Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta L-insara illuppjati ma jagħmlux ġid lill-Knisja. It-Tnejn, 1 ta' April 2014
L-insara illuppjati ma jagħmlux ġid lill-Knisja. Hekk osserva l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Il-Papa saħaq li m'għandniex neħlu mal-formaliżmi imma “nitħaltu”, negħlbu l-għażż spiritwali u nirriskjaw personalment biex inħabbru l-Vanġelu.
Il-Papa Franġisku għamel omelija dwar is-silta tal-Vanġelu li tirrakkonta l-laqgħa ta' Ġesù mal-paralitiku li kien ilu marid 38 sena, taħt il-portiku qrib il-menqa jistenna l-fejqan. Dar-raġel kien qed jilminta li ma setax jinżel fl-ilma tal-menqa għax dejjem kien isib min jinżel qablu. Imma Ġesù jibdel ix-xefaq u jordnalu “jqum”, imur. Miraklu li qanqal il-kritika tal-fariżej għax kien is-Sibt u f'dak il-jum, kienu jgħidu huma, kien ipprojbit li jsir dan.
F'dar-rakkont, osserva l-Papa, insibu żewġ mardiet koroh, mardiet spiritwali. Żewġ mardiet li jagħmlilna tajjeb nirriflettu fuqhom. L-ewwel waħda ir-rassenjazzjoni tal-marid li kien mgħaddab u jilmenta.
Naħseb f'tant insara, qal il-Papa, tant Kattoliċi, li veru, huma Kattoliċi imma mingħajr entużjażmu, anki forsi mgħaddbin! Iva, hekk hi l-ħajja, imma l-Knisja...... jien immur il-quddies kull nhar ta' Ħadd, imma aħjar ma nitħallatx, jiena għand l-fidi għas-saħħa tiegħi, m'għandix bżonn ngħaddieha lil ħaddieħor....! Kulħadd miġbur f'daru għall-kwiet tal-ħajja... Imbagħad int tagħmel xi ħaġa u jċanfruk. Le, aħjar hekk, aħjar ma nirriskjax.... Din hi l-marda tal-għażż, tal-għażż tal-insara.
Dan l-atteġġjament jipparaliżża ż-żelu appostoliku tal-insara, lill-Kristjani jagħmilhom bnedmin statiċi, kalmi, mhux fis-sens pożittiv tal-kelma: imma fis-sens li ma jħabblux rashom biex jagħtu l-aħbar tal-Vanġelu! Persuni illuppjati, ikkummenta l-Papa.
Il-loppju, żied jgħid, hu esperjenza negattiva. Dik li ma nitħallatx issir għażż spiritwali. U l-għażż hu djieqa, dawk l-insara huma mdejqin, huma persuni mingħajr dawl, persuni negattivi. Din hi marda tagħna l-insara. Immorru l-quddies kull nhar ta' Ħadd imma ngħidu: jekk jogħoġbok tiddisturbanix! Dawn l-insara neqsin mill-ħeġġa appostolika, wissa l-Papa, ma jiswewx, mhumiex tajbin għall-Knisja. Kemm hemm insara bħal dawn – afferma b'dispjaċir il-Papa – egoisti, għalihom waħedhom.
Dan hu d-dnub tal-għażż li hu l-oppost taż-żelu appostoliku, kontra r-rieda li nwasslu n-novità ta' Ġesù lill-oħrajn, din in-novità li ġiet mogħtija lili b'xejn. Imma f'dal-pass tal-Vanġelu, qal il-Papa, insibu dnub ieħor meta naraw li Ġesù ġie kritikat għax fejjaq lill-marid fil-jum tas-Sibt. Id-dnub tal-formaliżmu. Insara li ma jħallux lok għall-grazzja t'Alla. U l-ħajja nisranija, il-ħajja ta' dawn in-nies hi li jkollhom id-dokumenti kollha f'posthom u jkollhom iċ-ċertifikati sewwa. Insara ipokriti bħal dawn. Tinteressahom biss il-formalità. Kien is-Sibt? Le, ma jistgħux isiru mirakli s-Sibt, il-grazzja t'Alla ma tistax taħdem is-Sibt. Jagħlqu l-bieb għall-grazzja t'Alla. Għandna tant minnhom fil-Knisja, tant u tant! Dan hu dnub ieħor.
L-ewwel, dawk li għandhom id-dnub tal-għażż li m'għandhomx ħila jimxu biż-żelu appostoliku għax qatgħuha li jingħalqu fihom infushom, fid-dwejjaq tagħhom, fis-sens ta' fastidju tagħhom, f'dak kollu. Dawn m'għandhomx ħila jwasslu s-salvazzjoni għax għalqulha l-bieb. Għalihom tgħodd biss il-formalità. L-aktar kelma li tiġi f'moħhom hi “ma jistax ikun”. Dawn in-nies niltaqgħu magħhom aħna ukoll, żied il-Papa, tant drabi ltqajna mal-għażż u tant drabi konna ipokriti bħall-fariżej.
Dawn,
kompla jgħid, huma tentazzjonijiet li jkollna, imma jeħtieġ
nagħrfuhom biex niġġildulhom. U quddiem dawn iż-żewġ
tentazzjonijiet, quddiem dak l-”isptar tal-kamp tal-battalja” li hu
s-simbolu tal-Knisja, quddiem tant bnedmin miġrugħa, Ġesù jersaq
lejhom u jitlob biss: trid tfiq? U jtihom il-grazzja. Il-grazzja
tagħmel kollox. U meta jiltaqa' mill-ġdid mal-paralitiku jgħidlu:
tidnibx aktar. Iż-żewġ kelmiet Kristjani: trid tfiq? Tidnibx aktar. Imma l-ewwel ifejqu. L-ewwel fejqu u wara qallu tidnibx aktar. Kliem li jingħad bit-tenerezza, bl-imħabba. Din hi t-triq nisranija, it-triq taż-żelu apppostoliku; li nersqu lejn ħafna bnedmin feruti f'dan l-isptar tal-kamp tal-battalja u tant drabi bnedmin imweġġgħin minn irġiel u nisa tal-Knisja.!
Hija kelma tal-aħwa: trid fiq? U meta dak li jkun ikun fieq: tidnibx aktar għax ma jagħmillekx tajjeb! Dan hu ferm aħjar: iż-żewġ kelmiet ta' Ġesù huma isbaħ mill-atteġġjament tal-għażż jew l-atteġġjament tal-ipokrisija, temm il-Papa.
Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta. |