VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO

FL-OKKAŻJONI TAT-XXVIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

 

INTERVISTA TAL-PAPA FRANĠISKU

FUQ IR-RADJU TAL-ARĊIDJOĊESI TA’ RIO

Studio di "Radio Cattedrale" - Rio de Janeiro
Is-Sibt, 27 lta’ Lulju 2013

  

Wara l-pranzu tas-Sibt, 27 ta’ Lulju, il-Papa Franġisku  żar l-istuju ta’ “Radio Catedrale” ta’ Rio de Janeiro fejn huwa qal dan id-diskors:

Il-jum it-tajjeb, il-lejla t-tajba lis-semmiegħa kollha.  Inroddilkom ħajr tal-attenzjoni u hawnhekk inrodd ħajr lill-Membri tar-Radju għall-ġentilezza tagħhom li għaddewli il-mikrofnu.  Nirringrazzjhom u qed inħares lejn ir-Radju u nara li llum il-mezzi ta’ komunikazzjoni huma importanti ħafna.  Jiena ngħid li llum ir-Radju Kattoliku huwa l-eqreb pulptu li għandna.  Huwa fejn nistgħu inħabbru, permezz tar-radju, il-valuri umani, il-valuri reliġjużi, u fuq kollox, inħabbru lil Ġesù Kristu, il-Mulej, il-grazzja li noffru lill-Mulej post fost l-affarijiet l-oħra tagħna.  Għalhekk insellmilkom u nroddilkom ħajr lkoll għal dan l-isforz ta’ din l-Arċidjoċesi li jkollha Radju u biex iżommu, f’network hekk kbir. 

Lis-semmiegħa kollha nitlobhom jitolbu għalija, li jitolbu għal dan ir-Radju, li jitolbu għall-Isqof, li jitolbu ghall-Arċidjoċesi, sabiex kollha kemm aħna ningħaqdu fit-talb u naħdmu, kif qal ftit ilu s-saċerdot, għal kultura aktar umana, aktar għanja fil-valuri, u ma neskludu lil ħadd.  Ħa naħdmu lkoll għal dik il-kelma li llum ma tantx tingħoġob: solidarjetà.  Hija kelma li spiss jippruvaw iwarrbuha għaliex dejjjem tagħti fastidju, u madankollu hija kelma li tirrifletti l-valuri umani u nsara li llum huma meħtieġa – kif tenna s-saċerdot ftit ilu – biex immoru kontra l-kultura tal-iskart, li għaliha kollox jista’ jitwarrab.  Hija kultura li dejjem tħalli barra lin-nies: tħalli barra lit-tfal, tħalli barra liż-żgħażagħ, tħalli barra lill-anzjani, tħalli barra lil dawk kollha li ma jiswew għal xejn, li ma jipproduċux u dan ma jistgħax isir!  Bil-maqlub, is-solidarjetà tinkludi lil kulħadd.  Tridu tkomplu taħdmu għal din il-kultura tas-solidarjetà u għall-Evanġelju.

Domanda dwar l-importanza tal-familja:

Ma ngħidx biss li l-familja hija importanti għall-evanġelizzazzjoni ta’ dinja ġdida. Il-familja hija importanti għall-istess għixien tal-umanità.  Jekk ma jkunx hemm il-familja, hemm f’riskju l-għixien tal-kultura umana.  Il-familja, tgħoġobna jew le, hija l-bażi.

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Farrugia.