(Il-Papa Franġisku)

Nirringrazzjakom tal-merħba li tajtuni, grazzi wkoll tat-tbissima tagħkom.  Jien naf li intom titolbu għalija, u nirringrazzjakom ħafna ta’ dan.  Il-Mulej iħobbkom ħafna, il-Mulej hu qrib tagħkom.  Il-Mulej ma jitlaqna qatt, lanqas fil-mumenti l-iżjed koroh.  Ejjew nafdaw fiH: Hu qrib tagħna, u meta jiġi mument ikrah fuqna – għax dan jiġri lil kulħadd – meta jiġu l-mumenti koroh, xi ftit tan-nostalġija, xi ftit tad-dwejjaq, id-dmugħ li jġelben ma’ ħaddejna, il-biki… ħa nagħmlu hekk b’idejna u: “Mulej, jien naf li Int tinsab hawn”.  Qatt ma jitlaqna waħidna.  Forsi tgħidlu: “Eħħ, Int tinsab hawn, imma l-mument ikrah jiena għaddej minnu!”.  Imma Hu għadda minn mument ikrah fuq is-salib u – tiftakru? – Hu kien l-ewwel wieħed li mexa qabilna f’din it-triq.  U għalhekk hu jaf x’inhi t-tbatija, id-dwejjaq, is-solitudni u tant uġigħ ieħor…  Imma Hu dejjem hemm.  Qatt titilfu l-fiduċja tagħkom fih.  Fhimtu?  Iva?  Imma m’intomx tant konvinti, jew?  La taqtgħu qatt qalbkom!  U mal-Mulej hemm ukoll l-Omm tagħna.  L-ommijiet qatt ma jitilqu lil uliedhom, u l-Madonna hi l-omm tagħna.  Issa nitolbuha lkoll flimkien: “Sliem għalik, Marija…”.

 

U nagħtikom il-barka tiegħi: “Iberikkom Alla li jista’ kollox…”.

 

U, nitlobkom, itolbu għalija: tinsewx!  Niltaqgħu ’l quddiem; ma nafx, il-Mulej jaf…  Imxu, kuraġġ!  Il-Mulej dejjem hemm qiegħed.  Grazzi talli lqajtuni!

 

* * *

 

PARROĊĊA TA’ SANTA MARIJA OMM IL-FEDDEJ

F’TOR BELLA MONACA

 

Laqgħa mat-tfal u l-adolexxenti

 

(Tifla)

Santità, xtaqna  nkunu nafu x’ħassejt meta lħaqt Papa…

 

(Il-Papa Franġisku)

Grazzi… 

 

(Tifla mill-Iscouts)

Din hi mistoqsija li ridna nagħmluhielek aħna t-tnejn: din il-mistoqsija ilna biex nagħmluha ħafna żmien, u sa fl-aħħar jista’ jkollna tweġiba.  Jekk Alla jaħfer lil kulħadd, kif jeżisti l-Infern?  U mbagħad, kurżità ċkejkna: skond int, kif inhi l-Ġenna?

 

(Tfajla)

Għażiż Papa, bħala Nsara nħabbtu wiċċna ma’ ħafna diffikultajiet.  Spiss niġu mwaqqgħin għaċ-ċajt, anki minħabba l-għażliet morali tagħna, bħal ngħidu aħna kif ngħixu b’mod Nisrani s-sesswalità tagħna.  Santità, għinna nifhmu u ssuġġerilna kif nistgħu ngħixu bl-aħjar mod il-fidi tagħna u nimxu wara Alla, minkejja l-morr tal-ħajja li spiss iġagħilna nħossuna mbiegħda minn imħabbtU.  Grazzi mill-qalb.

 

(Il-Papa Franġisku)

Il-wara nofs in-nhar it-tajjeb lil kulħadd!

 

L-ewwel, mistoqsija importanti ħafna, dik li għamilt int, bħala Scout tajba għamilt mistoqsija sabiħa, u iebsa.  Issa nistaqsi jien ukoll: Alla kollox jaħfer, le?  [Tweġiba: Iva!  Kollox jaħfer!]  Għaliex Hu twajjeb… jew le?  [Iva!  Hu twajjeb!]  Hu twajjeb.  Imma intom tafu li kien hemm anġlu kburi żżejjed bih innifsu, kburi wisq; u dan kien intelliġenti ħafna.  U dan ġietu l-għira għal Alla, qed tifhmu?  Għer għal Alla.  Ried jeħodlu postu.  U Alla ried jaħfirlu, imma hu qallu: “Jien m’għandix bżonn tal-maħfra tiegħek, jien biżżejjed għalija nnifsi!”.  Dan hu l-Infern: meta int tgħid lil Alla: “Dabbar rasek, jien nirranġa waħdi”.  Fl-Infern mhux jibagħtuk: tmur int, għax int tagħżel li tkun hemm.  L-Infern hu meta jien inkun irrid nitbiegħed minn Alla għax ma rridx l-imħabba ta’ Alla.  Dan hu l-Infern.  Fhimt?  Hi teoloġija xi ftit… ħafifa biex tispjega, imma dan hu.  Ix-Xitan qiegħed l-Infern għax hu ried hekk: qatt ma ried jirrelata ma’ Alla.  Imma jekk int… aħseb f’midneb: kieku int kont midneb kbir, bid-dnubiet kollha tad-dinja, kollha; u  mbagħad jikkundannawk għall-piena kapitali; u meta tkun hemm, tidgħi, tinsulta, tant ħwejjeġ…  U meta tiġi biex tmur hemm, għall-piena kapitali, meta tkun wasalt biex tmur, tħares lejn is-Sema u tgħidlu: “Mulej…!”.  Fejn tmur: il-Ġenna jew l-Infern?  Għajtu…  [Il-Ġenna!]  Il-Ġenna tmur, għax kien hemm ieħor li kien ħalliel, imma ħalliel minn dawk…  Kien imsallab qrib ta’ Ġesù.  U wieħed minn dawn iż-żewġ ħallelin kien qed jinsulta lil Ġesù.  Dan ma kienx jemmen f’Ġesù; baqa’ jissaporti l-uġigħ sal-mewt.  Imma f’ċertu punt, ħass xi ħaġa tqanqlu ġo fih u qal: “Mulej, ħenn għalija!”.  U x’qallu Ġesù?  Tiftakar x’qallu?  “Il-lum, il-lejla stess, tkun miegħi l-Ġenna”.  Għaliex?  Għax qallu “ftakar fija”, “ħu ħsiebi”.  Imur l-Infern biss min lil Alla jgħidlu: “M’għandix bżonnok, waħdi nirranġa”, kif għamel ix-Xitan li hu l-uniku wieħed li aħna ċerti li qiegħed l-Infern.  Ċara l-biċċa?  Grazzi tal-mistoqsija.  Imma int donnok ħierġa teologa!

 

Il-mistoqsija l-oħra, m’hix ħafifa.  Il-moralità Nisranija: kif ngħix din il-moralità, kif inkun qaddis quddiem Alla, x’għandi nagħmel?  U l-moralità Nisranija, li ngħixu moralment, hi grazzja, hi tweġiba għall-imħabba li Hu jagħtik l-ewwel.  Jekk int m’intix konxju li Hu jħobbok, int ma tista’ tagħmel xejn.  Xejn.  U l-mod morali kif tgħix hu tweġiba għal dik il-laqgħa tiegħek ma’ Ġesù.  Jekk int ma ltqajt qatt ma’ Ġesù, qatt ma tista’ tgħix ħajja Nisranija.  Hu Ġesù dak li jgħinek timxi ’l quddiem, u jekk int taqa’, Hu li jerfgħek u jgħinek tkompli miexi.  Imma jekk int taħseb u aħna naħsbu li l-ħajja morali hi biss “agħmel hekk”, “tagħmilx hekk”, “agħmel dan”, “tagħmilx din”, “agħmel din”, “tagħmilx dan”…, dan m’hux atteġġjament Nisrani.  Din hi filosofija morali, imma le, m’hix Nisranija.  Nisranija hi l-imħabba ta’ Ġesù li jħobbna hu l-ewwel.  Fhimtu?  Meta lkoll kemm aħna jkollna tentazzjonijiet ta’ għira, mibegħda, tant tentazzjonijiet, kollha, kollha, tant tentazzjonijiet; fil-mument tat-tentazzjoni, inħarsu lejn Ġesù u ngħidulu: “Mulej, ħarisni, titlaqnix waħdi”.  Imma mbagħad, jekk int taqa’, erġa’ qum.  L-Alpini għandhom kanzunetta sabiħa ħafna li tgħid hekk: “Fl-arti tat-tixbit mal-muntanji, l-importanti m’hux li ma taqax, imma li ma tibqax fl-art”.  Il-moralità Nisranija din hi: Int taqa’?  Erġa’ qum minnufih u imxi.  Din hi, il-ħajja.  Imma dejjem ma’ Ġesù.  Mingħajr Ġesù ma tista’ tagħmel xejn.  Fhimt?  Eħ?  Anki int tista’ tmur tistudja t-Teoloġija Morali l-Gregorjana: jgħallmuk dawn l-affarijiet…

