Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Nemmnu f’Ġesù li ġabilna messaġġ ta’ salvazzjoni għall-umanità ta’ kull żmien, jew inkella nsibu kenn f’salvazzjonni magħmula minn “ħafna kmandamenti magħmulin mill-bniedem”?

Il-Ġimgħa, 3 ta' Ottubru 2014

 

Nemmnu f’Ġesù li ġabilna messaġġ ta’ salvazzjoni għall-umanità ta’ kull żmien, jew inkella nsibu kenn f’salvazzjonni magħmula minn “ħafna kmandamenti magħmulin mill-bniedem”?  Din hi d-dilemma li tkellem dwarha l-Papa Franġisku fl-omelija li għamel fid-Dar Santa Marta dalgħodu.

 

Ix-xewqa waħdanija ta’ Alla hi li jsalva lill-bniedem, imma l-problema hi li spiss il-bniedem irid jiddetta r-regoli tas-salvazzjoni.  Dan hu l-paradoss drammatiku li nsibu fil-paġni tal-Bibbja li tilħaq il-milja tagħha fil-miġja fuq din l-art ta’ Kristu.

Il-Papa Franġisku niżel fil-fond ta’ dan il-ħsieb imnebbaħ mis-silta tal-Vanġelu fejn Ġesù juri dispjaċir meta jara li niesu stess huma kontrih, meta jara li l-bliet jagħtu spallejhom lill-messaġġ tiegħu.

 

“Kieku dawn il-hwejjeġ li saru fostkom saru f’Tir u Sidon – Ġesù jwiddeb lil Korażajn u l-Betsajda – kieku ilhom żmien li kkonvertew.  F’dan il-paragun iebes u mimli mrar, hemm miġbura l-istorja kollha tas-salvazzjoni, qal il-Papa.

Bħalma kienu qatlu lill-Profeti li ġew qablu “għax kienu skomdi”, issa jagħmlu l-istess lil Ġesù.  Dan hu d-dramm tar-reżistenza li jagħmlu l-kapijiet tal-poplu biex ikunu salvati.

 

Huma propju l-mexxejja li jagħlqu l-bibien għall-mod ta’ kif Alla jrid isalvana.  B’hekk nifhmu d-djalogi qawwijin ta’ Ġesù mal-mexxejja ta’ żmienu: jillitikaw, jippruvawh, jagħmlulu n-nasses biex jaraw jekk jaqax għax huma kienu jirreżistu li jiġu salvati.

 

Ġesù jgħidilhom: Jien ma nistax nifhimkom!  Intom bħat-tfal li daqqewlkom il-flawt u ma żfintux, kantawlkom għanja ta’ dwejjaq u ma bkejtux.  Imma xi tridu?

Irridu niksbu s-salvazzjoni bil-mod tagħna!  Dan hu l-għeluq għall-metodi t’Alla.   Huwa atteġġjament li l-Papa Franġisku jiddistingwih minn dak tal-poplu li jemmen, li jifhem u jaċċetta s-salvazzjoni kif ġabhielna Ġesù.  Salvazzjoni li, għall-kuntrarju, il-kapijiet tal-poplu rriduċewha għall-ħarsien ta’ 613 il-regola li ħolqu huma bid-deni intellettwali u teoloġiku tagħhom.

 

Huma ma jemmnux fil-ħniena u fil-maħfra: jemmnu fis-sagrifiċċji.  Ħniena rrid mhux sagrifiċċji.  Huma jemmnu f’xi ħaġa sistematika, kollox eżatt f’postu u ċar.  Dan hu d-dramm tar-rerżistenza għas-salvazzjoni.

 

Aħna ukoll, kull wieħed u waħda minna, għandna ġo fina dan id-dramm.  Jagħmilna tajjeb nistaqsu: kif irrid insalva jien?  Bi spiritwalità tajba, li tagħmilli tajjeb, imma li hi riġida, li fiha kollox hu ċar u mingħajr riskju?  Jew bil-mod divin, jiġifieri fuq it-triq ta’ Ġesù li jissorprendina dejjem, li jiftħilna l-bibien għal dak il-misteru tal-Omnipotenza ta’ Alla, li huma l-ħniena u l-maħfra?

 

Jagħmlilna tajjeb naħsbu ftit, insista l-Papa Franġisku, li fi qlubna għandna dan id-dramm.  Nirriflettu fuq il-fatt jekk jiġrilniex li nitfixklu bejn il-libertà u l-awtonomija, li nagħżlu s-salvazzjoni li jidhrilna aħna li hi tajba.

 

Jiena nemmen li Ġesù huwa l-Imgħallem li jgħallimna s-salvazzjoni jew immur infittex lil xi guru li jgħallimni oħra?  Nimxi fi triq żgura jew ninħeba wara l-preċetti u l-kmandamenti magħmulin mill-bniedem?  B’hekk inħossni żgur li (iebsa li tgħidha din) inkun ċert li nixtri s-salvazzjoni, li Ġesù jagħti bi gratwità, bil-gratwità ta’ Alla? Jagħmlilna tajjeb illum nagħmlu dawn il-mistoqsijiet lilna nfusna.  U nżidu oħra: jien qed nirreżistiha s-salvazzjoni ta’ Ġesù?


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.