KAPPELLA PAPALI FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ

TAL-15-IL ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA

TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

L-Erbgħa 3 ta’ Ottubru 2018

 

“Id-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom” (Ġw 14:26).

 

B’dan il-mod hekk sempliċi, Ġesù joffri lid-dixxipli tiegħu l-garanzija li sa jsieħeb l-opra missjunarja kollha li ħa tiġi fdata lilhom: l-Ispirtu s-Santu sa jkun l-ewwel li jħares u jżomm dejjem ħajja u attwali t-tifkira tal-Imgħallem fil-qalb tad-dixxipli. Hu li jagħmel li l-għana u l-ġmiel tal-Vanġelu jkunu għajn ta’ ferħ u tiġdid kontinwu.

 

Fil-bidu ta’ dan il-mument ta’ grazzja għall-Knisja kollha, f’sintonija mal-Kelma ta’ Alla, nitolbu b’insistenza lill-Paraklitu biex jgħinna nagħmlu memorja u ngħixu mill-ġdid il-kliem tal-Mulej li kebbes il-qalb tagħna (ara Lq 24:32). Ħeġġa u passjoni evanġelika li jnisslu l-ħeġġa u l-passjoni għal Ġesù. Memorja li tista’ tqanqal u ġġedded fina l-ħila li noħolmu u nittamaw. Għax nafu li ż-żgħażagħ tagħna jista’ jkollhom il-ħila tal-profezija u tal-viżjoni skont kemm aħna, issa adulti jew anzjani, kapaċi noħolmu u hekk inħallu lil ħaddieħor jittieħed u jaqsam fil-ħolm u fit-tamiet li nġorru f’qalbna (ara Ġoel 3:1).

 

Ħa jagħtina l-Ispirtu s-Santu l-grazzja li nkunu Padri Sinodali midluka bid-don tal-ħolm u tat-tama, biex nistgħu, aħna wkoll, nidilku liż-żgħażagħ tagħna bid-don tal-profezija u tal-viżjoni; jagħtina l-grazzja li nsiru memorja ħabrieka, ħajja, effikaċi, li minn nisel għal nisel ma tħallix jifgawha u jfarrkuha la l-profeti tat-traġedji u tal-isfortuna u lanqas il-limiti, l-iżbalji u d-dnubiet tagħna, imma tkun kapaċi ssib spazji biex tkebbes il-qalb u tgħarbel it-toroq tal-Ispirtu. Hu b’dan l-atteġġjament ta’ smigħ ħelu ta’ leħen l-Ispirtu li aħna ġejna msejħa minn kull rokna tad-dinja. Illum, għall-ewwel darba, jinsabu hawn magħna anki żewġ ħutna Isqfijiet taċ-Ċina kontinentali. Nagħtuhom il-merħba tagħna minn qalbna: il-komunjoni tal-Episkopat kollu mas-Suċċessur ta’ Pietru hi iżjed u iżjed viżibbli grazzi għall-preżenza tagħhom.

 

Midluka bit-tama, qed nibdew laqgħa ġdida tal-Knisja li kapaċi twessa’ l-ixfqa, tkabbar il-qalb u tibdel dawk l-istrutturi li llum qed iżommuna mwaħħlin, jifirduna u jbegħduna miż-żgħażagħ, u jħalluhom esposti għall-maltemp u ltiema minn komunità ta’ fidi li tweżinhom, minn xefaq ta’ sens u ta’ ħajja (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 49).

 

It-tama tisfidana, iċċaqlaqna u tfarrak il-konformiżmu ta’ “għax dejjem hekk sar”, u titlobna nqumu fuq saqajna biex naraw direttament il-wiċċ taż-żgħażagħ u s-sitwazzjonijiet li fihom jinsabu. L-istess tama titlobna nħabirku biex indawru s-sitwazzjonijiet ta’ prekarjetà, ta’ esklużjoni u ta’ vjolenza, li għalihom huma esposti ż-żgħażagħ tagħna.

 

Iż-żgħażagħ, frott ta’ ħafna mid-deċiżjonijiet meħuda fil-passat, qed isejħulna biex flimkien magħhom nerfgħu r-responsabbiltà tal-preżent b’impenn ikbar u biex nitqabdu kontra dak li b’kull mod qed iżommilhom ħajjithom milli tiżviluppa b’dinjità. Huma qed jitolbuna u jesiġu minna għotja kreattiva, dinamika intelliġenti, entużjasta u mimlija tama, u biex ma nitilquhomx waħidhom f’idejn il-ħafna merkanti tal-mewt li qed ikasbru lil ħajjithom u jdallmu l-viżjoni tagħhom.

 

Din il-ħila li noħolmu flimkien, li l-Mulej illum qed jirregalalna bħala Knisja, tesiġi – skont kif qal San Pawl fl-Ewwel Qari – li nxettlu bejnietna atteġġjament preċiż: “Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor” (Fil 2:4). U fl-istess waqt jimmira iktar fil-għoli u jitlobna biex b’umiltà nqisu lil oħrajn aqwa minna nfusna (ara v. 3). B’dan l-ispirtu nfittxu li niftħu widnejna u nisimgħu lil xulxin biex niddixxernu flimkien dak li l-Mulej qed jitlob mill-Knisja tiegħu. U dan jesiġi minna li nkunu attenti u noqogħdu attenti li ma nħallux tgħolli rasha l-loġika tal-awtopreservazzjoni u tal-awtoreferenzjalità, li tispiċċa tqis importanti dak li hu sekondarju u sekondarju dak li hu importanti. L-imħabba għall-Vanġelu u għall-poplu li ġiet fdat f’idejna titlobna nwessgħu ħarsitna u ma nitilfux minn taħt għajnejna l-missjoni li għaliha jsejħilna biex nimmiraw għal ġid ogħla li minnu lkoll nistgħu ngawdu. Mingħajr dan l-atteġġjament, l-isforzi kollha tagħna jkunu fix-xejn.

 

Id-don tas-smigħ sinċier, fit-talb u kemm jista’ jkun mingħajr preġudizzji u kundizzjonijiet, jippermettilna nidħlu f’komunjoni mad-diversi sitwazzjonijiet li qed jgħix il-Poplu ta’ Alla. Nisimgħu lil Alla, biex flimkien miegħu nisimgħu l-karba tan-nies; nisimgħu lin-nies, biex magħha nieħdu n-nifs tar-rieda li għaliha Alla jsejħilna (ara Diskors fil-velja ta’ talba bi tħejjija għas-Sinodu fuq il-familja, 4 ta’ Ottubru 2014).

 

Dan l-atteġġjament jiddefendina mit-tentazzjoni li naqgħu f’pożizzjonijiet etiċisti jew elitarjani, kif ukoll mill-ġibda lejn ideoloġiji astratti li qatt ma jikkorrispondu mar-realtà tan-nies tagħna (ara J.M. Bergoglio, Meditaciones para religiosos, 45-46).

 

Ħuti, ejjew inqiegħdu dan iż-żmien taħt il-ħarsien matern tal-Verġni Marija. Ħa tkun hi, il-mara tas-smigħ u tal-memorja, li sseħibna biex nagħrfu l-passi tal-Ispirtu ħalli b’attenzjoni (ara Lq 1:39), qalb il-ħolm u t-tamiet, insieħbu u nħeġġu liż-żgħażagħ tagħna biex ma jieqfu qatt jipprofetizzaw.

 

Padri Sinodali,

 

Ħafna minna kienu żgħażagħ jew meddew l-ewwel passi fil-ħajja reliġjuża meta kien qed jintemm il-Konċilju Vatikan II. Liż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien kien indirizzat l-aħħar messaġġ tal-Padri Konċiljari. Dak li smajna bħala żgħażagħ nagħmlu sew nerġgħu ngħadduh bil-qalb aħna u niftakru fi kliem il-poeta: “Il-bniedem iżomm dejjem dak li wiegħed meta kien żgħir” (F. Hölderlin).

 

Hekk ikellmuna l-Padri Konċiljari:

 

“Il-Knisja, għal erba’ snin, ħadmet biex iġġedded l-istess wiċċ tagħha, biex twieġeb aħjar għall-pjan tal-Fundatur tagħha, il-Ħaj il-kbir, Kristu dejjem żagħżugħ. U fi tmiem din ir-‘reviżjoni ta’ ħajja’ imponenti, hi ddur lejkom: hu għalikom iż-żgħażagħ, fuq kollox għalikom, li hi bil-Konċilju tagħha xegħlet dawl, dak li jdawwal il-ġejjieni, il-ġejjieni tagħkom. Il-Knisja tixtieq li s-soċjetà li intom qed tħejju ruħkom biex tibnu, tirrispetta d-dinjità, il-libertà, id-dritt tal-persuni: u dawn il-persuni huma intom. […] Hi għandha fiduċja […] li intom sa tagħrfu taffermaw il-fidi tagħkom fil-ħajja u f’dak li jagħti sens lill-ħajja: iċ-ċertezza tal-eżistenza ta’ Alla ġust u tajjeb.

 

Hu f’isem dan Alla u ta’ Ibnu Ġesù Kristu li aħna nsejħulkom biex twessgħu qlubkom skont id-dimensjonijiet tad-dinja, biex tagħtu widen għas-sejħa ta’ ħutkom, u biex b’ħerqa tqiegħdu l-enerġiji żgħażagħ tagħkom għall-qadi tagħhom. Tqabdu kontra kull egoiżmu. Tħallux jieħdu r-riedni f’idejhom l-istinti tal-vjolenza u tal-mibegħda, li jnisslu biss gwerer u l-korteo kiebi ta’ miżerji tagħhom. Kunu ġenerużi, safja, rispettużi, sinċiera. U ibnu bil-ħeġġa dinja aħjar minn din!” (Pawlu VI, Messaġġ liż-żgħażagħ fi tmiem il-Konċilju Vatikan II, 8 ta’ Diċembru 1965).

 

Padri sinodali, il-Knisja qed tħares lejkom b’fiduċja u mħabba.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard