Qabel xejn nixtieq irroddilkom ħajr tal-istedina biex niċċelebra dil-quddiesa magħkom il-ħaddiema.  Ġesù ġej, Hu jaf xi jfisser ix-xogħol, jifhimna tajjeb.  Jifhimna tajjeb ħafna.  U nixtieq ngħid ukoll talba għall-għażiż tagħna Sandro (Mariotti).  Ilbieraħ ħalliena missieru.  Missieru kien jaħdem hawn, fil-Vatikan.  Mar kif imorru l-ġusti.. kien flimkien ma’ sħabu ħdejn il-baħar u.....

Nitolbu għal missier Sandro u għal Sandro

Issa nixtieq ngħidilkom xi ħaġa dwar l-Evanġelju.  Ġesù ra’ raġel jismu Mattew, bilqiegħda wara l-bank tat-taxxi.  Kien pubblikan.  Il-ġudizzju dwar dawn in-nies kien wieħed mill-agħar għax kienu ....., kienu jġegħelu lin-nies iħallsu t-taxxi u l-flus jibgħatuhom lir-Rumani.  U xi ftit minnhom kienu jitfugħhom f’buthom.  Kienu jtuhom lir-Rumani; kienu jbiegħu il-libertà tal-patrija tagħhom u għalhekk kienu nies mistmella.  Kien tradituri tal-patrija.  Ġesù sejjaħlu.  Rah u sejjaħlu.  Ejja warajja.  Ġesù għażel appostlu...., minn fost dawk in-nies, l-agħar li seta’ jagħżel.  Imbagħad, dan Mattew, mistieden għall pranzu, kien mimli ferħ.

Qabel, meta kont noqgħod f’Via della Scrofa, kont nieħu gost, issa ma nistax, immur (fil-knisja) ta’ San Luigi dei Francesi biex noqgħod mammira ‘l Caravaggio, Il-Konverżjoni ta’ Mattew, hu, marbut għal kollox mal-flus (b’sebgħu miftuħ) u Ġesù b’sebgħu jipponta lejh.  Hu qalbu mal-flus.  U Ġesù jagħżel lilu.  Jistieden liċ-ċorma kollha għall-pranzu, lit-tradituri tal-patrija, lill-pubblikani.  Meta raw dan, il-Fariżej, li kienu jaħsbu li huma ġusti, bdew jiġġudikaw u jgħidu: “Imma kif l-Imgħallem tagħkom jinsab f’kumpanija bħal din?”  Ġesù jgħid: “Jien ma ġejtx insejjaħ lill-ġusti, imma lill-midibnin”.

Dan lili jtini faraġ kbir, għax nifhem li Ġesù ġie għalija.  Għax aħna lkoll midinbin.  Ilkoll.  Ilkoll għandna din il-lawrija.  Aħna lawrijati.  Kull wieħed u waħda minna nafu fejn tinsab is-saħħa tad-dnub tagħna, tad-dgħufija tagħna.  Qabel xejn irridu nagħrfu dan: ħadd minna, ilkoll kemm aħna li ninsabu hawn, ma jista’ jgħid: “Jien minix midneb”.  Il-Fariżej hekk kienu jgħidu.  Kienu suppervi, vanitużi, kienu jaħsbu li huma aħjar mill-oħrajn.  Iżda aħna lkoll midinbin.  Dan hu t-timbru tagħna u huwa wkoll possibiltà biex biha niġbdu lejna lil Ġesù.  Ġesù jiġi lejna,... jiġi għandi, jiġi għandi għax jiena midneb.

Għalhekk ġie Ġesù, għall-midinbin, mhux għall-ġusti.  Dawn ma jeħtiġuhx.  Ġesù qal: “Mhux min hu f’saħħtu jeħtieġ it-tabib imma min hu marid, morru xandru xi tfisser il-ħniena, jien ħniena rrid u mhux sagrifiċċji”.  Għax jien ma ġejtx biex isejjaħ lill-ġusti, imma lill-midinbin”.

Meta naqra dan inħoss li Ġesù qiegħed isejjaħli, u lkoll kemm aħna nistgħu ngħidu l-istess: Ġesù ġie għalija.  Kull wieħed u waħda minna....

Dan hu l-faraġ tagħna u l-fiduċja tagħna: li Hu jaħfer dejjem, Hu jfejjaq ir-ruħ, dejjem. Dejjem.  “Imma jien dgħajjef u nerġa’ naqa’...”: se jkun Ġesù li jqajjmek, li jfejqek, dejjem (....)  Dan hu l-faraġ tagħna, Ġesù ġie għalija, biex itini l-qawwa, biex jhennini, biex jikkalma l-kuxjena tiegħi.  Tibżgħux. Fil-mumenti koroħ, meta bniedem iħoss il-piż ta’ tant affarijiet li għamilna, tant żelqiet fil-ħajja, tant affarijiet, u jħoss il-piż... Ġesù jħobbni għaliex jien kif jien.

Qed jiġini f’moħħi episodju mill-ħajja ta’ qaddis kbir, San Ġlormu, li kellu karattru żorr ħafna u kien jagħmel ħiltu biex ikun manswet, imma dak il-karattru tiegħu... kien mid-Dalmazja u n-nies t’hemmhekk huma ta’ karattru qawwi...  Kien irnexxilu jirbaħ lilu nnifsu u lill-Mulej kien joffrilu tant affarijiet, tant ħidma, u kien jitlob lill-Mulej: “Xi trid minni?” – “Għadek ma tajtnix kollox” – “Imma, Mulej, tajtek dan, din, l-oħra...” – “Jonqos xi ħaġa” – “X’jonqos?” – “Tini dnubietek”.

Sabiħa nisimgħuha din: “Tini dnubietek, id-dgħifijiet tiegħek, jien infejjaq, int ibqa’ miexi”.

Illum l-ewwel Ġimgħa tax-Xahar, naħsbu fil-Qalb ta’ Ġesù, jalla jgħinna nifhmu dil-ħaġa hekk sabiħa, bil-qalb mimlija ħniena li tgħid biss: “Tini d-dgħufijiet tiegħek, tini dnubietek, jien naħfer kollox”.  Ġesù kollox jaħfer, jaħfer dejjem.

Jalla dan ikun il-ferħ, il-ferħ tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber