Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Tużawx lil Alla u lill-poplu biex tiddefednu ruħkom fil-mumenti ta' diffikultà.

It-Tnejn, 3 ta' Frar 2014

Tużawx lil Alla u lill-poplu biex tiddefednu ruħkom fil-mumenti ta' diffikultà.  Il-Papa Franġsiku għamel din it-twissija waqt l-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta dalgħodu hu u jikkummenta fuq l-atteġġjament tar-Re David fil-konfront ta' ibnu Assalonne li ttradih.  Il-Papa ħeġġeġ biex dejjem nagħżlu t-triq tal-fiduċja f'Alla.

 

Ir-re David jaħrab għax ibnu Assalonne ttradih.  Il-Papa Franġisku għamel omelija mibnija fuq dan l-ewwel qari tal-quddiesa tal-ġurnata, meħud mit-tieni Ktieb ta' Samwel li jirrakkonta dan it-tradiment kbir u l-konsegwenzi tiegħu.  David għandu qalbu sewda  għax anki l-poplu kien iżomm ma' ibnu u kontra r-re.  Hu jħoss qiesu li dan ibnu huwa mejjet.  Iżda x'inhi r-reazzjoni ta' David quddiem dan it-tradiment ta' ibnu?

 

Il-Qdusija Tiegħu indika tliet atteġġjamenti: l-ewwelnett David, bniedem li jiggverna, jħares lejn ir-realtà kif inhi u jaf li din il-gwerra kellha tkun iebsa ħafna u li kienet se tħalli bosta vittmi.  Imbagħad jagħżel li ma jħallix lill-poplu tiegħu imut.  Hu, osserva l-Papa, seta' jitqabad f'Ġerusalemm kontra l-qawwiet ta' ibnu, iżda jagħżel li Ġerusalemm m'għandhiex tinqered.

 

Dan hu l-ewwel atteġġjament: biex jiddefendi ruħu David ma jinqediex la b'Alla u lanqas bil-poplu tiegħu.  Dan ifisser l-imħabba li kellu r-re lejn Alla u lejn il-poplu tiegħu.  Re midneb, nafuha l-istorja, imma re li b'din l-imħabba kbira tiegħu kien tant marbut ma' Alla tiegħu u mal-poplu tiegħu u biex jiddefedni ruħu la juża lil Alla u lanqas lill-poplu.

 

Fil-waqtiet koroħ tal-ħajja jista' jiġri li fid-disperazzjoni, bniedem ifittex jiddefendi ruħu kif jista' u anki juża lil Alla u lin-nies.  Imma għal David le.  L-ewwel atteġġjament tiegħu hu li ma jużax la lil Alla u lanqas lill-poplu.  Allura David jagħżel li jaħrab.  It-tieni atteġġjament tiegħu hu wieħed “penitenzjali”.  Jitla' fuq il-muntanja jibki, jimxi ħafi, b'rasu mgħottija.  U kull min kien miegħu kellu rasu mgħottija u mal-mixi kien qed jibki.  Din hi verament mixja penitenzjali.  Forsi, irrifletta l-Papa, f'qalbu ħaseb dwar tant affarijiet koroħ, tant dnubiet li kien għamel, ħaseb li ma kienx xi bniedem innoċenti.  Jaħseb ukoll li mhux sew li ibnu jittradih imma jifhem ukoll li hu mhux xi qaddis u għalhekk jagħżel il-penitenza.
 

Dil-mixja għat-telgħa, fuq il-muntanja, tfakkarna f'telgħa oħra li għamel Ġesù, anki Hu f'waqt ta' tbatija u ħafi tiela l-muntanja mgħobbi bis-salib, b'dan l-atteġġjament penitenzjali.  David jaċċetta li jinsab fil-luttu u jibki.  Kull meta tiġrilna xi ħaġa hekk fil-ħajja tagħna dejjem infittxu, dan hu istint tagħna, li niġġustifikaw ruħna.  David ma jiġġustifikax ruħu, hu realista.  Jipprova jsalva l-Arka ta' Alla u l-poplu tiegħu u jagħmel il-penitenza tul dik it-triq.  Hu bniedem kbir: midneb kbir u ukoll qaddis kbir.  Kif jistgħu jgħammru flimkien dawn iż-żewġ affarijiet .........jafu biss Alla!

 

U tul il-mixja, żied il-Papa, jidher persunaġġ ieħor: Simej, li beda jitfa' l-ġebel lil David u lill-qaddejja tiegħu.  Huwa għadu li beda jisħet lil David.  Wieħed mill-ħbieb tar-re afferma għalhekk, li jrid joqtol lil dan il-”misħut”, li dan il-”kelb mejjet”.  Imma David iwaqqfu: minflok il-vendetta kontra dawn l-insulti kollha, jagħżel li jafda ruħu f'idejn Alla.  Anzi jgħid lill-qaddejja biex iħallu lil Simej jisħet, għax hekk ordnalu l-Mulej.  U jżid jgħid ir-re David: Hu jaf dejjem dak li jsir, hu l-Mulej li qed jippermetti dan.

 

David ikompli jaħseb: forsi l-Mulej jara n-niket tiegħi u jroddli b'ġid is-saħta tallum.  It-tielet atteġġjament hu għalhekk il-fiduċja fil-Mulej.  L-imġieba ta' David, iċċara l-Papa, tista' tgħin lilna ukoll għax aħna lkoll fil-ħajja ngħaddu minn waqtiet ta' dlam u prova.  Hekk hu allura, it-tliet atteġġjamenti ta' David: Ma ninnegozjawx lil Alla u l-appartenenza tagħna; naċċettaw il-penitenza u nibku fuq l-iżbalji tagħna u fl-aħħar, ma nfittxuh li nieħdu l-ġustizzja f'idejna imma nafdaw f'Alla.
 

Hu sabiħ nisimgħu dan u naraw dawn it-tliet atteġġjementi: bniedem li jħobb 'l Alla, li jħobb lill-poplu tiegħu u ma jinnegozjahx; bniedem li jagħraf lilu nnifsu bħala midneb u jagħmel il-pentienza; bniedem li hu żgur minn Alla tiegħu u jintelaq f'idejH.

 

David hu qaddis u aħna nqimuh bħala qaddis.  Nitolbuh jgħallimna dawn l-atteġġjamenti fil-waqtiet mudlama ta' ħajjitna, temm il-Papa.



Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.