Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

L-anġlu kustodju jeżisti u mhuwiex xi duttrina tal-fantasija imma kumpann li Alla qegħedilna ħdejna fil-mixja tal-ħajja. 

Il-Ħamis, 2 ta' Ottubru 2014

 

L-anġlu kustodju jeżisti u mhuwiex xi duttrina tal-fantasija imma kumpann li Alla qegħedilna ħdejna fil-mixja tal-ħajja.  Dan affermah il-Papa Franġisku fl-omelija fid-Dar Santa Marta, dalgħodu, fil-jum li fih il-Knisja tfakkar lill-Anġli Kustodji.

Il-qari tal-ġurnata, qal il-Papa, jippreżenta żewġ xbiehat: l-anġlu u t-tifel.  Alla qiegħed ħdejna anġlu biex iħarisna:  jekk xi ħadd minna jemmen li jista’ jimxi waħdu, ikun qed jiżbalja bl-ikreħ, ikun jaqa’ fl-iżball tant ikreħ – is-suppervja – jaħseb li hu xi ħaġa, li huwa awtosuffiċjenti.

 

Lill-Appostli Ġesù jgħallimhom li jridu jkunu bħat-tfal.  Id-dixxipli kienu qed jitlewmu dwar min kien l-akbar fosthom: kien hemm kwistjoni interna, il-karriera, qal il-Papa.  L-appostli kienu mħassba li jkunu aqwa minn xulxin. Mhux eżempju tajjeb dan li jagħtu l-ewwel isqfijiet, imma din hi r-realtà.  U Ġesù jgħallimhom liema hu l-veru atteġġjament: dak tat-tfal: il-ħlewwa, il-ħtieġa tal-parir, il-ħtieġa tal-għajnuna, għax it-tfal żgħar huma propju is-sinjal tal-ħtieġa tal-għajnuna, tal-ħlewwa, biex jimxu ‘l quddiem.

 

Dawk li l-atteġġjament tagħhom joqrob lejn tat-tfal huma eqreb lejn il-kontemplazzjoni ta’ Alla l-Missier.  Jisimgħu b’qalbhom miftuħa u doċli lill-anġlu kustodju. Ilkoll kemm aħna, kompla l-Papa, skont it-tradizzjoni tal-Knisja, għandna anġlu kustodju magħna, li jħarisna, li jgħinna nħossu.  Huwa l-leħen ta’ dak li jkun jivvajaġġa magħna.  Naċċertaw ruħna li se jwassalna lejn tmiem ħajjitna bil-pariri tiegħu, u għalhekk għandna nisimgħu leħnu u ma nirribellawx.

Għaliex ir-ribelljoni, ix-xewqa li nkunu indipendenti, tinsab fina lkoll: hija s-suppervja, dik li kellu missierna Adam fil-Ġnien tal-Eden: l-istess waħda.  Tirribellax; imxi fuq il-pariri tiegħu.

 

Ħadd ma jista’ jimxi waħdu u ħadd minna m’għandu jaħseb li hu waħdu, kompla l-Papa, għax dejjem hemm dan il-kumpann magħna.  U meta aħna ma nkunux irridu nisimgħu l-pariri tiegħu, leħnu, inkunu qisna qed ngħidulu: Iltaq ‘l hemm!  Hu perikoluż li nkeċċu ‘l hemm is-sieħeb tal-vjaġġ tagħna għax ebda bniedem ma jista’ jagħti l-pariri lilu nnnifsu.

 

Jien nista’ nagħti l-pariri lil ħaddieħor, imma mhux lili nnifsi.  Hemm l-Ispirtu s-Santu li jtini l-pariri, hemm l-anġlu li jtini l-pariri.  Hu għalhekk li aħna għandna bżonnu.

 

Din mhix xi duttrina fantażjuża dwar l-anġli: le, hija r-realtà.  Dak li qal Ġesù, li qal Alla: Jien nibgħat anġlu quddiemek biex iħarsek, biex jakkumpanjak fil-mixja, biex ma tiżbaljax.

Il-Papa temm l-omelija hekk:  Jien illum nagħmel mistoqsija: kif inhi r-relazzjoni tiegħi mal-anġlu kustodju tiegħi?  Nisimgħu?  Ngħidlu l-għodwa t-tajba filgħodu?  Ngħidlu: ħarisni waqt li nkun rieqed?  Nitkellem miegħu?  Nitolbu l-pariri?  Hu dejjem ħdejja.

 

Dawn il-mistoqsijiet nistgħu nweġbuhom illum, kull wieħed u waħda minna:  kif inhi r-relazzjoni tiegħi mal-anġlu kustodju li l-Mulej bagħatli biex iħarisni u jakkumpanjani fil-mixja, hu, li dejjem jinsab fil-preżenza tal-wiċċ tal-Missier li hu fis-smewwiet?


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.