Lil Ħija l-Maħbub

il-Kardinal Kevin Farrell,

Prefett tad-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja

 

Fi tmiem it-VIII Laqgħa Dinjija tal-Familji, li nżammet f’Philadelphia f’Settembru 2015, ħabbart li l-laqgħa li jmiss mal-familji Kattoliċi tad-dinja kollha kellha sseħħ f’Dublin. Issa li wasalna biex nibdew it-tħejjijiet, bi pjaċir nikkonferma li din sa tinżamm mill-21 sas-26 ta’ Awwissu 2018, bit-tema: “Il-Vanġelu tal-Familja: ferħ għad-dinja”. U dwar din it-tema u kif sa tiġi żviluppata nixtieq noffri xi indikazzjonijiet iżjed preċiżi. Fil-fatt hi xewqa tiegħi li l-familji jsibu mod kif japprofondixxu r-riflessjoni u l-qsim tagħhom fuq il-kontenut tal-Eżortazzjoni Appostolika postsinodali Amoris lætitia.

 

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: il-Vanġelu għadu jferraħ lid-dinja? U wkoll: il-familja Nisranija għadha bxara tajba għad-dinja tal-lum?

 

Jiena ċert li iva! U din l-“iva” hi msejsa bil-qawwa kollha fuq il-pjan ta’ Alla. L-imħabba ta’ Alla hi l-“iva” tiegħu għall-ħolqien kollu u għall-qalba tiegħu, li hu l-bniedem. Hi l-“iva” ta’ Alla għall-għaqda bejn ir-raġel u l-mara, fi ftuħ u qadi għall-ħajja fil-fażijiet kollha tagħha; hi l-“iva” u l-impenn ta’ Alla għall-umanità spiss miġruħa, ittrattata ħażin u maħkuma min-nuqqas ta’ mħabba. Għalhekk, il-familja hi l-“iva” ta’ Alla Mħabba. Il-familja trid tibda mill-imħabba biex tista’ turi, ixxerred u tnissel mill-ġdid l-imħabba ta’ Alla fid-dinja. Mingħajr l-imħabba ma nistgħux ngħixu bħala wlied Alla, bħala miżżewġin, ġenituri u aħwa.

 

Nixtieq nagħfas fuq kemm hu importanti li l-familji spiss jistaqsu lilhom infushom jekk humiex jgħixu mdawla mill-imħabba, għall-imħabba u fl-imħabba. Konkretement, dan ifisser li ningħataw għal xulxin, naħfru lil xulxin, ma nitilfux sabarna ma’ xulxin, nantiċipaw lill-ieħor, nirrispettaw lil xulxin. Kemm tkun aħjar il-ħajja tal-familja jekk kuljum ngħixu t-tliet kelmiet sempliċi “jekk jogħġbok”, “grazzi”, “skużani”! Ta’ kuljum nagħmlu esperjenza tad-dgħufija, u għalhekk aħna lkoll, familji u ragħajja, neħtieġu umiltà mġedda li tagħġen ix-xewqa li niffurmaw ruħna, li nedukaw ruħna u niġu edukati, li ngħinu u niġu megħjuna, li nsieħbu, niddixxernu u nintegraw lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Noħlom Knisja li toħroġ, mhux moħħha fiha nfisha, Knisja li ma tgħaddix imbiegħda mill-ġrieħi tal-bniedem, Knisja ħanina li xxandar il-qalba tar-rivelazzjoni ta’ Alla Mħabba li hi l-Ħniena. Hi din l-istess ħniena li ġġeddidna fl-imħabba; u nafu kemm il-familji Nsara huma mkejjen ta’ ħniena u xhieda ta’ ħniena; u dan iktar u iktar wara l-Ġublew Straordinarju, u l-Laqgħa ta’ Dublin tista’ toffrilna sinjali konkreti ta’ dan.

 

Għalhekk nistieden lill-Knisja kollha żżomm quddiem għajnejha dawn l-indikazzjonijiet fit-tħejjija pastorali għal-Laqgħa Dinjija li jmiss.

 

Int, għażiż Ħija, flimkien mal-kollaboraturi tiegħek, għandek id-dmir li twassal b’mod partikulari t-tagħlim tal-Amoris lætitia, li bih il-Knisja tixtieq li l-familji jkunu dejjem f’mixja, f’dak il-pellegrinaġġ ġewwieni li hu turija ta’ ħajja awtentika.

 

Il-ħsieb tiegħi jmur b’mod speċjali lejn l-Arċidjoċesi ta’ Dublin u lejn l-għażiż Nazzjon Irlandiż kollu, għal-laqgħa ġeneruża u l-impenn li sa jġib miegħu l-fatt li se jospita ġrajja ta’ din l-importanza. Il-Mulej iħallaskom lura hu sa minn issa, u jroddilkom risq kotran mis-Sema.

 

Il-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret tmexxi, issieħeb u tbierek is-servizz tagħkom u l-familji kollha impenjati fit-tħejjija tal-Laqgħa Dinjija ta’ Dublin.

 

Mill-Vatikan, 25 ta’ Marzu 2017

 

FRANĠISKU

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard