Nirringrazzja lill-Isqof Peter U-il Kang għall-kelmtejn fraterni tiegħu ta’ merħba f’isimkom kollha.  Hi barka għalija li ninsab hawn u nara b’għajnejja kemm hi dinamika l-ħajja tal-Knisja fil-Korea.  Intom bħala Rgħajja għandkom id-dmir li tħarsu l-merħla tal-Mulej.  Intom il-ħarriesa ta’ l-għeġubijiet li Hu jwettaq fil-poplu tiegħu.  Il-ħarsien hu wieħed mid-dmirijiet speċifikament fdati f’idejn l-Isqof: li jieħu ħsieb il-poplu tiegħu.  Il-lum nixtieq nirrifletti magħkom bħala ħukom fl-episkopat dwar żewġ aspetti ċentrali ta’ dan il-ħarsien tal-poplu ta’ Alla f’dan il-pajjiż: li tħarsu l-memorja u li tħarsu t-tama.

 

Tkunu ħarriesa tal-memorja.  Il-beatifikazzjoni ta’ Paul Yun Ji-chung u sħabu hi okkażjoni biex troddu ħajr lill-Mulej li, miż-żerriegħa mxerrda tal-martri, nibbet ħsad kotran ta’ grazzja f’din l-art.  Intom id-dixxendenti tal-martri, werrieta tax-xhieda erojka tagħhom ta’ fidi fi Kristu.  Barra dan, intom ukoll werrieta ta’ tradizzjoni straordinarja li bdiet u kibret mhux ftit grazzi għall-fedeltà, għall-perseveranza u għall-ħidma ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ lajċi.  Dawn ma waqgħux għat-tentazzjoni tal-klerikaliżmu: kienu lajċi, baqgħu mexjin waħidhom!  Ta’ min jinnota kif l-istorja tal-Knisja fil-Korea bdiet minn laqgħa diretta mal-Kelma ta’ Alla.  Kienu l-ġmiel intrinsiku u l-integrità tal-messaġġ Nisrani – il-Vanġelu u s-sejħa tiegħu għall-konverżjoni, għat-tiġdid ġewwieni u għal ħajja ta’ karità – li messew il-qalb ta’ Yi Byeok u x-xjuħ nobbli ta’ l-ewwel ġenerazzjoni; u hu lejn dak il-messaġġ, lejn is-safa tiegħu, li l-Knisja fil-Korea tħares bħal f’mera, biex tiskopri lilha nfisha b’mod awtentiku.

 

Il-frott tal-Vanġelu fl-art Koreana u l-wirt kbir mgħoddi mill-antenati tagħkom fil-fidi, il-lum nistgħu narawhom fil-fjoritura ta’ parroċċi attivi u ta’ movimenti ekkleżjali, fi programmi ta’ katekeżi b’saħħitha, fl-attenzjoni pastorali għaż-żgħażagħ u fl-iskejjel Kattoliċi, fis-seminarji u fl-universitajiet.  Il-Knisja fil-Korea hi stmata għar-rwol tagħha fil-ħajja spiritwali u kulturali tan-nazzjon u għall-enerġija qawwija missjunarja li għandha.  Minn art tal-missjoni, il-Korea l-lum saret art ta’ missjunarji; u l-Knisja universali qed tkompli tgawdi minn tant saċerdoti u reliġjużi li bgħattu fid-dinja.

 

Li tkunu ħarriesa tal-memorja jfisser xi ħaġa iżjed milli tfakkru u tgħożżu l-grazzji ta’ l-imgħoddi.  Ifisser anki li minnhom tieħdu r-riżorsi spiritwali meħtieġa biex tistgħu taffrontaw b’viżjoni u determinazzjoni t-tamiet, il-wegħdiet u l-isfidi tal-ġejjieni.  Kif intom stess osservajtu, il-ħajja u l-missjoni tal-Knisja fil-Korea fl-aħħar mill-aħħar ma jitkejlux f’termini esterjuri, kwantitattivi u istituzzjonali; pjuttost għandhom jiġu ġġudikati fid-dawl ċar tal-Vanġelu u tas-sejħa tiegħu għal konverżjoni lejn il-persuna ta’ Ġesù Kristu.  Tkunu ħarriesa tal-memorja jfisser tagħrfu li hu Alla li jista’ jgħinkom tikbru (ara 1 Kor 3:6), u fl-istess ħin dan hu frott ta’ ħidma kollha sabar u perseveranza, fl-imgħoddi kif ukoll il-lum.  Il-memorja tagħna tal-martri u tal-ġenerazzjonijiet ta’ l-Insara ta’ l-imgħoddi trid tkun realistika, mhux waħda idealizzata jew “trijonfalistika”.  Jekk inħarsu lejn il-passat mingħajr ma nisimgħu s-sejħa ta’ Alla għall-konverżjoni fil-preżent, dan ma jkunx jgħinna nimxu ’l quddiem fil-mixja tagħna; anzi, imewwet jew saħansitra jwaqqaf il-progress spiritwali tagħna.

