Għeżież żgħażagħ,

 

Bi pjaċir inħabbrilkom li f’Ottubru 2018 sa jiġi ċċelebrat is-Sinodu tal-Isqfijiet bit-tema “Iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali”. Ridt li tkunu intom fiċ-ċentru tal-attenzjoni għax jiena nġorrkom fil-qalb tiegħi. Propju llum qed jiġi ppreżentat id-Dokument Preparatorju, li nafdah lilkom ukoll bħala “boxxla” tul din il-mixja.

 

Jiġini f’moħħi dak li Alla darba qal lil Abram: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik” (Ġen 12:1). Dan il-kliem illum qed jingħad lilkom ukoll: hu kliem ta’ Missier li qed jistedinkom “toħorġu” biex timxu lejn futur mhux magħruf imma li fih hemm it-twettiq żgur ta’ ħafna ħwejjeġ, li fih hu stess jimxi magħkom id f’id. Nistedinkom tisimgħu leħen Alla li jidwi fil-qlub tagħkom permezz tan-nifs tal-Ispirtu s-Santu.

 

Meta Alla lil Abram qallu “Itlaq”, x’ried jgħidlu eżatt? Żgur mhux li jaħrab minn niesu u mid-dinja. Din tiegħu kienet stedina qawwija, sejħa jew vokazzjoni, biex iħalli kollox u jterraq lejn art ġdida. X’inhi għalina llum din l-art ġdida, jekk mhux soċjetà iżjed ġusta u fraterna li intom tant tixtiequ u li tridu tibnu sa kull tarf tad-dinja?

 

Imma llum, b’xorti ħażina, l-“Itlaq” fih ukoll tifsira differenti. Dik tal-abbuż tal-poter, tal-inġustizzja u tal-gwerra. Ħafna żgħażagħ qed ikollhom joqogħdu għar-rikatt tal-vjolenza u huma mġiegħla jaħarbu minn art twelidhom. Il-karba tagħhom titla’ quddiem Alla, bħal dik ta’ Israel ilsir taħt il-jasar tal-Fargħun (ara Eż 2:23).

 

Nixtieq infakkarkom ukoll f’dak il-kliem li darba Ġesù lissen lid-dixxipli li staqsewh: “Rabbì […], fejn tgħammar?. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw” (Ġw 1:38-39). Lejkom ukoll Ġesù qed idawwar ħarstu u jistedinkom tmorru għandu. Għeżież żgħażagħ, qatt iltqajtu ma’ din il-ħarsa? Qatt smajtuh dan il-leħen? Ħassejtuha din it-tqanqila biex tibdew mexjin? Jiena ċert li, imqar jekk l-istorbju u l-isturdament donnhom ħakmu d-dinja, din is-sejħa għadha qed tidwi fil-qalb tagħkom biex tiftaħha għall-ferħ sħiħ. Dan ikun possibbli skont kemm, anki permezz tal-akkumpanjament ta’ gwidi esperti, intom tagħrfu taqbdu mixjiet ta’ dixxerniment biex tiskopru l-pjan ta’ Alla għal ħajjitkom. Imqar meta l-mixja tagħkom hi mmarkata mid-dubji u mill-waqgħat, Alla għani fil-ħniena jnewlilkom idu biex jerġa’ jqajjimkom fuq riġlejkom.

 

Fi Krakovja, fil-ftuħ tal-aħħar Jum Dinji taż-Żgħażagħ, jien staqsejtkom iżjed minn darba: “L-affarijiet jistgħu jinbidlu?”. U intom għajjattu flimkien “Iva” li ttarrax. Dik l-għajta ġejja mill-qalb żagħżugħa tagħkom li ma tiflaħx għall-inġustizzja u ma tistax tbaxxi rasha għall-kultura tal-iskart, lanqas iċċedi għall-globalizzazzjoni tal-indifferenza. Isimgħuha dik il-karba li ħierġa mill-qiegħ tal-qalb tagħkom! Anki meta intom ukoll, bħall-profeta Ġeremija, tħossu li minħabba fl-età żgħira tagħkom m’għandkomx esperjenza, Alla jagħmlilkom il-qalb biex tmorru fejn hu jibgħatkom: “La tibżax […], għax jien miegħek biex neħilsek” (Ġer 1:8).

 

Dinja aħjar nistgħu nibnuha grazzi għalikom ukoll, għax-xewqa tagħkom li ġġibu bidla u għall-ġenerożità tagħkom. Tibżgħux tagħtu widen lill-Ispirtu li jissuġġerilkom għażliet qalbiena, toqogħdux titlajjaw meta l-kuxjenza titlobkom tirriskjaw biex timxu wara l-Imgħallem. Anki l-Knisja tixtieq tagħti widen għal leħinkom, għas-sensibbiltà tagħkom, għall-fidi tagħkom; saħansitra għad-dubji u l-kritika tagħkom. Semmgħuha l-għajta tagħkom, ħalluha tidwi fil-komunitajiet u wassluha għand ir-ragħajja. San Benedittu lill-abbatijiet kien jagħtihom il-parir li jikkonsultaw ukoll maż-żgħażagħ qabel kull għażla importanti, għax “spiss hu sewwasew lill-iktar żagħżugħ li l-Mulej juri l-aħjar soluzzjoni” (Regola ta’ San Benedittu III, 3).

 

Hekk, anki permezz tal-mixja ta’ dan is-Sinodu, jien u ħuti l-Isqfijiet nixtiequ dejjem iżjed “naħdmu flimkien għall-ferħ tagħkom” (2 Kor 1:24). Nafdakom f’idejn Marija ta’ Nazaret, żagħżugħa bħalkom li fuqha Alla ħares bi mħabba, biex tkun hi li taqbdilkom idejkom u tmexxikom lejn il-ferħ tal-“Hawn jien” sħiħa u ġeneruża (ara Lq 1:38).

 

Bi mħabba ta’ missier,

 

FRANĠISKU

 

Mill-Vatikan, 13 ta’ Jannar 2017

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard