Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Ġesù jitlob għal kull wieħed u waħda minna billi juri l-pjagi tiegħu lill-Missier.

Il-Tlieta, 3 ta' Ġunju 2014

 

Ġesù jitlob għal kull wieħed u waħda minna billi juri l-pjagi tiegħu lill-Missier.  Dan kien wieħed mill-kummenti qawwija li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Qdusija Tiegħu saħaq li Ġesù hu l-avukat tagħna li jiddefendina anki jekk aħna ħatja u għamilna tant dnubiet.

 

Il-waqt tal-firda ta’ Ġesù u l-waqt tal-firda ta’ San Pawl.  Il-qari tal-ġurnata taw lill-Papa l-okkażjoni biex jitkellem dwar it-talb ta’ interċessjoni.  Meta Pawlu jħalli Miletu, osserva Franġisku, kulħadd iħoss qalbu sewda u l-istess ġralhom id-dixxipli meta Ġesù għamel id-diskors aħħari qabel ma’ mar fil-Ġetsemani biex jibda l-passjoni tiegħu.

 

Il-Mulej, kompla l-Papa, ifarraġhom, u hemm sentenza qasira fid-diskors tat-tluq ta’ Ġesù li ġġegħelek taħseb.  F’dan id-diskors fakkar il-Papa, Ġesù, jitkellem mal-Missier u jgħid: “Jien nitlob għalihom”  Ġesù jitlob għalina.  Kif kien għamel għal Pietru u quddiem il-qabar għal Lazzru.

 

Ġesù jgħidilna; “Intom ilkoll tal-Missier.  U jiena nitlob għalikom quddiemu.  Ġesù ma jitlobx għad-dinja, jitlob għalina, jitlob għall-Knisja tiegħu.

Meta jaħseb dwar dawn l-affarijiet u jitkellem dwarna li aħna tant midinbin, l-Appostlu Ġwanni jgħid: “tidinbux aktar, imma jekk xi ħadd minnkom jidneb, kunu afu li quddiem il-Missier għandna avukat li jiġġustifikana.

 

Nemmen li rridu nirriflettu ħafna dwar din il-verità, din ir-realtà:  f’dan il-waqt Ġesù qed jitlob għalija.  Jien nista’ nimxi ‘l quddiem fil-ħajja għax għandi avukat li jiddefendini u jekk jien ħati u għandi ħafna dnubiet…. Hu avukat difensur tajjeb, u jkellem lill-Missier dwari.

 

Hu l-ewwel avukat, kompla jgħid il-Papa.  Hu jibgħat lill-Paraklitu.  Meta aħna fil-parroċċa, fid-dar, fil-familja, jkollna xi ħtieġa, xi problema, għandna nitolbu lil Ġesù biex jinterċedi għalina.  U llum kif jitlob Ġesù?  Jiena nemmen, qal Franġisku, li ma jgħidx wisq kliem lil Missieru.

 

Ma jitkellimx: iħobb.  Imma hemm ħaġa li jagħmel Ġesù llum, jien ċert li jagħmilha.  Lill-Missier jurih il-pjagi u Ġesù, bil-pjagi tiegħu, jitlob għalina qiesu qed jgħid lill-Misier: Imma Missier dan hu l-prezz ta’ dawn!  Għinhom, ipproteġihom.  Dawn huma uliedek li jien salvajthom.. b’dawn.

 

Għax min-naħa l-oħra, kieku ma jagħmilx sens li wara l-qawmien mill-mewt tiegħu, Ġesù kellu ġisem glorjuż, sabiħ – ma kienx fih il-ġrieħi tal-flaġellazzjoni, kien kollu sabiħ – imma kien hemm il-pjagi.  Il-ħames pjagi.  Għaliex Ġesù ried joħodhom miegħu fis-sema?  Biex jitlob għalina.  Biex juri lill-Missier il-prezz: Dan hu l-prezz, issa tħallihomx waħedhom, għinhom!

 

Jeħtieġ li aħna jkollna din il-fidi – żied il-Papa – li f’dal-ħin Ġesù qed jinterċedi għalina quddiem il-Missier, għal kull wieħed u waħda minna.  U meta aħna nitolbu, eżorta l-Papa, ma rridux ninsew nitolbu lil Ġesù jitlob għalina:

“Ġesù itlob għalija.  Uri l-pjagi tiegħek, li huma wkolli l-pjagi tiegħi, il-pjagi tad-dnub tiegħi, lill-Missier.  Huma l-pjagi tal-problema li għandi f’dal ħin.  Ġesù li jinterċedi, kulma jagħmel hu, li juri l-pjagi tiegħu lill-Missier.  U dan qed isir issa, f’dan il-waqt.  Ejjew nemmnu fil-kelma li Ġesù qal lil Pietru: “Pietru, jien nitlob għalik biex il-fidi tiegħek ma tonqosx”, temm jgħid Franġisku.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.