 

U t-tielet mistoqsija, li kienet l-ewwel waħda: x’ħassejt meta lħaqt Papa.  Ma nafx…: “Bidluli d-djoċesi”… [jidħak, jidħku]  Kont ferħan fi djoċesi u issa jien ferħan f’oħra.  Bidluhieli.  Dik hi.

 

Lit-tfal ta’ l-Ewwel Tqarbina, li kollha kitbuli ittra, nirringrazzjahom u se nieħu miegħi l-ittri tagħhom.

 

Nitolbu lill-Madonna biex tberikna lkoll.  Qatt f’ħajjitkom timxu mingħajr Ġesù!  Qatt tfittxu s-salvazzjoni mingħajr Alla: Hu li jsalva.  Hekk ma mmorrux l-Infern.  U qatt tgerger meta l-ħajja tibdillek postok!

 

“Sliem għalik, Marija…”.

 

Issa nitolbu lil Alla jberikna lkoll: “Iberikkom Alla li jista’ kollox…”.

 

Grazzi! 

 

* * *

 

Laqgħa mal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u l-animaturi

 

(Saċerdot)

Allura, Santità, int għandek quddiemek lil dawk kollha li jikkollaboraw hawn, fil-parroċċa; huma dawk li, lilna s-saċerdoti, jippermettulna nkunu preżenti fit-territorju, u fuq kollox grazzi għall-impenn u l-perseveranza tagħhom, jgħinuna nwasslu lil Ġesù Kristu fil-kwartier tagħna.  Għandna iżjed minn 250 kollaboratur u kollaboratriċi; ħafna minnhom qegħdin hawn, oħrajn il-lum jinsabu impenjati f’servizzi oħra, imma kollha huma nies ta’ rieda tassew tajba u b’qalb kbira.  Aħna u ġejjin ’l hawn, fi Triq l-Arkeoloġija, Int rajt lil dawk il-persuni kollha li kienu qed jistennewk: dik hi n-nies li tbeżża’ lil Ruma.  Huma l-foqra.  Ma jfisser xejn li żewġ familji jħassru t-tessut ta’ sitwazzjoni.  In-nies ta’ Tor Bella Monaca hi twajba, u Int il-lum stajt tmiss b’idejk it-tjieba tagħhom u, kif kont qed ngħidlek fil-karozza, kemm huma qrib tagħna s-saċerdoti, għax iħobbuna: lilna u lis-sorijiet.  U għalina dan hu don kbir, għax kull fil-għodu nqumu moħħna mistrieħ, għax nafu li għandna l-poplu ta’ Alla miexi magħna aħna u nwasslu l-Kelma ta’ Alla f’dan il-kwartier.  Għalhekk, inħalli f’idejk issa biex tgħidilhom xi ħaġa li tista’ tgħinhom.

 

(Il-Papa Franġisku)

Il-lejla t-tajba u grazzi li ġejtu: grazzi ħafna.  U grazzi ta’ dak li tagħmlu.

 

Dak li qal il-Kappillan hu sabiħ.  In-nies ta’ Tor Bella Monaca hi twajba, hi nies twajba.  Għandha biss difett wieħed, imma hu l-istess difett li kellhom Ġesù, Marija, Ġużeppi: li hi fqira.  Il-faqar…  Bid-differenza li Ġużeppi kellu xogħol, Ġesù kellu xogħol.  Ħafna nies hawn m’għandhiex.  U trid titma’ lil uliedha!  U kif tagħmel?  Eħ, intom tafu!  It-tentazzjoni…  “Imma jien ma rridx nagħmel dan, ma nixtieqx, imma jkolli nagħti x’jieklu lil uliedi”.  Dan hu d-dramm tagħkom, tan-nies ta’ hawn.  Din it-tjieba qed tiġi ppruvata mill-inġustizzja; mill-inġustizzja tal-qagħad u tad-diskriminazzjoni.  U dan hu dnub, hu dnub gravi.  U ħafna nies twajba jkollha, trid u ma tridx, tagħmel affarijiet koroh, forsi, għax ma ssibx triq oħra.  Imma mbagħad xi problemi oħra: aħna nafu li x-Xitan u l-inġustizzja jidħlu permezz tad-dipendenzi, kemm ix-xorb, kemm id-droga, u dan iwassalna biex nagħmlu affarijiet ħżiena, ħwejjeġ koroh.  Imma dan intom fhimtuh, li taħt it-trab li jidher hemm ruħ tajba, dejjem.  U tmellisa, żegħila, ġest li jitma’ lil min hu bil-ġuħ, jagħmel ħafna ġid.

 

Darba, jien ma rajtux, imma fid-djoċesi l-oħra kien hemm kappillan li rrakkuntali li kellu jmur il-ħabs iżur wieħed mill-parruċċani tiegħu li kien il-ħabs għax kien seraq: kien seraq ftit tal-laħam minn supermarket biex jitma’ lil uliedu.  U din hi ħaġa ħażina; imsejken fqajjar, x’inġustizzji!  Għax biex iwettaq kmandament, kien qiegħed il-ħabs.  Jekk ibnek għandu l-ġuħ u s-soċjetà m’hix tgħinek taħdem, m’hix tgħinek issib xogħol, ma tgħinekx toħroġ mill-vizzji… int b’xi mod ikollok tagħti x’jieklu lil uliedek…  Dan qed ngħidu biex nifhmu sewwa l-qagħda ta’ tant nies twajba, imma li l-ħajja ġġibhom darhom mal-ħajt.  U intom qed taħdmu biex dawn is-sitwazzjonijiet ma jirripetux ruħhom, biex dawn is-sitwazzjonijiet ma jkunux ta’ kuljum: intom qed taħdmu biex tibqgħu mexjin ’il quddiem id f’id man-nies u tgħidulhom: “Le, ejja hawn, x’għandek bżonn?  Se ngħinek jien…”.  U ħafna drabi n-nies, meta tħoss li hemm min hu miexi magħha, u jridilha l-ġid, ma taqax f’dik ix-xibka tal-ħżiena, li jisfruttaw il-foqra.  Għax anki l-mafjużi jisfruttaw il-foqra biex iġagħluhom jagħmlu x-xogħol maħmuġ u mbagħad, jekk il-pulizija taqbad lil xi ħadd, hi taqbad lil dawk l-imsejkna foqra imma mhux lill-mafjużi li huma koperti tajjeb u anki l-assigurazzjoni personali jħallsu.  Jew m’hux veru dan?  U intom dan tafuh ħafna iktar minni.  Għalhekk jien nissuġġerilkom ħaġa, lilkom, biex tgħinu lin-nies.  L-ewwel kmandament pastorali hu l-qrubija: kunu qrib tan-nies.  Qrubija.  Ma nistgħux nidħlu f’familja bit-tfal morda jew bil-ġuħ jew li waqgħu fil-vizzju, ma nistgħux immorru u ngħidulhom “Int għandek tagħmel hekk, u dan, u din!”…  Le.  Jeħtieġ inkunu qrib tagħhom, b’dik l-għożża li Ġesù għallimna.  Biex jifdina Alla ġie qrib tagħna, sar wieħed minna: Ġesù, u bata bħalna!  Din hi t-triq: il-qrubija.  “Imma nista’ jien noqrob anki lejn dak li naf li qatel żewġ persuni jew tlieta?”.  Oqrob lejh, għax anki dak għandu qalb, u Alla jħobbu.  Oqrob.  Dan hu l-parir pastorali kbir li nagħtikom.  U nirringrazzjakom ta’ din il-kollaborazzjoni.  U jekk hemm tant inġustizzja, ma jiswa xejn li noqogħdu nagħmlu ħafna manifestazzjonijiet politiċi kontra l-inġustizzja, u ngħajtu, u mbagħad immorru nieklu pizza tajba u nieħdu xarba birra.  Li jiswa hu li nkunu qrib, nuru ħlewwa, imħabba, u naqsmu l-ħajja ma’ l-oħrajn.

 

Il-lum irċivejt ittra minn għand ħabib tiegħi Lhudi – aħna ħbieb kbar, fi Buenos Aires.  Kitibli ittra elettronika.  U rrakkuntali storja – għax il-Lhud għandhom stejjer qodma tar-rabbini anzjani li huma bħal katekeżi, li r-rabbini xjuħ kienu jirrakkuntaw biex in-nies titgħallem x’għandha tagħmel.  U kien hemm raġel għani, intelliġenti ħafna – hi storja ta’ ħafna sekli ilu, li huma jħobbu jirrakkuntaw – u fl-għerf tiegħu kien jaqra l-Bibbja u jgħid: “Il-profeta Elija għad jerġa’ jiġi, għandu jerġa’ jiġi…”, u ma setax jifhem għala kien għadu ma ġiex, il-profeta Elija.  U mar għand ir-rabbi tiegħu.  Ir-rabbi tiegħu – xwejjaħ, għaref – qallu: “Mur fir-raħal l-ieħor u ssib dar hekk, hekk, u hekk.  Ħu kollox, kull ma hemm bżonn biex tagħmel festa – għax kienet ġejja għalihom il-festa ta’ l-Ewwel tas-Sena – l-ikel kollu, u ħudhom b’rigal u oqgħod magħhom għal jum il-festa.  U hemm issib lil Elija”.  U dan ir-raġel għani mela żewġ ċestini u telaq u għadda l-festa magħhom, imma baqa’ jħares, jistenna u ma setax jara lil Elija.  Imbagħad reġa’ lura, wara ġurnata, u mar għand ir-rabbin u qallu: “Għamilt kull ma għidtli, imma lil Elija ma rajtux.  X’għandi nagħmel?  Int qarraqt bija!” – “Erġa’ mur pitgħada, bl-istess affarijiet, imma tħabbatx il-bieb: issemma’ minn wara t-tieqa xi jkunu qed jgħidu”.  Kienu l-aħħar jiem tal-festa.  Dan ir-raġel qorob lejn it-tieqa, sema’ u din il-familja fqira Lhudija, fqira, fqira, fqira tant li ma kellhiex x’tiekol, kienet qed tgħid lil uliedha li kienu qed jokorbu: “Mamà, issa kif se niffesteġġjaw l-aħħar jum tal-festa meta m’għandniex x’nieklu?  Papà, x’se nagħmlu?”.  U l-omm u l-missier weġbuhom: “Ma naqtgħux qalbna: hekk kif Elija, il-profeta, ġie fl-ewwel jum, jerġa’ lura l-lum ukoll”.  U dak ir-raġel, li kien qed jissemma’ minn taħt it-tieqa, intebaħ li l-profeta Elija kien hu.

 

Anki aħna profeti, anki aħna profeti kbar; aħna nħabbru lil Ġesù Kristu bil-ġesti: anki bil-kliem, imma l-ewwel bil-ġesti.  Billi nkunu qrib ta’ ħaddieħor.  Dak ir-raġel kien qorob u skopra li hu kellu l-ħila jsolvi tant problemi, jitma’ lil ħafna nies bil-ġuħ.  Oqorbu.  Tibżgħux mill-qrubija.  Tibżgħux mit-tmellis: agħtu tmellisa lin-nies, lill-morda, lil dawk waħidhom, anki dawk li jimmeritaw l-aġġettiv ‘miżerabbli’: mellsuhom, kif Alla melles lilkom.  Qrubija, tmellis, imħabba.  U ibqgħu mexjin f’din it-triq.  U grazzi, grazzi, grazzi ta’ dak kollu li tagħmlu!

 

U issa ejjew nitolbu lill-Madonna li kienet tant qrib tan-nies u li tul l-istorja tal-Knisja riedet tkun qrib tagħna, tiġi għandna f’tant dehriet, f’tant postijiet fid-dinja, biex tgħallimna dan l-għerf tal-qrubija lejn il-persuni, bla ma ninġibu lura: “Sliem għalik, Marija…”.

 

“Iberikkom Alla li jista’ kollox…”.

 

U itolbu għalija…  Xi jfisser dan?  Oqorbu lejja bil-qalb tagħkom, għax anki jien għandi bżonn tat-tmellis u t-talbiet tagħkom!  Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard