Laikos

It-tama tal-fqajrin ma tkunx għal dejjem fiergħa

 

JUM DINJI TAL-FOQRA

2019

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

IT-III JUM DINJI TAL-FOQRA

 

It-XXXIII Ħadd ta’ Matul is-Sena

17 ta’ Novembru 2019

 

It-tama tal-fqajrin ma tkunx għal dejjem fiergħa

 

1. “It-tama tal-fqajrin ma tkunx għal dejjem fiergħa (Salm 9:19). Kliem is-Salm hu tabilħaqq attwali. Jesprimi verità profonda li l-fidi jirnexxielha tistampa fuq kollox f’qalb l-iżjed foqra: trodd lura t-tama mitlufa quddiem l-inġustizzji, it-tbatijiet u l-inċertezzi tal-ħajja.

 

Is-Salmista jfisser x’inhuma l-kudizzjonijiet tal-fqir u l-arroganza ta’ min jaħqru (ara 10:1-10). Jitlob il-ħaqq ta’ Alla biex tintradd il-ġustizzja u jintrebaħ il-ħażen (ara 10:14-15). Donnu fi kliemu tirritorna l-mistoqsija li ilha tiġri warajna matul is-sekli sa żmienna: Kif jista’ Alla jittollera dan in-nuqqas ta’ ugwaljanza? Kif jista’ jħalli lill-fqir jiġi umiljat, mingħajr ma jaqbeż għalih? Għaliex lil min jaħqar iħallih jgħix hieni meta mġibtu suppost tiġi kkundannata sewwasew quddiem it-tbatija tal-fqir?

 

Meta nkiteb dan is-Salm kien għaddej żvilupp ekonomiku kbir li, kif spiss jiġri, wasal anki biex ġab miegħu nuqqas kbir ta’ bilanċ soċjali. In-nuqqas ta’ ugwaljanza xeħet għadd kbir ta’ nies fil-faqar, u l-qagħda tagħhom dehret iktar traġika meta mqabbla mal-għana li laħqu l-ftit ipprivileġġjati. L-awtur sagru, huwa u josserva din is-sitwazzjoni, ipinġilna kwadru tant realistiku daqskemm veritier.

 

Kien żmien fejn il-persuni arroganti u mingħajr ebda sens ta’ Alla kienu jiġru wara l-foqra biex jaħtfu taħt idejhom saħansitra l-ftit li dawn kellhom u jagħmluhom ilsiera tagħhom. Illum mhuwiex daqstant differenti. Il-kriżi ekonomika ma żammitx lil gruppi kbar ta’ persuni milli jistagħnew, ħaġa li tidher iżjed anomala aktar ma mmissu b’idejna, fit-toroq tal-bliet tagħna, l-għadd kbir ta’ foqra li huma nieqsa mill-meħtieġ u li xi drabi huma maħqura u abbużati. Niftakru hawn fi kliem l-Apokalissi: “Int tgħid: ‘Jiena għani, jiena stagħnejt u ma jonqosni xejn’, bla ma taf li l-imsejken huwa int, ta’ min jitħassrek, fqir, agħma u għeri” (Apok 3:17). Igerbu s-sekli, imma l-qagħda tal-għonja u l-foqra tibqa’ ma tinbidilx, bħallikieku l-esperjenza tal-istorja ma għallmitna xejn. Għalhekk, kliem is-Salm mhux dwar l-imgħoddi, imma hu l-preżent tagħna mqiegħed quddiem il-ħaqq ta’ Alla.

 

2. Illum ukoll jeħtieġ nelenkaw bosta għamliet ta’ jasar ġdid li taħtu huma mqiegħda miljuni ta’ rġiel, nisa, żgħażagħ u tfal.

 

Qed niltaqgħu ta’ kuljum ma’ familji mġiegħla jħallu arthom biex ifittxu modi kif jgħixu band’oħra; iltiema li tilfu l-ġenituri jew li ġew mifruda minnhom b’mod vjolenti bi sfruttament brutali; żgħażagħ li qed ifittxu karriera professjonali imma huma mċaħħda mill-aċċess għax-xogħol minħabba politika ekonomika bla viżjoni; vittmi ta’ bosta xejriet ta’ vjolenza, mill-prostituzzjoni għad-droga, u umiljati fil-ġewwieni tagħhom. Barra dan, kif nistgħu ninsew il-miljuni ta’ immigranti vittmi ta’ tant interessi moħbija, spiss strumentalizzati għal fini politiku, li huma mċaħħda mis-solidarjetà u l-ugwaljanza? U tant persuni bla saqaf fuq rashom u emarġinati li jiġġerrew fit-toroq tal-bliet tagħna?

 

Kemm drabi nilmħu foqra fil-miżbliet jiġbru l-frott tal-iskart u ta’ dak li jkun intrema żejjed, biex isibu xi ħaġa kemm jitrejqu jew x’jilbsu! Saru huma stess parti minn miżbla umana għax huma ttrattati bħal żibel, waqt li dawk li huma kompliċi f’dan l-iskandlu mank sens ta’ ħtija ma fadlilhom. Spiss meqjusa parassiti tas-soċjetà, il-foqra lanqas il-faqar tagħhom ma naħfrulhom. Huma dejjem iġġudikati negattivament. M’hemmx ċans li jiġu ġġudikati bħala dgħajfin jew jieshom maqtugħ, għax narawhom bħala theddida jew bla ħila, sempliċiment għax huma foqra.

 

Traġedja f’oħra, mank jitħallew jaraw it-tarf tal-mina tal-miżerja. Wasalna saħansitra biex nitteorizzaw u nsawru arkitettura ostili b’mod li naraw kif neħilsu mill-preżenza tagħhom anki fit-toroq, li huma l-aħħar postijiet li jistgħu jilqgħuhom. Jiġġerrew minn post tal-belt għall-ieħor, bit-tama li jsibu xogħol, dar, imħabba… Kull possibbiltà li tista’ tiġi offruta lilhom issir xaqq ta’ dawl; imma, imqar hemm fejn tal-inqas suppost issir ġustizzja, spiss nimxu magħhom bil-vjolenza tal-moħqrija. Huma mġiegħla joqogħdu għal sigħat twal taħt ix-xemx taħraq biex jiġbru l-frott tal-istaġun, imma jitħallsu b’paga taċ-ċajt; m’għandhomx ċertezza fuq ix-xogħol u lanqas kundizzjonijiet umani li jippermettulhom li jħossuhom daqs l-oħrajn. Għalihom m’hemmx benefiċċji soċjali, kumpens, u lanqas il-possibbiltà li jimirdu.

 

Is-Salmista jfisser b’realiżmu kiebi l-imġiba tal-għonja li jisirqu lill-foqra: “Jgħasses biex lill-fqajjar jaħtaf, jaqbdu u jkaxkru fix-xibka” (ara Salm 10:9). Għalihom qisha bħal ħarġa għall-kaċċa, fejn il-foqra huma mfittxija, maqbuda u mjassra. F’qagħda bħal din il-qalb ta’ ħafna tingħalaq, u tirbaħ ix-xewqa li nsiru inviżibbli. F’kelma waħda, nistgħu naraw b’għajnejna kif għadd kbir ta’ foqra spiss huma ttrattati b’ħafna kliem fil-vojt u ttollerati b’nofs qalb. Irġiel u nisa dejjem iżjed barranin f’nofs djarna u mwarrba f’nofs fejn ngħixu.

 

3. Il-kuntest li s-Salm ifisser hu mlewwen bid-diqa, minħabba fl-inġustizzja, it-tbatija u l-imrar li jolqtu lill-foqra. Minkejja dan, joffri definizzjoni sabiħa tal-fqir. Huwa dak li “jittama fil-Mulej” (ara v. 11), għax għandu ċ-ċertezza li qatt mhu waħdu. Il-fqir, fl-Iskrittura, hu l-bniedem tal-fiduċja! L-awtur sagru joffrilna wkoll ir-raġuni għal din il-fiduċja kollha: hu “jagħraf lil Sidu” (ara ibid.), u fil-lingwaġġ bibliku dan l-“għarfien” jindika relazzjoni personali ta’ rispett u ta’ mħabba.

 

Għandna quddiemna deskrizzjoni tassew impressjonanti li qatt ma konna nistennew. Madankollu, din ma tagħmilx għajr tesprimi l-kobor ta’ Alla meta jsib quddiemu wieħed fqajjar. Il-qawwa ħallieqa tiegħu tegħleb kull stennija tal-bniedem u titlaħħam fil-fatt li hu “jiftakar” f’dik il-persuna konkreta (ara v. 13). Hi sewwasew din il-fiduċja fil-Mulej, din iċ-ċertezza li l-bniedem mhux mitluq waħdu, li treġġa’ lura t-tama. Il-fqir jaf li Alla ma jistax jitilqu waħdu; għalhekk jgħix dejjem fil-preżenza ta’ dak Alla li jiftakar fih. L-għajnuna tiegħu tmur lil hemm mill-qagħda attwali ta’ tbatija biex tfassal mixja ta’ ħelsien li tibdel il-qalb, għax tweżinha fil-fond nett tagħha.

 

4. Hi ritornell permanenti tal-Iskrittura Mqaddsa din id-deskrizzjoni tal-għemil ta’ Alla b’risq il-foqra. Huwa dak li “jisma’’”, “jintervieni”, “jipproteġi”, “jiddefendi”, “jeħles”, “isalva”… F’kelma waħda, il-fqir qatt ma jista’ jsib Alla indifferenti jew sieket quddiem it-talba tiegħu. Alla hu dak li jagħmel ħaqq u ma jinsiex (ara Salm 40:18; 70:6); anzi, hu għalih kenn u qatt ma jibqa’ lura milli jgħinu (ara Salm 10:14).

 

Nistgħu nibnu ħafna ħitan u nagħlqu ħafna daħliet biex nimlew moħħna li aħna fiż-żgur bl-għana tagħna magħna u bi ħsara għal dawk li nħallu fuq barra. Mhux se jibqa’ hekk għal dejjem. “Jum il-Mulej”, kif imfisser mill-profeti (ara Għam 5:18; Iż 2-5; Ġoel 1-3), għad jeqred il-ħitan tal-fruntieri bejn il-pajjiżi u flok l-arroganza tal-ftit iġib is-solidarjetà tal-ħafna. Il-qagħda ta’ emarġinazzjoni li fiha huma maħqura miljuni ta’ nies ma jistax ikun li ttawwal ħafna iżjed. L-għajta tagħhom tikber u tħaddan id-dinja kollha. Kif kiteb Dun Primo Mazzolari: “Il-fqir hu protesta kontinwa kontra l-inġustizzji tagħna; il-fqir hu bħal ħażna tal-porvli. Jekk tagħtiha n-nar, ittir id-dinja kollha”.

 

5. Qatt mhu possibbli nevitaw is-sejħa qawwija li l-Iskrittura Mqaddsa tafda lill-foqra. Kull fejn iddawwar ħarsitha, il-Kelma ta’ Alla turina li l-foqra huma dawk li m’għandhomx il-meħtieġ biex jgħixu għax jiddependu mill-oħrajn. Huma l-maħqur, l-umli, dak li jinsab imċaftar mal-art. Madankollu, quddiem din il-ġemgħa bla għadd ta’ foqra, Ġesù ma beżax jidentifika ruħu ma’ kull wieħed u waħda minnhom: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Jekk naħarbu minn din l-identifikazzjoni nkunu nimmistifikaw il-Vanġelu u nġibu fix-xejn ir-rivelazzjoni. Alla li ried jurina Ġesù huwa dan: Missier ġeneruż, ħanin, bla tarf fit-tjieba u l-grazzja tiegħu, li jagħti t-tama fuq kollox lil dawk li huma qalbhom maqtugħa u mċaħħda minn futur.

 

Kif nistgħu ma narawx kif il-Beatitudnijiet, li bihom Ġesù nieda l-predikazzjoni tas-Saltna ta’ Alla, jiftħu b’din l-espressjoni: “Henjin intom, il-foqra” (Lq 6:20)? Is-sens ta’ din it-tħabbira paradossali hu li proprju tal-foqra hi s-Saltna ta’ Alla, għax huma jinsabu fil-qagħda li jilqgħuha. Kemm foqra niltaqgħu magħhom ta’ kuljum! Xi drabi donnu aktar ma jgħaddi ż-żmien u joktru l-kisbiet ta’ ċiviltà, aktar jiżdiedu fl-għadd tagħhom minflok jonqsu. Jgħaddu s-sekli, u dik il-beatitudni evanġelika dejjem tidher iżjed paradossali; il-foqra huma dejjem iżjed foqra, u llum huma iżjed minn qabel. Safrattant Ġesù, li nieda s-Saltna tiegħu u qiegħed lill-foqra fil-qalba tagħha, irid jgħidilna proprju dan: hu nieda, imma fada f’idejna, id-dixxipli tiegħu, id-dmir li mmexxuha ’l quddiem, bir-responsabbiltà li nagħtu tama lill-foqra. Hu meħtieġ, fuq kollox fi żmien bħal dan tagħna, li nġeddu t-tama u rroddu l-fiduċja. Hu programm li l-komunità Nisranija ma tistax ma tagħtix kasu. Minnu tiddependi l-kredibbiltà tat-tħabbira tagħna u tax-xhieda tal-Insara.

 

6. Qrib tal-foqra, il-Knisja tiskopri li hi poplu li, imxerred qalb tant nazzjonijiet, għandu l-vokazzjoni li ma jħalli lil ħadd iħossu barrani jew maqtugħ, għax tinvolvi lil kulħadd f’mixja komuni ta’ salvazzjoni. Il-kundizzjoni tal-foqra tobbligaha biex ma titbiegħed qatt mill-Ġisem tal-Mulej li jbati fihom. Pjuttost, aħna msejħin immissu l-ġisem tiegħu biex inċappsu jdejna aħna stess fil-qadi li hu evanġelizzazzjoni awtentika. Il-promozzjoni anki soċjali tal-foqra mhijiex impenn estern għat-tħabbira tal-Vanġelu, imma bil-maqlub, turi r-realiżmu tal-fidi Nisranija u l-validità storika tiegħu. L-imħabba li tagħti l-ħajja lill-fidi f’Ġesù ma tħallix lid-dixxipli tiegħu jingħalqu f’individwaliżmu li jifga, moħbi f’biċċiet ta’ intimità spiritwali, mingħajr ebda influss fuq il-ħajja soċjali (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 183).

 

Dan l-aħħar bkejna l-mewt ta’ appostlu kbir tal-foqra, Jean Vanier, li bid-dedikazzjoni tiegħu fetaħ toroq ġodda għall-qsim ta’ din il-promozzjoni mal-persuni emarġinati. Jean Vanier irċieva mingħand Alla d-don li jiddedika ħajtu kollha għall-aħwa b’diżabbiltajiet gravi li spiss is-soċjetà tipprova taqta’ barra. Kien “qaddis tal-bieb ta’ maġenbna”; bl-entużjażmu tiegħu għaraf jiġbor madwaru tant żgħażagħ, irġiel u nisa, li bit-tħabrik ta’ kuljum qassmu l-imħabba u raddew it-tbissima lil tant persuni dgħajfa billi offrewlhom vera “arka” ta’ salvazzjoni kontra l-emarġinazzjoni u s-solitudni. Din ix-xhieda tiegħu bidlet il-ħajja ta’ tant persuni u lid-dinja għenitha tħares b’għajnejn differenti lejn il-persuni l-iktar dgħajfa. L-għajta tal-foqra kienet mismugħa u pproduċiet tama soda, u ħolqot sinjali viżibbli u tanġibbli ta’ mħabba konkreta li għadna sal-lum nistgħu mmissuha b’idejna.

 

7. “L-għażla favur l-aħħar fost iċ-ċkejknin, favur dawk li s-soċjetà tbarri u tarmi” (ibid., 195) hi għażla prijoritarja li d-dixxipli ta’ Kristu huma msejħa jagħtu widen għaliha biex ma jittradux il-kredibbiltà tal-Knisja u jagħtu tama konkreta lil ħafna li m’għandhomx min jiddefendihom. L-imħabba Nisranija ssib fihom il-verifika tagħha, għax min jikkumpatixxi t-tbatijiet tagħhom bl-imħabba ta’ Kristu jirċievi qawwa u jimla bl-istess qawwa lit-tħabbira tal-Vanġelu.

 

L-impenn tal-Insara, fl-okkażjoni ta’ dan il-Jum Dinji u fuq kollox fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, ma jissarrafx biss f’inizjattivi ta’ għajnuna li, imqar jekk ta’ min ifaħħarhom u huma meħtieġa, iridu jimmiraw li jkabbru f’kulħadd l-attenzjoni sħiħa dovuta għal kull persuna li ssib ruħha f’qagħda skomda. “Din l-attenzjoni ta’ mħabba hi l-bidu ta’ tħassib veru” (ibid., 199) għall-foqra fit-tiftixa tal-veru ġid tagħhom. Mhix ħaġa ħafifa nkunu xhieda tat-tama Nisranija fil-kuntest tal-kultura konsumistika u tal-iskart, li tfittex dejjem li tkattar benessri superfiċjali u li jgħaddi. Hi meħtieġa bidla fil-mentalità biex niskopru mill-ġdid l-essenzjal u nlaħħmu u nsaħħu t-tħabbira tas-Saltna ta’ Alla.

 

It-tama ngħadduha wkoll permezz tal-faraġ, li jitwettaq meta nsieħbu lill-foqra mhux għal xi mument mimli ħeġġa, imma b’impenn li jkompli fiż-żmien. Il-foqra jiksbu tama vera mhux meta jarawna sodisfatti li tajniehom ftit minn ħinna, imma meta fis-sagrifiċċju tagħna jilmħu att ta’ mħabba b’xejn li ma jfittex ebda ħlas.

 

8. Lil tant voluntiera, li spiss għandhom il-merti li kienu minn tal-ewwel li fehmu l-importanza ta’ din l-attenzjoni għall-foqra, nitlobhom ikomplu jikbru fl-attenzjoni tagħhom. Għeżież ħuti, insejħilkom biex tfittxu f’kull fqir li miegħu tiltaqgħu dak li tassew għandu bżonn; biex ma tiqfux mal-ewwel bżonnijiet materjali, imma tiskopru t-tjieba li hemm moħbija fil-qalb tagħhom, b’attenzjoni għall-kultura tagħhom u għall-mod ta’ kif jesprimu ruħhom, biex tistgħu tiftħu djalogu tassew fratern. Inwarrbu għall-ġenb il-firdiet li ġejjin minn viżjonijiet ideoloġiċi jew politiċi, u nsammru ħarsitna fuq l-essenzjal li ma jeħtieġx wisq kliem, imma ħarsa ta’ mħabba u id imnewla. Tinsew qatt li “l-agħar diskriminazzjoni li qed issir mal-foqra hi n-nuqqas ta’ attenzjoni spiritwali” (ibid., 200).

 

Il-foqra qabelxejn għandhom bżonn ta’ Alla, ta’ mħabbtu murija minn persuni qaddisa li jgħixu qrib tagħhom, li fis-sempliċità ta’ ħajjithom jesprimu u juru l-qawwa tal-imħabba Nisranija. Alla jinqeda b’tant toroq u bi strumenti bla għadd biex jilħaq il-qalb tal-persuni. Bla dubju, il-foqra jersqu lejna anki għax qed inqassmulhom l-ikel, imma dak li tassew għandhom bżonn imur lil hemm mill-platt sħun jew il-panina li nistgħu noffrulhom. Il-foqra għandhom bżonn ta’ dirgħajna biex inqajmuhom, ta’ qlubna biex iħossu mill-ġdid is-sħana tal-imħabba, tal-preżenza tagħna biex jegħlbu s-solitudni. Għandhom bżonn sempliċement ta’ mħabba.

 

9. Xi drabi ma tridx wisq biex trodd lura t-tama: biżżejjed tieqaf, titbissem, tisma’. Għal jum wieħed ejjew inħallu għall-ġenb l-istatistiċi; il-foqra mhumiex numri li ninqdew bihom biex niftaħru b’opri u proġetti. Il-foqra huma persuni li magħhom irridu niltaqgħu: huma żgħażagħ u anzjani waħidhom biex nistednuhom id-dar ħa naqsmu l-ikla magħhom; irġiel, nisa u tfal li qed jistennew kelma ta’ ħbiberija. Il-foqra jsalvawna għax jippermettulna li niltaqgħu mal-wiċċ ta’ Ġesù Kristu.

 

F’għajnejn id-dinja qisha ħaġa bla raġuni li naħsbu li l-faqar u l-miżerja jista’ jkollhom qawwa salvifika; imma, dan hu li jgħallimna l-Appostlu meta jgħid: “Araw x’intom, li Alla sejħilkom; għax mhumiex ħafna fostkom li huma għorrief skont il-qies tad-dinja, mhumiex  ħafna  s-setgħana, mhumiex  ħafna n-nobbli. Imma Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn ’il dawk li huma xi ħaġa. Hekk ebda bniedem ma jkun jista’ jiftaħar quddiem Alla” (1 Kor 1:26-29). Bl-għajnejn ta’ bnedmin ma jirnexxilniex naraw din il-qawwa salvifika; bl-għajnejn tal-fidi, imma, narawha taħdem u nesperimentawha personalment. Fil-qalb tal-Poplu ta’ Alla li miexi hemm tvenven din il-qawwa salvifika li ma teskludi lil ħadd u lil kulħadd tinvolvi f’pellegrinaġġ veru ta’ konverżjoni li fih nagħrfu lill-foqra u nħobbuhom.

 

10. Il-Mulej ma jitlaqx lil min ifittxu u lil dawk li jsejħulu; “ma jinsiex għajat l-imsejknin” (Salm 9:13), għax widnejh attenti għal leħinhom. It-tama tal-fqir tisfida l-bosta kundizzjonijiet ta’ mewt, għax hu jaf li hu partikularment maħbub minn Alla u hekk jegħleb it-tbatija u l-esklużjoni. Il-qagħda tiegħu ta’ faqar ma tneħħilux id-dinjità li rċieva mingħand il-Ħallieq; hu jgħix fiċ-ċertezza li din se tintraddlu lura b’mod sħiħ minn Alla nnifsu, li mhuwiex indifferenti għax-xorti ta’ wliedu l-iżjed dgħajfa, imma bil-maqlub, jilmaħ it-taħbit u l-uġigħ tagħhom u jilqagħhom f’dirgħajh, u jagħtihom il-qawwa u l-kuraġġ (ara Salm 10:14). It-tama tal-fqir titqawwa miċ-ċertezza li hu milqugħ mill-Mulej, li fih sa jsib il-ġustizzja vera, li qalbu hi mqawwija biex jista’ jkompli jħobb (ara Salm 10:17).

 

Il-kundizzjoni li ssir lid-dixxipli tal-Mulej Ġesù, biex ikunu evanġelizzaturi koerenti, hi li jiżirgħu sinjali tanġibbli ta’ tama. Lill-komunitajiet Insara kollha u lil dawk kollha li jħossu l-bżonn li jwasslu tama u faraġ lill-foqra, nitlobhom jimpenjaw ruħhom biex dan il-Jum Dinji jista’ jsaħħaħ f’ħafna r-rieda li jikkollaboraw bil-fatti biex ħadd ma jħossu mċaħħad mill-qrubija u mis-solidarjetà. Ħa jseħibna kliem il-profeta li jħabbar futur differenti: “Imma għalikom li tibżgħu minn Ismi titla’ x-xemx tal-ġustizzja” (Mal 3:20).

 

Mill-Vatikan, 13 ta’ Ġunju 2019

 

Tifkira liturġika ta’ Sant’Antnin ta’ Padova

 

Franġisku

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard