L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Jum dinji ta' talb għall-għożża tal-ħolqien - 2018

 

 

Nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq il-kwistjoni tal-ilma, element tant sempliċi u prezzjuż, li b’xorti ħażina għal ħafna nies l-aċċess għalih hu diffiċli jekk mhux impossibbli.

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

L-PAPA FRANĠISKU

GĦAĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL-

JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-GĦOŻŻA TAL-ĦOLQIEN

1 TA’ SETTEMBRU 2018

 

Għeżież ħuti!

 

F’dan il-Jum ta’ Talb nixtieq qabelxejn irrodd ħajr lil Alla għad-don tad-dar komuni tagħna u għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba li jħabirku biex iħarsuha. Inħossni grat għall-għadd kbir ta’ proġetti li saru biex jippromovu l-istudju u l-ħarsien tal-ekosistemi, għall-isforzi b’riżq l-iżvilupp ta’ agrikultura iktar sostenibbli u tqassim iktar responsabbli tal-ikel, għall-bosta inizjattivi edukattivi, spiritwali u liturġiċi li fihom ħafna Nsara fid-dinja kollha huma involuti fl-għożża tal-ħolqien.

 

Dan irridu ngħiduh: ma tantx għarafna nħarsu l-ħolqien b’responsabbiltà. Il-qagħda ambjentali, fuq livell globali kif ukoll f’ħafna postijiet speċifiċi, ma nistgħux inqisuha sodisfaċenti. Bir-raġun feġġet il-ħtieġa ta’ relazzjoni mġedda u b’saħħitha bejn l-umanità u l-ħolqien, il-konvinzjoni li hi biss viżjoni awtentika u integrali tal-bniedem li tista’ tippermettilna nieħdu ħsieb aħjar tal-pjaneta tagħna għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri, għax “m’hemmx ekoloġija mingħajr antropoloġija xierqa” (Ittra enċiklika Laudato sì, 118).

 

F’dan il-Jum Dinji ta’ Talb għall-għożża tal-ħolqien, li l-Knisja Kattolika għal xi snin ilha tiċċelebra f’għaqda mal-aħwa Ortodossi, u bi qbil ma’ Knejjes u Komunitajiet Insara, nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq il-kwistjoni tal-ilma, element tant sempliċi u prezzjuż, li b’xorti ħażina għal ħafna nies l-aċċess għalih hu diffiċli jekk mhux impossibbli. U safrattant, “l-aċċess għall-ilma nadif u tajjeb għax-xorb hu dritt uman essenzjali, fundamentali u universali, għax minnu jiddependi l-għajxien tan-nies, u għalhekk hu kundizzjoni għat-tħaddim tad-drittijiet umani l-oħra. Din id-dinja għandha dejn soċjali għoli mal-foqra li m’għandhomx aċċess għall-ilma tax-xorb, għax dan ifisser li qed iċċaħħadhom mid-dritt għall-ħajja li għandu l-għeruq tiegħu fid-dinjità inaljenabbli tagħhom” (ibid., 30).

 

L-ilma jistedinna nirriflettu fuq mnejn ġejjin. Il-ġisem tal-bniedem fil-parti l-kbira tiegħu hu magħmul mill-ilma; u ħafna ċiviltajiet, fl-istorja, kibru qrib ta’ nixxigħat kbar ta’ ilma li mmarkaw l-identità tagħhom. Hi suġġestiva x-xbieha li tintuża fil-ftuħ tal-Ktieb tal-Ġenesi, fejn jingħad li fil-bidu l-ispirtu tal-Ħallieq “fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar” (1:2).

 

Meta naħseb fuq ir-rwol fundamentali fil-ħolqien u fl-iżvilupp uman, inħoss il-bżonn li ngħid grazzi lil Alla għal “ħuna l-ilma”, sempliċi u siewi iktar minn kull ħaġa oħra għall-ħajja fuq din il-pjaneta. Proprju għalhekk, il-ħarsien tal-għejun u tal-ħażniet tal-ilma hu imperattiv urġenti. Illum iżjed minn qatt qabel għandna bżonn ta’ ħarsa li tmur lil hemm mill-immedjat (ara Laudato sì, 36), lil hemm minn “kriterju utilitarju ta’ effiċjenza u produttività għall-profitt individwali” (ibid., 59). Huma meħtieġa proġetti flimkien u ġesti konkreti, aħna u nżommu f’moħħna li kull privatizzazzjoni tal-ġid naturali tal-ilma li tkun ta’ skapitu għal dak id-dritt uman li wieħed ikollu aċċess għalih, hi inaċċettabbli.

 

Għalina l-Insara, l-ilma jirrappreżenta element essenzjali ta’ tisfija u ta’ ħajja. Il-ħsieb dritt imur lejn il-Magħmudija, sagrament tat-twelid mill-ġdid tagħna. L-ilma mqaddes mill-Ispirtu hu l-materja li permezz tagħha Alla tana l-ħajja u ġeddidna, hu l-għajn imbierka ta’ ħajja li ma tmut qatt iżjed. Il-Magħmudija tirrappreżenta wkoll, għall-Insara ta’ ħafna konfessjonijiet, il-punt tat-tluq veru u essenzjali biex nistgħu ngħixu fraternità dejjem iżjed awtentika tul il-mixja tagħna lejn l-għaqda sħiħa. Ġesù, tul il-missjoni tiegħu, wiegħed ilma li jista’ jaqta’ għal dejjem l-għatx tal-bniedem (ara Ġw 4:14) u ħabbar: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob” (Ġw 7:37). Li mmorru għand Ġesù, u nħalluh jagħtina nixorbu, ifisser niltaqgħu miegħu personalment bħala l-Mulej, u mill-Kelma tiegħu nieħdu t-tifsira ta’ ħajjitna. Jidwu fina bil-qawwa dawk il-kelmiet li hu lissen fuq is-salib: “Għandi l-għatx” (Ġw 19:28). Il-Mulej għadu jitlob lil min itaffilu l-għatx, hu bil-għatx għall-imħabba. Jitlobna nagħtuh jixrob fil-ħafna għatxanin tal-lum, biex imbagħad jgħidilna: “Kont bil-għatx u sqejtuni” (Mt 25:35). Li nisqu lil min hu bil-għatx, fil-villaġġ globali tagħna, ma jitlobx biss ġesti personali ta’ karità, imma għażliet konkreti u impenn kostanti biex niggarantixxu lil kulħadd il-ġid primarju tal-ilma.

 

Nixtieq immiss ukoll il-kwistjoni tal-ibħra u tal-oċeani. Għandna għax nirringrazzjaw lill-Ħallieq għad-don imponenti u mill-isbaħ tal-ilmijiet kbar u ta’ dak kollu li hemm fihom (ara Ġen 1:20-21; Salm 146:6), u nfaħħruh għax libbes lill-art bl-oċeani (ara Salm 104:6). Meta naħsbu fuq il-meded kbar ta’ ilmijiet, f’ċaqliq kontinwu, f’ċertu sens din tkun għalina wkoll opportunità biex naħsbu f’Alla li l-ħin kollu jsieħeb il-ħolqien tiegħu u jmexxih ’il quddiem, u jżommu ħaj (ara San Ġwanni Pawlu II, Katekeżi, 7 ta’ Mejju 1986).

 

Li ta’ kuljum nieħdu ħsieb ta’ dan il-ġid bla qies illum hi responsabbiltà inevitabbli, sfida vera u proprja: hemm bżonn ta’ koperazzjoni attiva bejn il-bnedmin ta’ rieda tajba biex nikkollaboraw fl-opra kontiwa tal-Ħallieq. B’xorti ħażina, tant sforzi jgħibu fix-xejn minħabba fin-nuqqas ta’ regolamentazzjoni u ta’ kontrolli effettivi, speċjalment fejn jidħol il-ħarsien ta’ zoni marittimi lil hemm mill-konfini nazzjonali (ara Laudato sì, 174). Ma nistgħux nippermettu li l-ibħra u l-oċeani jimtlew b’meded qiegħda ta’ plastik jgħum fil-wiċċ. Għal din l-emerġenza wkoll aħna msejħin inħabirku, b’mentalità attiva, waqt li nitolbu bħallikieku kollox kien jiddipendi mill-Providenza divina u nħabirku bħallikieku kollox kien jiddipendi minna.

 

Nitolbu biex l-ilmijiet ma jkunux sinjal ta’ separazzjoni bejn il-popli, imma ta’ laqgħa għall-komunità tal-bnedmin. Nitolbu biex jiġi mħares min qed jirriskja ħajtu qalb l-imwieġ ifittex futur aħjar. Nitolbu lill-Mulej u lil min qed iwettaq is-servizz għoli tal-politika biex il-kwistjonijiet l-iżjed delikati ta’ żmienna, bħal dawk marbuta mal-immigrazzjoni, mal-bidliet fil-klima, mad-dritt ta’ kulħadd li jagħmel użu mill-ġid primarju, jiġu affrontati b’responsabbiltà, b’viżjoni fil-bogħod li tħares lejn il-futur, b’ġenerożità u fi spirtu ta’ kollaborazzjoni, fuq kollox bejn il-pajjiżi li għandhom disponibbiltà ikbar. Nitolbu għal dawk li jiddedikaw ruħhom għall-appostolat tal-baħar, għal min jgħinna nirriflettu fuq il-problemi li fihom jinsabu l-ekosistemi marittimi, għal min jikkontribwixxi fit-tifsil u fit-twettiq ta’ normi internazzjonali dwar l-ibħra li jistgħu jħarsu l-persuni, il-pajjiżi, il-ġid, ir-riżorsi naturali – jiġuni f’moħħi, ngħidu aħna, il-flora u l-fawna tal-ħut, kif ukoll is-sikek tal-qroll (ara ibid., 41) u l-qigħan tal-baħar – u jiggarantixxu żvilupp integrali fid-dawl tal-ġid komuni tal-familja sħiħa tal-bnedmin u mhux ta’ xi interessi partikulari. Niftakru wkoll f’dawk li jaħdmu għall-ħarsien taz-zoni marittimi, għall-ħarsien tal-oċeani u tal-bijodiversità tagħhom, biex jiżvolġu din il-ħidma b’responsabbiltà u onestà.

 

Fl-aħħar nett, għandna għal qalbna l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u għalihom nitolbu, biex jikbru fl-għarfien u fir-rispett tad-dar komuni u bix-xewqa li jieħdu ħsieb tal-ġid essenzjali tal-ilma għall-benefiċċju ta’ kulħadd. L-awgurju tiegħi hu li l-komunitajiet Insara jikkontribwixxu dejjem iżjed u dejjem b’mod iżjed konkret biex kulħadd jista’ jagħmel użu tajjeb minn din ir-riżorsa indispensabbli, fil-ħarsien rispettuż tad-doni li rċivejna mill-Ħallieq, b’mod partikulari tan-nixxigħat tal-ilma, tal-ibħra u tal-oċeani.

 

Mill-Vatikan, 1 ta’ Settembru 2018

 

FRANĠISKU

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta