Qabel kollox grazzi  li  ġejtu. Forsi  kien imissni niġi jien inżur lil kull wieħed minnkom, iżda bil-ġenerożita’ tagħkom iffrankajtuli  din il-biċċa xogħol. Grazzi.

 

Waqt li kontu qed titkellmu ġietni f’moħħi talba, talba li ngħiduha spiss,  meħuda mill-Ktieb tas-Salmi: “Kemm hi ħaġa sabiħa tara l-aħwa magħqudin  flimkien”.   Magħqudin flimkien ma jfissirx li aħna xorta, l-unita’ mhijiex uniformita’, lanqas fl-istess  denominazzjoni. Kull wieħed għandu l-valuri tiegħu, ir-rikkezza tiegħu u anki n-nuqqasijiet tiegħu.

 

Aħna lkoll differenti, u kull  denominazzjoni għandha r-rikkezza tagħha, it-tradizzjonijiet tagħha; għandha rikkezza x’tagħti u taqsam mal-oħrajn.  U dan jista’ jseħħ biss jekk ngħixu fil-paċi. U l-paċi tinbena  f’kor ta’ differenzi. L-unita’ sseħħ dejjem permezz tad-differenzi.

 

Wieħed minnkom uża l-kelma “armonija” tliet darbiet. Din hija l-paċi: hi armonija. F’dan iż-żmien li qed ngħixu fih,  qed nisperimentaw, fuq livell dinji, tendenza għall-uniformita’, li kollox isir l-istess. Hekk tkun qed toqtol l-umanita’.  Din hi kolonizzazzjoni kulturali. Jeħtieġ nifhmu r-rikezza tad-differenzi  etniċi, reliġjużi, popolari  tagħna; hu propju minn dawn  id-differenzi  li jitwieled id-djalogu.  U jekk nibdew minn dawn id-differenzi, bħal aħwa,  nitgħallmu minn xulxin......bħal aħwa li jgħinu lil xulxin  biex jinbena dan il-Pajjiż, li anki ġeografikament tant hu għani b’affarijiet differenti.  M’għandniex nibżgħu mid-differenzi.  Wieħed hu Missierna, aħna lkoll aħwa. Ejjew ninħabbu bħal aħwa.  U jekk niddiskutu bejnietna, ejjew nagħmlu dan bħal aħwa, li malajr jirrikonċilaw bejniethom u dejjem jaslu biex ikunu aħwa. Naħseb li hekk biss tinbena l-paċi.

 

Nirringrazzjakom li ġejtu tagħmluli din iż-żjara. Fir-realta’ huwa jien li qed inżurkom u nixtieq li almenu spiritwalment tilqgħu din iż-żjara: hi żjara ta’ ħukom ieħor.

 

Grazzi.  Ibnu l-paċi. Tħallux il-kolonizzazzjoni kulturali tagħmilkom uniformi. Il-vera armonija divina tinħoloq permezz tad-differenzi. Id-differenzi huma rikkezza għall-paċi.

 

Grazzi ħafna. U ppermettuli, bħala ħukom, ngħid talba; barka antika li tiġborna fiha lkoll: “ Il-Mulej iberikkom u jħariskom.  Ħallu lil wiċċu jiddi fuqkom u jurikom il-grazzja tiegħu.  Jalla l-ħarsa ta’ wiċċu tkun fuqkom u jagħtikom il-paċi”.

 

Grazzi

 

 

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard