Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Fit-triq tan-nisrani dejjem se jkun hemm is-Salib.

It-Tlieta, 4 ta' Marzu 2014

 

Fit-triq tan-nisrani dejjem se jkun hemm is-Salib, afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta.   Il-Papa ffoka l-omelija li għamel fuq il-persekuzzjoni tal-insara u saħaq li llum in-numru tal-martri jiżboq dak tal-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Franġisku afferma wkoll li l-ħajja nisranija mhix xi vantaġġ kummerċjali, imma hija sempliċiment mixja wara Ġesù.

 

Ġesù kien għadu kif temm jitkellem dwar il-periklu tal-għana u Pietru staqsieh x'kienu se jirċievu d-dixxipli li ħallew kollox biex jimxu warajh.

Il-Papa Franġisku bena l-omelija madwar dan il-konfront li naqraw fil-Vanġelu tallum u l-ewwel ħaġa li qal kienet li Ġesù hu “ġeneruż”.  Fil-verità, wieġeb il-Mulej, mhemm ħadd minn dawk li telqu l-familja, id-dar, l-għelieqi, li mhux se jirċievi diġà minn issa mitt darba aktar.  Forsi, ikkummenta Franġisku, Pietru ħaseb li l-mixja wara Ġesù hija xi attività kummerċjali sabiħa, għax biha naqalgħu mitt darba aktar.  Imma Ġesù jżid jgħid li ma' dan il-qligħ se jkun hemm ukoll il-persekuzzjonijiet.

 

Donnu ried jgħid: Iva, intom ħallejtu kollox u tirċievu hawn fid-dinja, tant affarijiet... imma bil-persekuzzjoni!  Bħall-insalata biż-żejt tal-persekuzzjoni: dejjem!  Dan hu l-qligħ tan-nisrani u din hija t-triq ta' min irid jimxi wara Ġesù, għax hija t-triq li għamel Hu.  Hu kien persegwitat!  Hija t-triq tal-umiltà.  Dak li Pawlu jgħid lill-Filippin: “Iċċekken.  Sar bniedem u ċċekken sal-mewt, anzi sal-mewt fuq is-Salib”.  Din hi l-vera tonalità tal-ħajja nisranija.

L-istess fil-Beatitudnijiet, kompla l-Papa, meta Ġesù jgħid: Beati intom li jinsultawkom, meta tkun persegwitati minħabba f'ismi.  Il-presekuzzjoni hija waħda mill-Beatitudnijiet.  Id-dixxipli, fakkar il-Papa, immedjatament wara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu bdew jipprietkaw u bdew il-persekuzzjonijiet fuqhom.  Pietru spiċċa l-ħabs, Stiefnu ġie mħaġġar, l-istess bħalma qed jiġri lil tant dixxipli llum.  Is-salib, widdeb il-Papa, dejjem qiegħed fit-triq nisranija!  Aħna, tenna Franġisku, se jkollna tant ħutna, tant ommijiet, tant missiriejiet fil-Knisja, fil-komunità nisranija, imma se jkollna wkoll tant persekuzzjoni.

Għax id-dinja ma tittollerax id-divinità ta' Kristu.  Ma tittollerax l-aħbar tal-Evanġelju.  Ma tittollerax il-Beatitudnijiet.  B'hekk issir il-persekuzzjoni: bil-kliem, bil-kalunnji, b'dak li kienu jgħid l-insara tal-ewwel sekli, bil-malafama, bil-ħabs...  Imma aħna malajr ninsew.  Naħsbu ftit dwar tant insara 60 sena ilu, fil-kampijiet, fil-ħabsijiet tan-nażisti, tal-komunisti: tant u tant!  Għax kienu nsara!  Anki llum... Imma llum għanda kultura akbar u dawn l-affarijiet ma jeżistux?  Jeżistu!  U jien ngħidilkom li llum hawn aktar martri milli kien hemm fl-ewwel żminijiet tal-Knisja.

 

Tant ħutna, kompla jgħid, li jagħtu xhieda ta' Ġesù, joffru xhieda ta' Ġesù u jisfaw persegwitati.  Insara, qal il-Papa b'djieqa ta' qalb, li lanqas biss jista' jkollhom il-Bibbja magħhom.  Huma kundannati għax għandhom il-Bibbja.  Ma jistgħux jagħmlu s-sinjal tas-salib. 

 

U din hi t-triq ta' Ġesù.  Imma hi triq ferrieħa!  Għaliex il-Mulej qatt ma jgħaddina minn provi li aħna ma nkunux nifilħu għalihom.  Il-ħajja nisranija mhix xi vantaġġ kummerċjali, mhix xi karriera: hi sempliċiment mixja wara Ġesù!  Imma meta nimxu wara Ġesù dan jiġri!  Naħsbu ftit jekk fina hemmx ir-rieda li nkunu kuraġġużi fix-xhieda li nagħtu ta' Ġesù.  Naħsbu wkoll – jagħmlilna tajjeb – f'ħafna ħutna li llum, illum, ma jistgħux jitolbu flimkien għax huma persegwitati, ma jistax ikollhom il-ktieb tal-Vanġelu jew il-Bibbja, għax jisfaw persegwitati.

 

Naħsbu ftit, reġa' qal il-Papa, f'dawk ħutna li ma jistgħux imorru l-quddies għax dan hu pprojbit għalihom.  Kemm-il darba, afferma Franġisku, fosthom imur saċerdot bil-moħbi, jagħmlu tabirruħhom li qegħdin madwar mejda jieħdu t-te, imma jkunu qed jiċċelebraw il-quddiesa, biex ma jinqabdux?  Dan, żied il-Papa, qed jiġri llum.

 

Naħsbu, temm il-Qdusija Tiegħu, jekk aħniex disposti li nġorru s-Salib bħal Ġesù, li nissaportu l-persekuzzjoni biex nagħtu xhieda ta' Ġesù kif jagħmlu dawn ħutna li llum huma umiljati u persegwitati.  Jekk naħsbu dwar dan, ilkoll kemm aħna jagħmilna tajjeb!


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.