Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Anki Alla jibki: il-biki tiegħu hu bħal dak ta' missier li jħobb lil uliedu u ma jiċħadhom qatt anki jekk ikunu ribelli.

It-Tlieta, 4 ta' Frar 2014

Anki Alla jibki: il-biki tiegħu hu bħal dak ta' missier li jħobb lil uliedu u ma jiċħadhom qatt anki jekk ikunu ribelli, jibqa' jistennihom dejjem.  Din l-affermazzjoni għamilha l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa li ppresjieda fid-Dar Santa Marta dalgħodu.

 

Il-qari tal-lum jippreżentalna l-figura ta' żewġ missirijiet: ir-Re David li jibki l-mewt ta' ibnu ribell Absalom, u Ġajru, kap tas-sinagoga li jitlob lil Ġesù jfejjaqlu lil bintu.  Il-Papa sġjega l-biki ta' David mal-aħbar tal-qtil ta' ibnu, minkejja li dan kien qed jiġġieled kontra missieru biex joħodlu r-renju.  L-eżerċtu ta' David rebaħ, imma lir-re ma kinitx tinteressaħ ir-rebħa, kien qed jistenna lil ibnu!  Kien jimpurtah biss minn ibnu!  Kien re, kien kap tal-pajjiż, imma kien missier!  B'hekk, meta waslet l-aħbar tat-tmiem ta' ibnu ħa xokk u beda jitriegħed, tela fil-kamra ta' fuq jibki.  Hu u tiela beda jgħid: Ibni, ibni Absalom!  Aħjar mitt jien minflokok!  Absalom, ibni, ibni!  Din hi l-qalb ta' missier li qatt ma jiċħad lil ibnu.  Kien brigant, kien għadu, imma dejjem baqa' ibni!

 

David darbtejn beka minħabba uliedu: did-darba, u meta kien se jmutlu t-tifel li twieled mill-adulterju.  Anki dik id-darba kien sâm u għamel il-penitenza biex isalva l-ħajja ta' ibnu.  Kien missier!.  

Il-missier l-ieħor li naqraw dwaru llum kien il-kap tas-sinagoga, persuna importanti, afferma l-Papa, imma li quddiem il-marda ta' bintu ma jistħix jinxteħet f'riġlejn Ġesù u jgħidlu: binti qed tmut, ejja qiegħed idejk fuqha biex jgħaddilha u tgħix!  Ma jistħix, ma jimpurtahx minn dak li se jgħidu l-oħrajn għax hu missier.  David u Ġajru huma żewġ missirijiet.  Għalihom l-aktar importanti kienu l-iben, it-tifla!  Xejn aktar, dawk kienu l-unika ħaġa importanti!  Dan iwassal ħsiebna fuq l-ewwel ħaġa li ngħidu lil Alla fil-Kredu: Nemmen f'Alla l-Missier.  Iġiegħlna naħsbu dwar il-paternità ta' Alla.  Imma Alla hekk hu.  Alla hekk hu magħna. 

 

Imma, tgħiduli, Alla ma jibkix!  Kif le?  Niftakru f'Ġesù meta beka x'ħin ra 'l Ġerusalemm.  Gerusalemm, Ġerusalemm, kemm-il darba ridt niġbor 'l uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor 'il-flieles taħt ġwenħajha.  Alla jibki!  Ġesù beka minħabba fina.  U dak il-biki ta' Ġesù hu propju x-xbieha tal-biki tal-Missier li jridna lkoll miegħu.

Fil-mumenti diffiċli, enfasiżża l-Papa Franġisku, il-Missier iwieġeb.  Niftakru f'Iżakk, meta mar ma' Abraham biex jagħmlu s-sagrifiċċju.  Iżakk ma kienx belgħani, fehem x'se jiġri.  Kellu qalbu mdejqa!  U x'jgħid?  “Missier”.  U mill-ewwel Abraham iwieġeb “Hawn jien, ibni.”  L-istess Ġesù fil-Ġnien taż-Żebbuġ, bid-djieqa f'qalbu: Missier, jekk jista' jkun, biegħed minni dan il-kalċi!  U niżlu l-anġli jgħinuh.  Hekk hu Alla tagħna: hu Missier!  Hu dan it-tip ta' Missier.

 

Hu Missier bħal dak li kien jistenna l-iben il-ħali li telaq bil-flus kollha u bil-wirt tiegħu kollu.  Imma missieru baqa' jistennih, kuljum, u rah ġej mill-bogħod.  Dak hu Alla tagħna, osserva l-Papa, hu l-paternità tagħna – dik tal-missirijiet tal-familja, bħall-paternità spiritwali tal-isqfijiet u s-saċerdoti.  Bħal din għandha tkun: il-missier għandu bħal dilka li tkun ġejja minn ibnu: ma jistax jifhem lilu nnifsu mingħajr ibnu!  U minħabba f'hekk għandu bżonn lil ibnu: jistennih, iħobbu, ifittxu, jaħfirlu, iridu qribu, tant qrib bħalma l-qroqqa trid lill-flieles tagħha.

 

Ejjew immoru lura d-dar b'dawn iż-żewġ ikoni:  David li jibki, u l-ieħor, kap tas-sinagoga, li jinxteħet quddiem Ġesù mingħajr biża' li jista' jsir iż-żuffjett tal-oħrajn minħabba l-mistħija.  Fin-nofs kien hemm iż-żewġ uliedhom: it-tifel u t-tifla. U ma' dawn iż-żewġ ikoni ngħidu:  nemmen f'Alla l-Missier... u nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, għax hu biss l-Ispirtu s-Santu li jgħallimna ngħidu: Abbà, Missier!  Din hija grazzja li nistgħu nsejħu bil-qalb lil Alla: Missier.  Hija grazzja tal-Ispirtu s-Santu.  Nitolbuhielu, temm il-Papa.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.