 

Barra li intom ħarriesa tal-memorja, għeżież ħuti, intom imsejħa wkoll biex tkunu ħarriesa tat-tama: dik it-tama li joffri l-Vanġelu tal-grazzja u tal-ħniena ta’ Alla f’Ġesù Kristu, dik it-tama li nebbħet lill-martri.  U din hi t-tama li aħna msejħa nxandru lil dinja li, minkejja li qed tistagħna fil-ġid materjali, qed tfittex xi ħaġa iktar minn hekk, xi ħaġa akbar, xi ħaġa awtentika u li tagħti sens ta’ milja fil-ħajja.  Intom u ħutkom is-saċerdoti tkunu toffru din it-tama bil-ministeru tagħkom ta’ tqaddis, li mhux biss imexxi lill-fidili lejn l-għajn tal-grazzja fil-liturġija u fis-sagramenti, imma fl-istess ħin jimbuttahom biex jaġixxu fi tweġiba għas-sejħa ta’ Alla biex iħaffu ’l quddiem lejn it-tmiem mixtieq (ara Fil 3:14).  Intom tkunu tħarsu din it-tama jekk iżżommu ħajja l-fjamma tal-qdusija, ta’ l-imħabba bejn l-aħwa u taż-żelu missjunarju fil-komunjoni ekkleżjali.  Għalhekk nitlobkom tibqgħu dejjem qrib tas-saċerdoti tagħkom, tħeġġuhom fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum, huma u jfittxu li jitqaddsu u jxandru l-Vanġelu tal-fidwa.  Nitlobkom tgħaddulhom it-tislima kollha mħabba u l-gratitudni tiegħi għas-servizz ġeneruż tagħhom b’riżq il-poplu ta’ Alla.  Qrib tas-saċerdoti tagħkom, nitlobkom, kunu qrib, qrib tas-saċerdoti.  Agħmluhielhom possibbli li jiltaqgħu ma’ l-Isqof tagħhom.  Din il-qrubija fraterna ta’ l-Isqof hi wkoll paterna: għandhom bżonnha f’ħafna mumenti tal-ħajja pastorali tagħhom.  Mhux isqfijiet maqtugħin jew, agħar u agħar, li jaraw kif ħa jitbiegħdu mis-saċerdoti tagħhom.  Dan qed ngħidu b’għafsa ta’ qalb.  Fl-art tiegħi, ħafna drabi kont nisma’ lil xi saċerdot jgħid: “Ċempilt lill-Isqof, tlabtu udjenza; għaddew tliet xhur, u għadni bla tweġiba”.  Imma isma’, ħija, jekk il-lum iċempillek saċerdot biex jitolbok udjenza, ċempillu lura dritt, il-lum jew għada.  Jekk m’għandekx żmien biex tilqgħu għandek, għidlu: “Ma nistax għax għandi hekk, hekk u hekk.  Imma ridt nisimgħek u qiegħed hawn għalik”.  Imma ħallihom jisimgħu t-tweġiba tal-missier, minnufih.  Nitlobkom, tinqatgħux mis-saċerdoti tagħkom.

 

Jekk aħna naċċettaw l-isfida li nkunu Knisja missjunarja, Knisja l-ħin kollu ħierġa biex tiltaqa’ mad-dinja u b’mod partikulari mal-periferiji tas-soċjetà tal-lum, sa jkollna bżonn niżviluppaw dak il-“gost spiritwali” li jagħmilna kapaċi nilqgħu u nidentifikaw ruħna ma’ kull membru tal-Ġisem ta’ Kristu (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 268).  F’dan is-sens, għandna nuru attenzjoni partikulari fil-komunitajiet tagħna lejn it-tfal u dawk l-aktar anzjani.  Kif nistgħu nkunu ħarriesa tat-tama jekk inwarrbu għall-ġenb il-memorja, l-għerf u l-esperjenza ta’ l-anzjani u x-xewqat taż-żgħażagħ?  Fuq dan, nixtieq nitlobkom tieħdu ħsieb b’mod speċjali ta’ l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, u twieżnu fil-missjoni indispensabbli tagħhom mhux biss lill-universitajiet, li huma importanti, imma anki lill-iskejjel Kattoliċi f’kull livell, ibda minn dawk primarji, fejn l-imħuħ ċkejknin u l-qlub jiġu msawra fl-imħabba ta’ Alla u tal-Knisja tiegħu, lejn dak li hu tajjeb, veru u sabiħ, biex jikbru fi Nsara tajbin u ċittadini onesti.

 

Li tkunu ħarriesa tat-tama jimplika anki li tiggarantixxu li x-xhieda profetika tal-Knisja fil-Korea tissokta tesprimi ruħha fl-attenzjoni tagħha għall-foqra u fil-programmi tagħha ta’ solidarjetà, fuq kollox għar-rifuġjati u l-immigranti u għal dawk kollha li qed jgħixu fit-truf tas-soċjetà.  Din l-attenzjoni trid tidher mhux biss permezz ta’ inizjattivi konkreti ta’ karità – li huma meħtieġa – imma anki fil-ħidma kostanti ta’ promozzjoni fuq livell soċjali, ta’ xogħol u ta’ edukazzjoni.  Jaf inkunu nirriskjaw li nirriduċu l-impenn tagħna ma’ dawk fil-bżonn għad-dimensjoni ta’ għajnuna waħidha, u ninsew il-ħtieġa ta’ kull persuna li tikber bħala persuna – id-dritt li għandha li tikber bħala persuna – u tesprimi b’dinjità l-personalità, il-kreattività u l-kultura tagħha.  Is-solidarjetà mal-foqra hi fil-qalba tal-Vanġelu; hi meqjusa bħala element essenzjali tal-ħajja Nisranija; permezz tal-predikazzjoni u l-katekeżi, imsejsa fuq il-wirt għani tad-duttrina soċjali tal-Knisja, għandha tinfed il-qlub u l-imħuħ tal-fidli u tilma f’kull aspett tal-ħajja ekkleżjali.  L-ideal appostoliku ta’ Knisja tal-foqra u għall-foqra, Knisja fqira għall-foqra, sab espressjoni elokwenti fl-ewwel komunitajiet Insara ta’ ġenskom.  Nawgura li dan l-ideal jissokta jsawwar il-mixja tal-Knisja fil-Korea tul il-pellegrinaġġ tagħha lejn il-ġejjieni.  Jien konvint li jekk il-wiċċ tal-Knisja jkun fl-ewwel post il-wiċċ ta’ l-imħabba, iż-żgħażagħ sa jinġibdu dejjem iżjed lejn il-qalb ta’ Ġesù dejjem mixgħula bl-imħabba divina fil-komunjoni tal-Ġisem mistiku tiegħu.

 

Għidt li l-foqra huma fil-qalba tal-Vanġelu; huma anki fil-bidu u t-tmiem tiegħu.  Ġesù, fis-sinagoga ta’ Nazareth, jitkellem ċar, fil-bidu tal-ħajja appostolika tiegħu.  U meta jitkellem fuq l-aħħar jum u jurina liema hi dik il-“lista” li fuqha għad isir ħaqq minna – Mattew 25 –, anki hemm insibu l-foqra.  Hemm periklu, hemm tentazzjoni li tiġina fil-mumenti meta noktru fil-ġid: hu l-periklu li l-komunità Nisranija “tissoċjalizza” ruħha, jiġifieri li titlef dik id-dimensjoni mistika, li titlef il-ħila li tiċċelebra l-Misteru u tinbidel f’organizzazzjoni spiritwali, Nisranija, b’valuri Nsara, imma mingħajr il-ħmira profetika.  Hemm tkun intilfet il-funzjoni li għandhom il-foqra fil-Knisja.  Din hi tentazzjoni li minnha tul l-istorja sofrew ħafna l-Knejjes partikulari, il-komunitajiet Insara.  U dan sal-punt li nbidlet f’komunità ta’ klassi medja, fejn il-foqra jaslu anki biex jibdew jistħu minnhom infushom: jistħu jidħlu fiha.  Hi t-tentazzjoni tal-ġid spiritwali, tal-ġid pastorali.  M’hix Knisja fqira għall-foqra, imma Knisja għanja għall-għonja, jew Knisja tal-klassi tan-nofs għal dawk li qegħdin sew.  U din m’hix ħaġa ġdida: dan kien mill-bidu.  Pawlu jkollu jċanfar lill-Korintin, fl-Ewwel Ittra, kapitlu XI, vers 17; u l-Appostlu Ġakbu b’iktar qawwa, u iktar espliċitu, fil-kapitlu II tiegħu, versi 1 sa 7: iċanfar lil dawn il-komunitajiet li għandhom il-ġid, dawn il-Knejjes benestanti għall-benestanti.  Dawn lill-foqra ma jkeċċuhomx, imma jgħixu b’tali mod li huma ma jindenjawx jidħlu, ma jħossuhomx qegħdin f’darhom.  Din hi t-tentazzjoni tal-ġid.  Jien mhux ħa nċanfarkom, għax naf li intom qed taħdmu tajjeb.  Imma bħala ħukom li jrid iwettaq fil-fidi lil ħutu, ngħidilkom: oqogħdu attenti, għax din tagħkom hi Knisja li qed tistagħna, hi Knisja missjunarja kbira, hi Knisja kbira.  Tħallux ix-xitan jiżra’ din is-sikrana, din it-tentazzjoni li tneħħu lill-foqra mill-istess binja profetika tal-Knisja, u jġibkom Knisja benestanti għall-benestanti, Knisja tal-ġid… mhux qed ngħid li tistgħu taslu għal “teoloġija tal-prosperità”, le, imma għall-medjokrità.

 

Għeżież ħuti, xhieda profetika evanġelika tippreżenta xi sfidi partikulari għall-Knisja fil-Korea, meta hi qed tgħix u taħdem qalb soċjetà li għandha l-ġid imma li qed issir dejjem iżjed sekularizzata u materjalistika.  F’dawn iċ-ċirkustanzi l-operaturi pastorali huma ttentati jadottaw mhux biss mudelli effikaċi ta’ tmexxija, programmazzjoni u organizzazzjoni mislufa mid-dinja tax-xogħol u n-negozju, imma anki stil ta’ ħajja u mentalità mmexxija iżjed mill-kriterji tad-dinja tas-suċċess u saħansitra tal-poter milli minn kriterji li tana Ġesù fil-Vanġelu.  Ħażin għalina jekk is-Salib inbattluh mill-qawwa tiegħu li jagħmel ħaqq mill-għerf ta’ din id-dija (ara 1 Kor 1:17)!  Nitlob lilkom u lil ħutkom is-saċerdoti biex tbarru din it-tentazzjoni fl-għamliet kollha tagħha.  Nitolbu l-qawwa tas-Sema biex tħarisna minn din il-mondanità spiritwali u pastorali li tifga lill-Ispirtu, u minflok il-konverżjoni tqiegħed il-kompjaċenza u tispiċċa biex ixxejjen kull ħeġġa missjunarja (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 93-97)!

 

Għeżież ħuti Isqfijiet, grazzi ta’ dak kollu li qed tagħmlu: grazzi.  U b’dawn ir-riflessjonijiet fuq il-missjoni tagħkom bħala ħarriesa tal-memorja u tat-tama, ridt ninkuraġġikom fl-isforzi tagħkom biex tkattru l-għaqda, il-qdusija u ż-żelu tal-fidili fil-Korea.  Il-memorja u t-tama jnebbħuna u jmexxuna lejn il-futur.  Niftakar fikom kollha fit-talb tiegħi u nitlobkom dejjem tafdaw fil-qawwa tal-grazzja ta’ Alla.  Tinsewx: “Il-Mulej hu fidil”.  Aħna li m’aħniex fidili, imma Hu jibqa’ fidil: “Hu jwettaqkom u jħariskom mill-Ħażin” (2 Tess 3:3).  Ħalli t-talb ta’ Marija, Omm il-Knisja, iwassal biex f’din l-art twarrad iż-żerriegħa mxerrda mill-martri, imqassma minn ġenerazzjonijiet ta’ fidili Kattoliċi u mgħoddija lilkom bħala wegħda għall-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż u tad-dinja.  Fuqkom u fuq dawk kollha li fdaw ruħhom f’idejn il-kura pastorali u l-ħarsien tagħkom, nibgħat minn qalbi l-Barka tiegħi, u nitlobkom titolbu għalija.  Grazzi.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard