawlu fl-ittra lill-Korintin jistieden lil min jaħseb li hu għaref “biex isir iblaħ ħalli jsir għaref, għax l-għerf ta’ din id-dinja huwa bluha quddiem Alla”.

 

Pawlu jgħidilna li l-qawwa tal-Kelma t’Alla, dik li tibdel il-qalb, li tibdel id-dinja, li tagħti t-tama, li tagħtina l-ħajja, ma nsibuhiex fl-għerf uman: mhix f’xi diskors sabiħ, f’xi rakkont imlewwen tal-inteliġenza umana.  Le.

 

Dik hi bluha, jgħidilna.  Il-qawwa tal-Kelma t’Alla tiġi minn imkien ieħor.  Il-qawwa tal-Kelma t’Alla tgħaddi wkoll mill-qalb tal-predikatur li jippritkaha:  “Siru boloħ”, jiġifieri tqiegħdux is-sigurtà tagħkom f’għerfkom, fl-għerf tad-dinja.

L-Appostlu Pawlu ma kienx jiftaħar bl-istudji tiegħu minkejja li kien studja mal-aktar professuri importanti ta’ żmienu, imma kien jiftaħar biss b’żewġ affarijiet.

Hu stess jgħid: “Jien niftaħar biss bi dnubieti”.  Dan jiskandaliżża.  Imbagħad, f’post ieħor jgħid: Jien niftaħar biss bi Kristu u f’dan imsallab”.

 

Il-qawwa tal-Kelma t’Alla tinsab fil-laqgħa bejn dnubieti u d-Demm ta’ Kristu li jsalvani.  U meta din il-laqgħa ma sseħħx, il-qalb titlef il-qawwa.  Meta din il-laqgħa li kellna tul ħajjitna tintesa, insiru mondani, inkunu rridu nitkellmu dwar il-ħwejjeġ t’Alla bil-lingwaġġ uman; dan ma jiswa’ xejn, ma jagħtix ħajja.

Anki Pietru, fil-Vanġelu tas-sajda mirakoluża, jkollu l-esperjenza tal-laqgħa ma’ Ġesù billi jara d-dnub tiegħu: jara l-qawwa ta’ Ġesù u jara lilu nnifsu.  Jintefa’ f’saqajH u jgħidlu: “Mulej, tbiegħed minni għax jiena midneb”.  F’din il-laqgħa bejn Kristu u dnubieti hemm is-salvazzjoni.

 

Il-post privileġġjat għall-laqgħa ma’ Ġesù Kristu huwa d-dnubiet tagħna.  Jekkin-Nisrani ma jħossx li hu midneb u salvat mid-Demm ta’ Kristu, Kristu Msallab, dan ikun Nisrani f’nofs it-triq, Nisrani biered.

U meta aħna naraw Knejjes dekadenti, parroċċi dekadenti, istituzzjonijiet dekadenti, żgur li l-Insara li jkunu fihom qatt ma ltaqgħu ma’ Ġesù Kristu jew inkella nsew il-laqgħa li kellhom miegħu.

 

Il-qawwa tal-ħajja Nisranija u l-qawwa tal-Kelma t’Alla tinsab propju f’dak il-mument fejn jiena, midneb, niltaqa’ ma’ Ġesù… u dik il-laqgħa tibdilli ħajti… ittini l-qawwa biex inħabbar is-salvazzjoni lill-oħrajn.

 

Bħalma drajnieh jagħmel, il-Papa Franġisku jistedinna nagħmlu ftit domandi lilna nfusna:  Jien għandi ħila li ngħid lill-Mulej: “Jiena midneb”, mhux bit-teorija imma bl-istqarrija tad-dnub konkret?  U jien għadni ħila nemmen li propju Hu, b’Demmu, ħelisni mid-dnub u tani ħajja ġdida?  Għandi fiduċja fi Kristu?

 

Il-Papa Franġisku temm l-omelija hekk: Biex għandu jiftaħar in-Nisrani?  B’żewġ affarijiet: bi dnubietu u bi Kristu msallab.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.