VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO

FL-OKKAŻŻJONI TAL-JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

 

FESTA TA’ MERĦBA TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Lungomare di Copacabana, Rio de Janeiro
Il-Ħamis, 25 ta’ Lulju, 2013

 

Żgħażagħ ħbieb,

 “Hija ħaġa sabiħa li aħna hawn!”: stqarr Pietru wara li kien ra lill-Mulej Ġesu’ mibdul, imlibbes bil-glorja.  Nistgħu aħna wkoll intennu dawn il-kelmiet?  Jiena naħseb li iva, għaliex għalina lkoll, illum, hija ħaġa sabiħa li nkunu hawn flimkien madwar Ġesu!  Huwa Hu li qiegħed jilqagħna u jagħmel mod li jkun preżenti f’nofsna, hawn f’Rio.  U fl-Evanġelju  smajna wkoll kliem Alla l-Missier: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!” (Lq 9, 35).  Jekk minn naħa l-waħda, għalhekk, huwa Ġesu’ li qed jilqagħna, min-naħa l-oħra aħna wkoll irridu nilqgħuh, inqegħedu lilna nfusna biex nisimgħu kelmtu għaliex huwa proprju meta nilqgħu lil Ġesu’ Kristu, il-Kelma Inkarnata, li l-Ispirtu s-Santu ibiddilna, idawwal it-triq tal-futur, u jkabbar fina il-ġwienaħ tat-tama biex nimxu bil-ferħ (ara Enċ. Id-Dawl tal-Fidi, 7).

Imma x’nistgħu nagħmlu? “Bota fé – qiegħed il-fidi”.  Is-salib tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ semma’ b’leħen għoli dawn il-kliem matul il-pellegrinaġġ tiegħu kollu mal-Brażil.  “Qiegħed il-fidi”:  xi jfisser dan?  Meta wieħed iħejji platt tajjeb u jara li jonqsu l-melħ, hekku inti “tqiegħed” il-melħ; jekk ikun jonqos iż-żejt, inti “tqiegħed” iż-żejt... “Tqiegħed”, jiġifieri tpoġġi, tferra’.  Hekk ukoll għandu jsir fil-ħajja tagħna, għeżież żgħażagħ: jekk irridu li din ħajjitna jkollha tassew sens u ssib il-milja tagħha, kif intom stess tixtiequ u timmeritaw, jien ngħid lil kull wieħed u waħda minnkom: “qiegħed il-fidi” u l-ħajja jkollha togħma ġdida, il-ħajja jkollha boxxla li turi d-direzzjoni;  “qiegħed it-tama” u kull jum tiegħek ikun imdawwal u l-oriżżont tiegħek ma jkunx aktar imdallam, imma mdawwal; “qiegħed imħabba” u l-eżistenza tiegħek tkun bħal dar mibnija fuq il-blat, il-mixja tiegħek tkun ferrieħa, għaliex tiltaqa’ ma’ tant ħbieb li jimxu miegħek  Qiegħed il-fidi, qiegħed it-tama, qiegħed l-imħabba!  Ilkoll mgħaqudin:  “qiegħed il-fidi”, “qiegħed it-tama”, “qiegħed l-imħabba”.

Imma min jista’ jagħtina dan kollu?  Fl-Evanġelju nisimgħu t-tweġiba: Kristu.  “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”.  Ġesu’ jġibilna lil Alla u jwassalna għand Alla, biH ħajjitna kollha tinbidel, tiġġedded u aħna nistgħu nħarsu lejn ir-realta’ b’għajnejn ġodda, kif iħares lejha Ġesu’, bl-istess għajnejn tiegħu (ara Enċ. Id-Dawl tal-Fidi, 18).  Għalhekk illum ngħidilkom, lil kull wieħed u waħda minnkom: “qiegħed lil Kristu” f’ħajtek u ssib ħabib li tista’ tafdah dejjem; “qiegħed lil Kristu” u ħajtek tkun mimlija bi mħabbtu, tkun ħajja li tagħmel il-frott.  Għaliex ilkoll nixtiequ jkollna ħajja li tagħmel il-frott, ħajja li tagħti ħajja lill-oħrajn!

Illum, ikun jiswielna lkoll ta’ ġid jekk insaqsu lilna nfusna bis-sinċerita’, jekk kull wieħed u waħda jaħseb ftit f’qalbu:  f’min aħna qegħdin inpoġġu l-fiduċja tagħna?  Fina nfusna, fl-affarijiet, jew f’Ġesu’?  Aħna lkoll spiss ikollna tentazzjoni li nqegħedu lilna nfusna fiċ-ċentru, li nemmnu li aħna l-fus tad-dinja, li nemmnu li aħna weħidna nfasslu ħajjitna jew li naħsbu li ħajjitna tkun hienja meta jkollna l-ġid, il-flus, il-poter.  Imma lkoll nafu li mhux hekk!  Tassew hu li jkollok affarijiet, il-flus, il-poter, jistgħu jagħtu għal xi waqt il-furja ta’ ferħ, l-illużjoni li aħna hienja;  imma fl-aħħar huma jkunu dawk li jaħkmuna u jimbuttawna ‘l quddiem biex ikollna dejjema aktar, biex ma nixbgħu qatt.  U nispiċċaw “mimlijin”, imma mhux imsaħħin b’ikel bnin; u huwa ta’ niket tara żgħażagħ “mimlijin”, imma debboli.  Iż-żgħażagħ iridu jkunu b’saħħithom, iridu jmantnu lilhom infushom bil-fidi u mhux jimtlew b’affarijiet oħra!  “Qiegħed lil Kristu” f’ħajtek, qiegħed fiH il-fiduċja tiegħek u ma tkun qatt mifxul!  Qed taraw, għeżież ħbieb, il-fidi twettaq fil-ħajja tagħna rivoluzzjoni li nistgħu nsejħulha kopernikana: teħodna miċ-ċentru u tqegħedna fiċ-ċentru t’Alla; il-fidi ddaħħalna ‘l ġewwa fi mħabbtu li tagħtina sigurta’, qawwa, tama. Ikun jidher li ma jkun inbidel xejn, imma fil-qiegħ nett tagħna nfusna jkun inbidel kollox.  Meta hemm Alla, fi qlubna tgħammar il-paċi, il-ħlewwa, it-tenerezza, il-kuraġġ, is-sliem u l-ferħ, li huma l-frott tal-Ispirtu s-Santu (ara Gal 5, 22);  imbagħad l-eżistenza tagħna tinbidel, il-mod kif naħsbu u kif nagħmlu l-affarijiet jiġġedded, isir il-mod kif  jaħseb u jaħdem Ġesu’, Alla.  Għeżież ħbieb, il-fidi hija rivoluzzjonarja u jiena llum nitolbok: inti mħejji, inti mħejjija li tidħol f’din il-mewġa rivoluzzjonarja tal-fidi?  Jekk inti tidħol f’din il-mewġa, il-ħajja tiegħek żgħażugħa takkwista sens u tkun tista’ tagħti frott!

Għażiż żgħażugħ, għażiża żgħażugħa: “qiegħed lil Kristu” fil-ħajja tiegħek.  F’dawn il-jiem Hu qiegħed jistenniek: isimgħu b’attenzjoni u l-preżenza tiegħu timlielek qalbek bl-entużjażmu;  “Qiegħed lil Kristu”: Hu jilqgħek fis-Sagrament tal-maħfra, bil-ħniena tiegħu jfejjaq il-feriti kollha tad-dnub.  La tibżax titlob maħfra lil Alla għaliex Hu fi mħabbtu kbira ma jgħejja qatt jaħfrilna, bħal missier li jħobbna.  Alla huwa ħniena biss!  “Qiegħed lil Kristu”:  Huwa jistenniek ukoll fl-Ewkaristija, is-Sagrament tal-Preżenza tiegħu, tas-sagrifiċċju tiegħu ta’ mħabba, u jistenniek ukoll fl’umanita’ ta’ tant żgħażagħ li jgħanuk bil-ħbiberija tagħhom, li jagħmlulek kuraġġ bix-xhieda tal-fidi tagħhom, jgħallmuk il-lingwaġġ tal-imħabba, tat-tjubija, tal-qadi.  Inti wkoll żgħażugħ għażiż, żgħażugħa għażiża, tista’ tkun xhud ferrieħi ta’ mħabbtu, xhud mimli kuraġġ tal-Evanġelju tiegħu biex iġġib f’din id-dinja tagħna ftit dawl.  Ħalli lilek innifsek tiġi mfittex minn Ġesu’, ħalli lilek innifsek tkun maħbub minn Ġesu’; Huwa ħabib li ma jqarraqx.

“Hija ħaġa sabiħa li nkunu hawn”, inqegħedu lil Kristu fil-ħajja tagħna, inqegħedu l-fidi, it-tama, l-imħabba li Huwa jagħtina.  Għeżież ħbieb, f’din iċ-ċelebrazzjoni aħna lqajna x-xbiha tal-Madonna tal-Aparecida.  Lil Marija nitolbuha tgħallimna nimxu wara Ġesu’, li tgħallimna nkunu dixxipli u missjunarji.  Bħalha, irridu ngħidu “iva” lil Alla.  Nitolbu lill-qalb tagħha ta’ omm biex tidħol għalina sabiex il-qlub tagħna jkunu mħejjija biex iħobbu lil Ġesu’ u li jkunu pronti jagħmluh maħbub.  Għeżież żgħażagħ, Ġesu’ qed jistenniekom, Ġesu’ jistrieħ fuqkom!  Ammen.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.