Għeżież familji,

Qed nippreżenta ruħi fuq l-għatba tad-dar tagħkom biex inkellimkom fuq ġrajja li, kif naħseb tafu, sa sseħħ f’Ottubru li ġej fil-Vatikan.  Qed nitkellem dwar l-Assemblea Ġenerali Staordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, imsejħa biex tiddiskuti t-tema ta’ “L-isfidi pastorali dwar il-familja fil-kuntest ta’ l-evanġelizzazzjoni”.  Il-lum, fil-fatt, il-Knisja hi msejħa xxandar il-Vanġelu billi taffronta wkoll il-ħtiġijiet pastorali ġodda li għandha quddiemha l-familja.

Dan l-appuntament importanti jitlob is-sehem tal-Poplu kollu ta’ Alla, Isqfijiet, saċerdoti, persuni kkonsagrati u fidili lajċi tal-Knejjes partikulari tad-dinja kollha, li jieħdu sehem ħaj fit-tħejjija tiegħu b’suġġerimenti konkreti u bil-kontribut indispensabbli tat-talb.  Is-sostenn tat-talb hu meħtieġ iktar minn qatt qabel u għandu siwi qawwi, speċjalment jekk ikun ġej minn għandkom, għeżież familji.  Fil-fatt, din l-Assemblea Sinodali ħa tkun iddedikata b’mod speċjali għalikom, għas-sejħa u għall-missjoni tagħkom fil-Knisja u fis-soċjetà, għall-problemi taż-żwieġ, tal-ħajja tal-familja, għall-edukazzjoni ta’ l-ulied, u għar-rwol tal-familji fil-missjoni tal-Knisja.  Għalhekk nitlobkom titolbu bil-qawwa lill-Ispirtu s-Santu, biex idawwal lill-Padri Sinodali u jmexxihom fil-ħidma impenjattiva tagħhom.  Kif tafu, sena wara din l-Assemblea Sinodali Staordinarja se titlaqqa’ dik Ordinarja, li sa tissokta taħdem fuq l-istess tema tal-familja.  U f’dan il-kuntest, f’Settembru 2015 tinżamm il-Laqgħa Dinjija tal-Familji f’Philadelphia.  Għalhekk nitolbu lkoll flimkien biex, permezz ta’ dawn il-ġrajjiet, il-Knisja twettaq mixja vera ta’ dixxerniment u tfittex mezzi pastorali xierqa li bihom tista’ tgħin lill-familji jaffrontaw l-isfidi tal-lum bid-dawl u l-qawwa li jiġu mill-Vanġelu.

Qed niktbilkom din l-ittra fil-jum li fih qed niċċelebraw il-festa tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju.  L-evanġelista Luqa jirrakkonta kif, skond il-Liġi ta’ Mosè, il-Madonna u San Ġużepp ħadu lit-Tarbija fit-Tempju biex joffruha lill-Mulej, u kif iż-żewġt ixjuħ, Xmun u Anna, imqanqla mill-Ispirtu s-Santu, ħarġu jilqgħuhom u għarfu li Ġesù kien il-Messija (ara Lq 2:22-38).  Xmun ħadu f’dirgħajh u radd ħajr lil Alla għax sa fl-aħħar kien “ra” is-salvazzjoni tiegħu; Anna, minkejja l-età avvanzata tagħha, donnha ġietha ħeġġa ġdida u qabdet titkellem ma’ kulħadd dwar it-Tarbija.  X’xena ħelwa: żewġ ġenituri żgħażagħ u żewġ persuni anzjani, imlaqqgħin flimkien minn Ġesù.  Tabilħaqq Ġesù jlaqqa’ flimkien u jgħaqqad il-ġenerazzjonijiet ma’ xulxin!  Hu l-għajn li ma taqta’ qatt ta’ dik l-imħabba li tirbaħ fuq kull għeluq, kull solitudni, kull diqa.  Fil-mixja tagħkom bħala familji, intom taqsmu ma’ xulxin tant mumenti sbieħ: l-ikliet, il-mistrieħ, ix-xogħol fid-dar, id-divertiment, it-talb, il-vjaġġi u l-pellegrinaġġi, l-għemejjel ta’ solidarjetà…  Minkejja dan kollu, jekk tonqos l-imħabba, jonqos il-ferħ, u l-imħabba awtentika jagħtihielna Ġesù: hu joffrilna l-Kelma tiegħu, li ddawwal it-triq kollha tagħna; jagħtina l-Ħobż tal-ħajja, li jrejjaqna fl-għeja ta’ kuljum tal-mixja tagħna.

Għeżież familji, it-talb tagħkom għas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet sa jkun teżor prezzjuż li jagħni lill-Knisja.  Nirringrazzjakom, u nitlobkom titolbu għalija wkoll, biex nista’ naqdi lill-Poplu ta’ Alla fil-verità u fl-imħabba.  Il-ħarsien ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija u ta’ San Ġużepp iseħibkom dejjem ilkoll u jgħinkom timxu magħqudin fl-imħabba u fis-servizz reċiproku.  Minn qalbi nsejjaħ fuq kull familja l-barka tal-Mulej.

 

Mill-Vatikan, 2 ta’ Frar 2014

Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej

 

FRANĠISKU

  

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard