QUDDIESA “IN CŒNA DOMINI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Ħabs “Regina Cœli” f’Ruma

Ħamis ix-Xirka, 29 ta’ Marzu 2018

 

Ġesù jagħlaq hekk id-diskors tiegħu: “Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15). Jaħslilhom saqajhom. Is-saqajn, f’dak iż-żmien, kienu jinħaslu mill-ilsiera: kien xogħol l-ilsiera. In-nies kienet tiġri fit-triq, ma kienx hemm it-tarmak, ma kienx hemm il-pavimentar; f’dak iż-żmien kien hemm it-torba tat-triq u n-nies kienet tħammeġ riġlejha. U fid-daħla tad-dar kien ikun hemm l-ilsiera li kienu jaħslulhom riġlejhom. Kien xogħol l-ilsiera. Kien xogħol ta’ qadi: qadi magħmul mill-ilsiera. U Ġesù ried jagħmel dan il-qadi, biex jagħtina eżempju fuq kif għandna naqdu lil xulxin.

 

Darba, huma u mexjin, tnejn mid-dixxipli li riedu jagħmlu karriera, kienu talbu lil Ġesù biex ikollhom postijiet importanti, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug tiegħu (ara Mk 10:35-45). U Ġesù ħares lejhom bi mħabba – Ġesù dejjem bi mħabba kien iħares – u qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu” (v. 38). Il-mexxejja tan-Nazzjonijiet – jgħid Ġesù – jikkmandaw, iridu min jaqdihom, u joqogħdu tajjeb huma (ara v. 42). Jekk naħsbu f’dik l-epoka ta’ slaten, tal-imperaturi hekk kiefra, li kien ikollhom l-ilsiera jaqduhom… Imma fostkom – jgħid Ġesù – ma għandux ikun hekk: min jikkmanda għandu jaqdi. Il-kap tagħkom għandu jkun il-qaddej tagħkom (ara v. 43). Ġesù jaqleb ta’ taħt fuq id-drawwa storika, kulturali ta’ dak iż-żmien – anki dik tal-lum – dak li jikkmanda, biex ikun ikun kap tajjeb, ikun fejn ikun, għandu jaqdi. Jiġini ħafna drabi f’moħħi – mhux f’dan iż-żmien, għax dak li jkun għadu ħaj u għandu l-opportunità li jibdel ħajtu u ma nistgħux niġġudikawh, imma ejja naħsbu fl-istorja – li kieku ħafna slaten, imperaturi, kapijiet ta’ stat kellhom jifhmu dan it-tagħlim ta’ Ġesù u flok ikkmandaw, imxew b’kefrija, qatlu n-nies, kellhom jagħmlu dan, kemm gwerer kienu jiġu evitati! Il-qadi: veru li hemm persuni li xejn ma jagħmluhulek ħafif dan l-atteġġjament, persuni suppervi, persuni li jobogħdu, persuni li forsi jixtequlna d-deni; imma aħna iżjed u iżjed imsejħin naqduhom. U hemm ukoll persuni li qed ibatu, li huma mormija mis-soċjetà, tal-inqas għal xi żmien, u Ġesù jmur hemm biex jgħidilhom: Int importanti għalija. Ġesù jiġi jaqdina, u s-sinjal li Ġesù jrid jaqdina hawn illum, fil-ħabs tar-Regina Cœli, hu li ried jagħżel tnax minnkom, bħat-tnax-il Appostlu, biex jaħslilhom saqajhom. Ġesù jirriskja fuq kull wieħed minnkom. Kunu afuh dan: Ġesù jismu Ġesù, u mhux Ponzju Pilatu. Ġesù ma jafx jaħsel idejh: jaf biss jirriskja! Ħarsu lejn din ix-xbieha tant sabiħa: Ġesù li jitbaxxa qalb ix-xewk, jirriskja li jweġġa’ biex jaqbad lin-nagħġa li ħarbitlu.

 

Illum jien, li jiena midneb bħalkom, imma nirrappreżenta lil Ġesù, jiena ambaxxatur ta’ Ġesù. Illum, meta jien sa nitbaxxa quddiem kull wieħed minnkom, aħsbu ftit: “Ġesù rriskja f’dan ir-raġel, midneb, biex ġie għandi u jgħidli li jħobbni”. Dan hu l-qadi, dan hu Ġesù: ma jitlaqna qatt waħidna; ma jegħja qatt jaħfrilna. Iħobbna ħafna. Araw kemm jirriskja, Ġesù!

 

U hekk, b’dawn is-sentimenti, ejjew nibqgħu mexjin b’din iċ-ċerimonja li hi simbolika. Qabel ma jagħtina ġismu u demmu, Ġesù jirriskja għal kull wieħed minna, u jirriskja fil-qadi għax iħobbna wisq.

 

* * *

 

Fil-ġest tal-qsim tal-paċi, il-Papa lissen dawn il-kelmiet:

 

U issa, ilkoll kemm aħna – jiena żgur li lkoll kemm aħna – nixtiequ nkunu fil-paċi ma’ kulħadd. Imma fil-qalb tagħna tant drabi hemm sentimenti kontra xulxin. Faċli nkunu fil-paċi ma’ dawk li nixtequlhom il-ġid u ma’ dawk li jagħmlulna l-ġid; imma mhux faċli nkunu fil-paċi ma’ dawk li għamlulna d-deni, li ma jridulniex ġid, li magħhom ma aħniex sew. Fis-skiet, għal waqt wieħed, kull wieħed minna ħa jaħseb f’dawk li jridulna l-ġid u li rridulhom il-ġid, u anki ħa jaħseb kull wieħed minna f’dawk li ma jridulniex ġid u anki f’dawk li aħna ma rridulhomx u anki – anzi – f’dawk li rridu nivvendikaw ruħna minnhom. U nitolbu lill-Mulej, fis-skiet, il-grazzja li nagħtu lil kulħadd, tajbin u ħżiena, id-don tal-paċi.

 


 

Kelmtejn tal-Qdusija Tiegħu bi tweġiba għat-tislima tad-Direttriċi tal-ħabs u ta’ ħabsi, fi tmiem iż-Żjara lill-Ħabs tar-Regina Cœli

 

Int tkellimt fuq ħarsa ġdida: li nġeddu l-ħarsa tagħna… Dan sewwa, għax fl-età tiegħi, ngħidu aħna, jiġu l-katarretti, u jekk ma tarax ir-realtà tajjeb: is-sena d-dieħla rrid nagħmel l-intervent. Imma hekk jiġrilha r-ruħ: ix-xogħol tal-ħajja, l-għeja, l-iżbalji, id-delużjonijiet idallmu l-ħarsa tagħna, il-ħarsa tar-ruħ. U għalhekk, dak li għidt inti huwa minnu: napprofittaw minn kull opportunità biex inġeddu l-ħarsa tagħna. U kif għidt fi Pjazza San Pietru [fl-Udjenza ġenerali tal-bieraħ], f’ħafna rħula żgħar, imma anki f’art twelidi, malli jisimgħu l-qniepen tal-Qawmien tal-Mulej, l-ommijiet, in-nanniet jieħdu lit-tfal tagħhom biex jaħslulhom għajnejhom ħalli jkollhom il-ħarsa tat-tama ta’ Kristu Rxoxt. Tegħjew qatt iġġeddu ħarsitkom, u tagħmlu dak l-intervent tal-katarretti tar-ruħ, ta’ kuljum. Imma ġeddu dejjem ħaristkom. Hu sforz sabiħ.

 

Kollha tafuha tal-flixkun tal-inbid mimli sa nofsu: jekk jien inħares lejn in-nofs il-battal, il-ħajja tkun kerha, kerha, imma jekk inħares lejn in-nofs il-mimli, jifdalli x’nixrob. Il-ħarsa li tinfetaħ għat-tama, kelma li int għidt u anki hi [id-direttriċi] qalet; u hi rrepetietha bosta drabi. Ma nistgħux nimmaġinaw ħabs bħal dan mingħajr tama. Hawn, ir-residenti ġew biex jitgħallmu jew ikabbru “ż-żerriegħa tat-tama”: ma hemm l-ebda piena ġusta – ġusta! – jekk mhix miftuħa għat-tama. Piena li mhix miftuħa għat-tama mhijiex Nisranija, mhijiex umana!

 

Hemm id-diffikultajiet fil-ħajja, l-affarijiet koroh, id-diqa – wieħed jaħseb f’niesu, jaħseb f’ommu, f’missieru, f’martu, f’żewġha, fl-ulied… kemm hi kerha, dik id-diqa. Imma ma nħallux lil min jgħaffiġna: le, le. Jiena qed hawn, imma biex nerġa’ ninserixxi ruħi, imġedded jew imġedda. U din hija t-tama. Niżirgħu t-tama. Dejjem, dejjem. Xogħolkom hu dan: li tgħinu biex tinżera’ t-tama tar-ri-inseriment, u dan lil kulħadd jiswa ta’ ġid. Dejjem. Kull piena għandha tkun miftuħa għax-xefaq tat-tama. Għalhekk, la hi umana u lanqas Nisranija l-piena tal-mewt. Kull piena għandha tkun miftuħa għat-tama, għar-ri-inseriment, anki biex tagħti l-esperjenza megħjuxa għall-ġid tal-persuni l-oħra.

 

Ilma tal-qawmien, ħarsa ġdida, tama: dan nawguralkom. Naf li intom ir-residenti ħdimtu ħafna biex tħejju għal din iż-żjara, anki l-ħitan bajjadtu: grazzi. Dan għalija hu sinjal ta’ rieda tajba u ta’ merħba, u nirringrazzjakom ħafna. Ninsab qrib tagħkom, nitlob għalikom, u intom itolbu għalija u tinsewx: l-ilma li jagħti ħarsa ġdida, u t-tama.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard