|
Imqanqal mill-Ispirtu
għall-missjoni
Għeżież ħuti,
Fis-snin li għaddew, stajna
nirriflettu fuq żewġ aspetti li
jolqtu l-vokazzjoni Nisranija:
l-istedina biex “noħorġu minna
nfusna” ħalli nisimgħu leħen
il-Mulej u l-importanza
tal-komunità ekkleżjali bħala
post ipprivileġġjat fejn
is-sejħa ta’ Alla titwieled,
tikber u tesprimi ruħha.
Issa,
fl-okkażjoni tal-54 Jum Dinji
ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet,
nixtieq nieqaf ftit fuq id-dimensjoni
missjunarja tas-sejħa Nisranija.
Min ħalla l-leħen ta’ Alla
jiġbdu lejh u beda jimxi wara
Ġesù, ma jdumx ma jiskopri,
ġewwa fih, xewqa li ma jistax
jifga, dik li jwassal il-Bxara
t-Tajba lill-aħwa, permezz
tal-evanġelizzazzjoni u l-qadi
fil-karità. L-Insara kollha huma
magħżula missjunarji
tal-Vanġelu! Fil-fatt,
id-dixxiplu ma jirċevix id-don
tal-imħabba ta’ Alla biex
joqgħod iħossu sew hu; mhux
imsejjaħ jippreżenta lilu nnifsu
u lanqas biex iħares l-interessi
ta’ xi kumpanija; sempliċement
iħalli jmissu u jibdlu l-ferħ li
jħossu maħbub minn Alla u ma
jistax iżomm din l-esperjenza
għalih waħdu: “Il-ferħ
tal-Vanġelu li jimla l-ħajja
tal-komunità tad-dixxipli hu
ferħ missjunarju”
(Eżortazzjoni appostolika
Evangelii gaudium, 21).
Għalhekk, l-impenn missjunarju
mhux xi ħaġa li nżidu mal-ħajja
Nisranija, bħallikieku kien xi
tiżjin, imma, bil-maqlub, jinsab
fil-qalba tal-istess fidi:
ir-relazzjoni mal-Mulej timplika
li nħossuna mibgħuta bħala
profeti tal-kelma tiegħu u
xhieda ta’ mħabbtu.
Imqar jekk
inġarrbu fina ħafna dgħufija u
xi drabi nistgħu nħossuna
naqtgħu qalbna, jeħtieġ nerfgħu
ħarsitna lejn Alla, bla ma
nħallu jgħaffiġna s-sens li ma
nħossuniex tajbin biżżejjed jew
naqgħu fil-pessimiżmu, li
jagħmilna spettaturi passivi ta’
ħajja għajjiena u tas-soltu.
M’hemmx lok għal biża’: hu Alla
nnifsu li jiġi jsaffi
x-“xofftejn imniġġsa” tagħna, u
jagħmilna idonji għall-missjoni:
“‘Ħżunitek għebet, u dnubek
inħafer’. Imbagħad smajt leħen
Sidi jgħid: ‘Lil min se nibgħat?
Min se jmurilna?’. U jien
weġibt: ‘Hawn jien: ibgħat
lili!’”
(Is 6:6-8).
Kull dixxiplu
missjunarju jħoss f’qalbu dan
il-leħen divin jistiednu
“jgħaddi” minn qalb in-nies,
bħal Ġesù, “jagħmel
il-ġid u jfejjaq”
lil kulħadd (ara Atti 10:38).
Fil-fatt, diġà sibt l-okkażjoni
nfakkar li, grazzi
għall-Magħmudija, kull Nisrani
hu “Kristofru”, jiġifieri
“wieħed li jġorr lil Kristu”
għand l-aħwa (ara Katekeżi,
30 ta’ Jannar 2016). Dan jgħodd
b’mod partikulari għal dawk li
huma msejħin għal ħajja speċjali
ta’ konsagrazzjoni u wkoll
għas-saċerdoti, li b’mod ġeneruż
wieġbu: “Hawn jien, Mulej,
ibgħat lili!”. B’ħeġġa
missjunarja mġedda, huma msejħin
joħorġu minn wara l-ħitan
qaddisa tat-Tempju, biex iħallu
l-ħlewwa ta’ Alla tgelgel fuq
il-bnedmin (ara Omelija
tal-Quddiesa tal-Griżma, 24
ta’ Marzu 2016). Il-Knisja
għandha bżonn ta’ saċerdoti bħal
dawn: fiduċjużi u sereni għax
skoprew it-teżor veru, bla sabar
biex imorru juruh bil-ferħ lil
kulħadd (ara Mt 13:44)!
Bla dubju,
mhumiex ftit il-mistoqsijiet li
jitqanqlu meta nitkellmu fuq
il-missjoni Nisranija: Xi
jfisser tkun missjunarju
tal-Vanġelu? Min se jagħtina
l-qawwa u l-kuraġġ tat-tħabbira?
Għal dawn il-mistoqsijiet
nistgħu nwieġbu billi
nikkontemplaw tliet xeni
tal-Vanġelu: il-bidu
tal-missjoni ta’ Ġesù
fis-sinagoga ta’ Nazareth (ara
Lq 4:16-30); il-mixja li hu
jagħmel Irxoxt mad-dixxipli ta’
Għemmaws (ara Lq 24:13-35); u
fl-aħħar, il-parabbola
taż-żerriegħa (ara Mk 4:26-27).
Ġesù midluk
mill-Ispirtu u mibgħut.
Li tkun dixxiplu missjunarju
jfisser tieħu sehem attivament
fil-missjoni ta’ Kristu, li Ġesù
nnifsu jfisser fis-sinagoga ta’
Nazareth: “L-Ispirtu tal-Mulej
fuqi, għax hu kkonsagrani,
bagħatni nħabbar il-ħelsien
lill-imjassrin, inwassal
il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u
d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar sena tal-grazzja
tal-Mulej” (Lq 4:18-19). Din hi
wkoll il-missjoni tagħna: li
nkunu midluka
mill-Ispirtu u mmorru għand
l-aħwa biex inxandrulhom
il-Kelma, u nsiru għalihom
strument ta’ salvazzjoni.
Ġesù jimxi magħna
fit-triq.
Quddiem il-mistoqsijiet li
jixirfu mill-qalb tal-bniedem u
l-isfidi li jitqanqlu
mir-realtà, nistgħu nħossuna
mitlufa jew inħossu nuqqas ta’
enerġija u ta’ tama. Hemm
ir-riskju li l-missjoni
Nisranija tidher bħala utopja li
ma tistax tintlaħaq, jew xi
realtà li tissupera l-isforzi
tagħna. Imma jekk nikkontemplaw
lil Kristu Rxoxt, li jimxi
mad-dixxipli ta’ Għemmaws (ara
Lq 24:13-15), il-fiduċja tagħna
tista’ terġa’ titkebbes; f’din
ix-xena mill-Vanġelu, għandna
“liturġija tat-triq” vera u
proprja, li tiġi qabel dik
tal-Kelma u tal-Ħobż maqsum u
turina li, f’kull pass tagħna,
Ġesù jinsab magħna! Iż-żewġ
dixxipli, miġruħa mill-iskandlu
tas-Salib, sejrin lura d-dar
mit-triq tat-telfa: f’qalbhom
iġorru tama mkissra u ħolma li
ma twettqitx. Fihom in-niket ħa
post il-ferħ tal-Vanġelu.
X’jagħmel Ġesù? Ma
jiġġudikahomx, jimxi fl-istess
triq tagħhom u, flok ma jtella’
ħajt, jiftaħ xaqq ġdid. Naqra
naqra jibdel il-qtigħ il-qalb
tagħhom, ikebbes lil qalbhom u
jiftħilhom għajnejhom, waqt li
jħabbar il-Bxara u jaqsam
il-Ħobż. Bl-istess mod,
in-Nisrani ma jġorrx waħdu
l-impenn tal-missjoni, imma
jagħmel esperjenza, anki
fl-għeja u meta jħossu mhux
mifhum, “li
Ġesù qed jimxi miegħu, jitkellem
miegħu, jieħu n-nifs miegħu,
jaħdem miegħu. Iħossu lil Ġesù
ħaj miegħu qalb il-ħidma
missjunarja” (Eżortazzjoni
appostolika Evangelii gaudium,
266).
Ġesù jkabbar
iż-żerriegħa.
Fl-aħħar nett, mill-Vanġelu
importanti nitgħallmu l-istil
tat-tħabbira. Fil-fatt, mhux
darba u tnejn li, imqar bl-aħjar
intenzjonijiet, jista’ jiġri li
nitkaxkru minn ċerta xenqa
għall-poter, għall-proselitiżmu
jew għall-fanatiżmu
intolleranti. Imma l-Vanġelu
jistedinna niċħdu l-idolatrija
tas-suċċess u tal-qawwa,
it-tħassib żejjed
għall-istrutturi, u ċerta
tensjoni li twieġeb iżjed għal
spirtu ta’ konkwista milli għal
dak tal-qadi. Iż-żerriegħa
tas-Saltna, imqar jekk żgħira,
ma tidhirx u xi drabi
insinifikanti, tikber fis-skiet
grazzi għall-ħidma bla waqfien
ta’ Alla: “Is-Saltna ta’ Alla hi
bħal meta raġel ikun xeħet
iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew
imqajjem, billejl jew binhar,
iż-żerriegħa tinbet u tikber,
bla ma jaf kif” (Mk 4:26-27).
Din hi l-ewwel fiduċja tagħna:
Alla jmur lil hemm minn dak li
nistennew aħna u jissorprendina
bil-ġenerożità tiegħu, u hekk
ikabbar il-frott tal-ħidma
tagħna lil hemm mill-kalkoli
tal-effiċjenza umana.
B’din il-fiduċja tal-Vanġelu
ejja niftħu qalbna għall-azzjoni
siekta tal-Ispirtu, li hi l-bażi
tal-missjoni. Qatt ma jista’
jkun hemm pastorali
vokazzjonali, lanqas missjoni
Nisranija mingħajr it-talb
assidwu u kontemplattiv. F’dan
is-sens, jeħtieġ inseddqu
l-ħajja Nisranija bis-smigħ
tal-Kelma ta’ Alla u, fuq
kollox, nieħdu ħsieb
tar-relazzjoni personali tagħna
mal-Mulej fl-adorazzjoni
Ewkaristika, “imkien”
ipprivileġġjat ta’ laqgħa
mal-Mulej.
Hi din il-ħbiberija intima
mal-Mulej li nixtieq minn qalbi
nħeġġiġkom għaliha, fuq kollox
biex nittallbu mill-għoli
vokazzjonijiet għas-saċerdozju u
għall-ħajja kkonsagrata.
Il-Poplu ta’ Alla għandu bżonn
imexxuh ragħajja li jqattgħu
ħajjithom għall-qadi
tal-Vanġelu. Għalhekk, nitlob
lill-komunitajiet parrokkjali,
lill-għaqdiet u lill-għadd kbir
ta’ gruppi ta’ talb preżenti
fil-Knisja: kontra t-tentazzjoni
tal-qtigħ il-qalb, komplu itolbu
lill-Mulej biex jibgħat ħaddiema
fl-oqsma tiegħu u jagħtina
saċerdoti nnamrati mill-Vanġelu,
kapaċi jkunu qrib tal-aħwa u,
hekk, isiru sinjal ħaj
tal-imħabba ħanina ta’ Alla.
Għeżież
ħuti, illum ukoll għadna nistgħu
nsibu mill-ġdid is-sħana
tat-tħabbira u nipproponu, fuq
kollox liż-żgħażagħ, il-mixja
wara Kristu. Quddiem
is-sensazzjoni mifruxa ta’ fidi
għajjiena u li spiċċat biss
“dmirijiet li jridu jsiru”,
iż-żgħażagħ tagħna jixtiequ
jiskopru l-faxxinu dejjem
attwali tal-figura ta’ Ġesù, li
jħallu l-kliem u l-ġesti tiegħu
jisfidawhom u jipprovokawhom u,
fl-aħħar nett, li, grazzi
għalih, joħolmu ħajja kollha
kemm hi umana, kuntenta li
tista’ tgħix fl-imħabba.
Marija
Santissma,
Omm il-Feddej
tagħna, kellha l-kuraġġ tħaddan
din il-ħolma ta’ Alla, billi
qiegħdet iż-żgħożija tagħha u
l-ħeġġa tagħha f’idejh. Ħa
taqlgħalna l-interċessjoni
tagħha l-istess ftuħ tal-qalb,
il-ħeffa biex illissnu l-“Hawn
jien” tagħna għas-sejħa
tal-Mulej, u l-ferħ li, bħalha,
naqbdu l-vjaġġ tagħna (ara Lq
1:39) biex inxandruh lid-dinja
kollha.
Mill-Vatikan,
27
ta’ Novembru
2016
L-Ewwel Ħadd tal-Avvent
Franciscus
miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|