Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Fedeltà, perseveranza u fekondità.  Dawn huma t-tliet karatteristiċi  tal-imħabba li Ġesù għandu lejn il-Knisja, l-Għarusa tiegħu.

Il-Tnejn, 2 ta' Ġunju 2014

 

Fedeltà, perseveranza u fekondità.  Dawn huma t-tliet karatteristiċi  tal-imħabba li Ġesù għandu lejn il-Knisja, l-Għarusa tiegħu.  U dawn huma wkoll il-karatteristiċi ta’ żwieġ nisrani awtentiku.   Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu fl-omelija li għamel waqt il-quddiesa li ppresjieda fid-Dar Santa Marta.

 

Ħmistax-il koppja, ħmistax-il storja ta’ żwieġ differenti minn xulxin, ta’ familji mibdijin 25, 50, 60 sena ilu quddiem altar, u li quddiem l-altar tal-Papa Franġisku reġgħu inġabru biex flimkien jirringrazzjaw lil Alla talli waslu sa hawn.

 

Kienet xena mhux tas-soltu fil-kappellla tad-Dar Santa Marta iżda li offriet lill-Papa okkażjoni biex jirrifletti fuq it-tliet pilastri, li fil-viżjoni tal-fidi għandhom isostnu l-imħabba bejn il-miżżewġin: il-fedeltà, il-perseveranza, il-fekondità.

Il-mudell li rridu nħarsu lejh spjega l-Papa, huma “tliet imħabbiet” ta’ Ġesù lejn il-Missier, lejn Ommu, lejn il-Knisja.  L-imħabba tiegħu lejn il-Knisja hija kbira, afferma l-Papa Franġisku: “Ġesù żżewweġ lill-Knisja għall-imħabba”.  Hija l-Għarusa sabiħa tiegħu: sabiħa, qaddisa, midinba, imma jħobbha xorta waħda.  U l-mod kif iħobbha juri t-tliet karatterstiċi ta’ din l-imħabba.

 

Hija mħabba fidilia; hija mħabba perseveranti, ma jgħeja qatt iħobb il-Knisja tiegħu; hija mħabba għammiela.  Hija mħabba fidila!  Ġesù hu fidil!  F’waħda mill-ittri tiegħu San Pawl jgħid: Jekk int tistqarr lil Kristu, Hu jistqarr lilek quddiem il-Missier; jekk int tiċħad lil Kristu, Hu jiċħad lilek; jekk int ma tibqax fidil lejn Kristu, Hu jibqa’ fidil għax ma jistax jiċħad lilu nnifsu!

Il-fedeltà  hija propju l-ħajja tal-imħabba ta’ Ġesù.  U l-imħabba ta’ Ġesù lejn il-Knisja tiegħu hija fidila.  Din il-fedelà hija bħal dawl fuq iż-żwieġ.  Il-fedeltà fl-imħabba.  Dejjem.

 

Fedeltà dejjem imma ma tgħeja qatt u tibqa’ tippersevera.  L-istess bħall-imħabba ta’ Ġesù lejn l-Għarusa tiegħu.  Ġesù kemm-il darba jaħfrilha l-Knisja u bl-istess mod, afferma l-Papa Franġisku, anki fi ħdan il-koppja, xi drabi trid tintalab il-maħfra biex b’hekk l-imħabba fiż-żwieġ tibqa’ tikber.

 

Il-ħajja taż-żwieġ trid tkun perseveranti, trid tibqa’ perseveranti.  Għax jekk isir bil-maqlub, l-imħabba ma tistax tibqa’ tikber.  Il-perseveranza fl-imħabba: fil-mumenti sbieħ u fil-mumenti koroħ, meta hemm il-problemi: il-problemi bit-tfal, il-problemi ekonomiċi, problemi hawn u problemi hemm.  Imma l-imħabba tippersevera, timxi ‘l quddiem, dejjem tfittex li ssolvi s-sitwazzjoni biex issalva l-familja.  Meta jkunu perseveranti, il-mara u r-raġel iqumu filgħodu u flimkien imexxu l-familja.

 

It-tielet karatteristika: il-fekondità.  L-imħabba ta’ Ġesù, osserva l-Papa Franġisku, isseddaq il-Knisja b’ulied ġodda, bil-Magħmudijiet, u l-Knisja tikber b’din il-fekondità nuzjali.  Fiż-żwieġ, din il-fekondità xi drabi tista titqiegħed taħt prova, meta ma jaslux tfal jew meta jkunu morda.  Waqt dawn il-provi, enfasizza l-Papa, hemm koppji li jħarsu lejn Ġesù u jirċievu l-qawwa tal-fekondità li Ġesù għandu għall-Knisja tiegħu. Filwaqt li min-naħa l-oħra hemm affarijiet li lil Ġesù ma jogħġbuhx, jiġifieri ż-żwiġijiet li jibqgħu bla tfal b’għażla.

 

Dawn il-koppji li ma jridux tfal, li jridu jgħixu mingħajr ma jnisslu…. Din il-kultura tal-kumdità li għaxar snin ilu kkonvinċietna: Aħjar ma jkollokx tfal!  Aħjar!  B’hekk tkun tista’ tgawdi d-dinja, tmur għall-vaganzi, jista’ jkollok villa fil-kampanja… tibqa’ trankwill….  Forsi aħjar, aktar komdu, jkollok kelb, xi żewġt iqtates u l-imħabba tmur lejn il-qtates jew lejn il-kelb.  Minnu dan jew le?

Rajtuh dan b’għajnejkom jew le?  U fl-aħħar dan iż-żwieġ jasal għax-xjuħija fis-solitudni, bit-togħma qarsa tas-solitudni kiefra.  Mhux żwieġ għammiel, ma jagħmilx dak li Ġesù jagħmel mal-Knisja tiegħu meta jagħmilha għammiela, temm il-Papa.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.