Sinjuri Presidenti, Santità, ħuti!
B’ferħ kbir insellmilkom u nixtieq noffri lilkom u lid-Delegazzjonijiet distinti li għandkom magħkom l-istess merħba mill-qalb li tajtu lili fil-pellegrinaġġ li għadni kemm għamilt fl-Art Imqaddsa.
Irroddilkom ħajr minn qiegħ qalbi li lqajtu l-istedina tiegħi biex tiġu hawn ħalli flimkien nitolbu minn għand Alla d-don tal-paċi. Nittama li din il-laqgħa tkun mixja lejn it-tiftixa ta’ dak li jgħaqqadna, biex negħlbu dak li jifridna.
U rrodd ħajr lill-Qdusija Tiegħek, maħbub Ħija Bartilmew, li ġejt hawn miegħi tilqa’ lil dawn il-mistiedna illustri. Is-sehem tiegħek hu don kbir, tweżin prezzjuż, u xhieda tal-mixja li bħala Nsara qed interrqu lejn l-għaqda sħiħa.
Il-preżenza tagħkom, Sinjuri Presidenti, hi sinjal kbir ta’ fraternità, li qed twettqu bħala wlied ta’ Abraham, u espressjoni konkreta ta’ fiduċja f’Alla, Sid ta’ l-istorja, li l-lum qed iħares fuqna bħala aħwa wieħed ta’ l-ieħor u jixtieq imexxina fi triqatu.
Din il-laqgħa tagħna ta’ talb għall-paċi fl-Art Imqaddsa, fil-Lvant Nofsani u fid-dinja kollha hi msieħba mit-talb ta’ tant persuni, ġejjin minn kulturi, pajjiżi, ilsna u reliġjonijiet differenti: persuni li talbu għal din il-laqgħa u li issa jinsabu magħqudin magħna fl-istess talba. Hi laqgħa li twieġeb għax-xewqa mħeġġa ta’ dawk kollha li jixxennqu għall-paċi u joħolmu dinja fejn il-bnedmin kollha jistgħu jgħixu ta’ aħwa u mhux ta’ avversarji jew għedewwa.
Sinjuri Presidenti, id-dinja hi wirt li aħna rċivejna minn għand l-antenati tagħna, imma qed jisilfuhielna wkoll uliedna: ulied li għejew u tbażwru bil-kunflitti u jixtiequ li jfiġġ ma jdumx iż-żerniq tal-paċi; ulied li qed jitolbuna nġarrfu l-ħitan tal-mibegħda u nterrqu fit-triq tad-djalogu u tas-sliem biex jittrijonfaw l-imħabba u l-ħbiberija.
Ħafna, anzi wisq minn dawn l-ulied sfaw vittmi innoċenti tal-gwerra u tal-vjolenza, xtieli mqaċċta sewwa sew fil-fjur ta’ ħajjithom. Hu dmir tagħna nħabirku biex is-sagrifiċċju tagħhom ma jkunx għalxejn. It-tifkira tagħhom tixgħel fina l-kuraġġ tal-paċi, il-qawwa li nippreseveraw fid-djalogu hu x’inhu l-prezz, is-sabar li ninsġu jum wara jum in-nisġa dejjem iktar soda ta’ konvivenza fir-rispett u l-paċi, għall-glorja ta’ Alla u l-ġid ta’ kulħadd.
Biex inġibu l-paċi neħtieġu kuraġġ wisq iżjed milli biex nagħmlu l-gwerra. Neħtieġu l-kuraġġ biex ngħidu iva għal-laqgħa u le għall-iskontru; iva għad-djalogu u le għall-vjolenza; iva għan-negozjati u le għall-ostilità; iva għar-rispett tal-ftehim u le għall-provokazzjonijiet; iva għas-sinċerità u le għall-wiċċ b’ieħor. Biex iseħħ dan kollu hu meħtieġ il-kuraġġ, qawwa kbira fir-ruħ.
L-istorja tgħallimna li s-saħħa tagħna waħida m’hix biżżejjed. Iżjed minn darba konna qrobna sew għall-paċi, imma l-ħażin, b’diversi mezzi, irnexxielu jżommha. Għalhekk qegħdin hawn, għax nafu u nemmnu li għandna bżonn ta’ l-għajnuna ta’ Alla. M’aħniex immorru lura mir-responsabbiltajiet tagħna, imma, f’att ta’ responsabbiltà suprema, qed nitolbu lil Alla, quddiem il-kuxjenzi tagħna u quddiem il-popli tagħna. Smajna sejħa, u rridu nwieġbu għaliha: is-sejħa hi biex inkissru l-avvanz tal-mibegħda u l-vjolenza, u nfarrkuh b’kelma waħda: “ħija”. Imma biex nistgħu llissnu din il-kelma, jeħtieġ li lkoll ngħollu ħarsitna lejn is-Sema, biex nagħrfu li aħna lkoll ulied l-istess Missier.
Lejh, fl-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu, jiena ndur, waqt li nsejjaħ l-interċessjoni tal-Verġni Marija, bint l-Art Imqaddsa u Omm tagħna.
Mulej Alla tas-sliem, isma’ l-karba tagħna!
Tant drabi u għal bosta snin ippruvajna nsolvu l-kunflitt ta’ bejnietna bis-saħħa tagħna u anki bl-armi tagħna; tant waqtiet ta’ ostilità u ta’ dalma; tant demm imxerred; tant ħajjiet imfarrka; tant tamiet midfuna… Imma l-isforzi tagħna kienu għalxejn. Issa, Mulej, għinna Int! Agħtina Int il-paċi, għallimna Int il-paċi, mexxina Int lejn il-paċi. Iftħilna għajnejna u qlubna u agħtina l-kuraġġ ngħidu: “Qatt iżjed il-gwerra!”; “Bil-gwerra kollox jinqered!”. Kebbes fina l-kuraġġ li nwettqu ġesti konkreti biex nibnu l-paċi. Mulej, Alla ta’ Abraham u tal-Profeti, Alla Mħabba li ħlaqtna u ssejħilna biex ngħixu ta’ aħwa, agħtina l-qawwa li ta’ kuljum inkunu mgħallmin tas-sengħa tal-paċi; agħtina l-ħila li nħarsu bi tjieba lejn ħutna kollha li magħhom niltaqgħu tul mixjietna. Agħmilna lesti nisimgħu l-karba taċ-ċittadini tagħna li qed jitolbuna nibdlu l-armi tagħna f’għodda ta’ paċi, il-biżgħat tagħna f’fiduċja, u t-tensjonijiet tagħna f’maħfra. Żomm mixgħula fina l-fjamma tat-tama biex b’perseveranza kollha sabar nagħmlu għażliet b’riżq id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni, biex sa fl-aħħar tirbaħ il-paċi. U agħmel li minn qalb kull bniedem jgħibu għal dejjem dawn il-kelmiet: firda, mibegħda, gwerra! Mulej, żarma l-ilsien u l-idejn, ġedded il-qlub u l-imħuħ, biex il-kelma li tlaqqagħna tkun dejjem “ħija”, u l-istil ta’ ħajjitna jsir: shalom, sliem, salam! Amen.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard