Kien hemm Ġesù għall-ikel, magħhom fl-Aħħar Ċena u, jgħidilna l-Vanġelu, “kien jaf li kienet waslet is-siegħa tiegħu li jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier”. Kien jaf li f’dik l-istess lejla kien ġie ttradut u kien sa jiġi mogħti minn Ġuda. “Hu li kien ħabb lil tiegħu, li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar”. Alla hekk iħobb: sal-aħħar nett. U jagħti ħajtu għal kull wieħed u waħda minna, u hu mkabbar b’dan, u jrid dan għax hu jaf iħobb: “Iħobb sal-aħħar”. Mhix ħaġa faċli, għax ilkoll aħna midinbin, kollha għandna l-limiti tagħna, id-difetti, tant affarijiet. Kollha nafu nħobbu, imma m’aħniex bħal Alla li jħobb bla ma joqgħod jara l-konsegwenzi, sal-aħħar. U jagħti l-eżempju: biex jurina dan, hu li kien “f’ras” il-mejda, li kien Alla, jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu. Dik li jaħslu r-riġlejn kienet drawwa li kellhom, f’dak iż-żmien, qabel l-ikliet ta’ nofsinhar u ta’ filgħaxija, għax ma kienx hemm l-asfalt u n-nies kienet timxi fuq it-trab. Għalhekk, wieħed mill-ġesti biex tilqa’ n-nies id-dar, u anki għall-ikel, kien li taħslilhom riġlejhom. Dan kienu jagħmluh l-ilsiera, kienu jagħmluh dawk li kienu jisfaw ilsiera, imma Ġesù jaqleb kollox ta’ taħt fuq u dan jagħmlu hu. Xmun ma riedx li jagħmillu dan, imma Ġesù fissirlu li hekk kien, li hu ġie fid-dinja biex jaqdi, biex jaqdina, biex isir ilsir tagħna, biex jagħti l-ħajja għalija, biex iħobbna sal-aħħar.

 

Illum fit-triq, xħin wasalt, kien hemm in-nies tgħajjat: “Ġej il-Papa, il-kap. Il-kap tal-Knisja…”. Il-kap tal-Knisja hu Ġesù; ejja ma niċċajtawx! Il-Papa hu l-figura ta’ Ġesù u jien irrid nagħmel l-istess li għamel hu. F’din iċ-ċerimonja, il-Kappillan jaħsel riġlejn il-fidili. Kollox jinqaleb ta’ taħt fuq: dak li jidher l-ikbar irid jagħmel xogħol l-ilsir, imma biex jiżra’ l-imħabba. Biex tiżirgħu l-imħabba fostna, jien m’iniex ngħidilkom biex illum tmorru taħslu riġlejn xulxin: inkun qed niċċajta. Imma s-simbolu, il-figura iva: ngħidilkom biex jekk tistgħu tagħtu daqqa t’id, tagħmlu xi servizz hawn, fil-ħabs, lil seħibkom jew seħbitkom, tagħmluh. Għax din hi l-imħabba, hekk tkunu taħslu riġlejn l-oħrajn. Billi taqdu lil xulxin. Darba d-dixxipli tlewmu bejniethom, fuq min kien l-ikbar fosthom, l-aktar importanti. U Ġesù qalilhom: “Min irid ikun l-iżjed importanti, għandu jsir l-iżgħar wieħed u l-qaddej ta’ kulħadd”. U dan hu dak li għamel hu, dan hu li jagħmel Alla magħna. Jaqdina, hu l-qaddej. Ilkoll kemm aħna, li aħna msejkna, ilkoll! Imma hu kbir, hu tajjeb. U hu jħobbna hekk kif aħna. Għalhekk, matul din iċ-ċerimonja ejjew naħsbu f’Alla, f’Ġesù. Mhix ċerimonja folkloristika: hi ġest biex niftakru f’dak li tana Ġesù. Wara dan, qabad il-ħobż u tana Ġismu; qabad il-kalċi bl-inbid u tana Demmu. Din hi l-imħabba ta’ Alla. Illum ejjew naħsbu biss fl-imħabba ta’ Alla.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard