Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Ir-rivalità u l-vanaglorja huma l-kamla li ddgħajjef il-Knisja

It-Tnejn, 3 ta’ Novembru 2014

 

Ir-rivalità u l-vanaglorja huma kamla li ddgħajjef il-Knisja.  Jeħtieġ naħdmu bi spirtu ta’ umiltà u armonija mingħajr ma nfittxu l-interessi personali.  Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

 

Il-Papa ħa spunt mill-ittra ta’ San Pawl lill-Filippin u osserva li l-ferħ tal-isqof hu li jara l-Knisja tiegħu magħquda fl-imħabba u l-armonija.  Din l-armonija hija grazzja li jtina l-Ispirtu s-Santu, żied Franġisku, imma aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna, ħilitna kollha, biex ngħinu lill-Ispirtu s-Santu jnissel din l-armonija fil-Knisja.

 

Għalhekk, kompla l-Papa, San Pawl jistieden lill-Filippin biex ma jagħmlu xejn għall-pika u l-vanaglorja u biex ma jiġġieldux bejniethom, jagħmlu biex jidhru huma jew jieħdu atteġġjament biex bih jidhru li huma aħjar minn ħaddieħor.  Hu ċar, osserva l-Papa, li din mhix xi ħaġa ta’ żmienna biss, imma ġejja mill-bogħod.

Kemm-il darba fl-istituzzjonijiet tagħna, fil-Knisja, fil-parroċċi, fil-kulleġġi nsibu dan, staqsa l-Papa?  Il-piki: li nidhru aħna, il-vanaglorja, huma żewġ dudiet tal-kamla li jnawru l-konsistenza tal-Knisja, idgħajfuha.

 

Il-pika u l-vanaglorja jaħdmu kontra l-armonija, kontra l-qbil.  X’parir jagħti Pawlu minflok il-pika u l-vanglorja?  Kull wieħed u waħda minna jrid jaħdem bl-umiltà.  X’għandha tkun din l-umiltà?: li nqisu lil ħaddieħor superjuri għalina

Pawlu hekk kien iħoss.  Hu jqis lilu nnifsu mhux dehen li jissejjaħ Appostlu, l-aħħar wieħed.  Jumilja ruħu bil-kbir.  Dan kien issentiment tiegħu: li jaħseb li l-oħrajn huma akbar minnu.

 

Il-Papa fakkar lil San Martin de Porres “patri Dumnikan umli” li llum il-Knisja tagħmel it-tifkira liturġika tiegħu.  L-ispiritwalità tiegħu kienet fis-servizz għax kien iħoss li l-oħrajn kollha, anki l-akbar midinbin, kienu superjuri għalih.  U kien iħoss dan bis-serjetà.

 

San Pawl imbagħad iħeġġeġ lil kulħadd biex ma jfittixx l-interessi personali.  Infittxu l-ġid tal-oħrajn.  Inservu lill-oħrajn.  Dan hu l-ferħ tal-isqof, meta jara l-Knisja tiegħu hekk: tħoss l-istess, tagħmel l-istess karità, fejn kulħadd jibqa’ magħqud fl-aromonija.

 

Din hi l-arja li Ġesù jrid jara fil-Knisja tiegħu.  Jista’ jkollna opinjonijiet differenti, ma jimpurtax, imma dejjem b’dan l-atteġġjament, b’din l-atmosfera ta’ umiltà, karità, mingħajr ma niddispreżżaw lil ħadd.

 

B’riferiment għall-Vanġelu tal-ġurnata l-Papa żied jgħid li hu ikrah meta fl-istituzzjonijiet tal-Knisja, ta’ djoċesi, fil-parroċċi, nsibu nies li jfittxu l-interessi personali, u mhux is-servizz, l-imħabba.

Dan hu dak li jrid jgħid Ġesù fil-Vanġelu: ma nfittxux l-interessi personali, ma nimxux fit-triq li nagħtu lil min jista’ jroddilna lura.  Hekk hu, jien għamiltlek favur imma inti trid tpattihuli hekk!

 

Din il-parabbola, li nistiednu għall-ikel lil min ma jistax jagħtina xejn lura, hija l-gratwità.  Meta fi Knisja jkun hemm l-armonija, hemm l-għaqda, ħadd ma jfittex l-interessi tiegħu, ikun isaltan dan l-atteġġjament ta’ gratwità.  Jien nagħmel il-ġid u mhux nagħmel it-tajjeb qiesu xi biċċa negozju.

 

Il-Papa stieden lil kulħadd biex jagħmel eżami tal-kuxjenza u jistqasi: kif inhi l-parroċċa tiegħi, kif inhi l-komunità?  Fihom isaltan dan l-ispirtu?  Fl-istituzzjoni tiegħi hemm din l-armonija, dan l-ispirtu ta’ mħabba, ta’ għaqda, l-idea li l-oħrajn huma superjuri għalija?  Dan l-ispirtu jeżisti fil-parroċċa, fil-komunità tiegħi?

B’hekk forsi nsibu li għandna xi ħaġa x’intejbu u nistaqsu lilna nfusna: x’nista’ nagħmel jien biex dan it-titjib iseħħ?


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.