VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FL-IRLANDA GĦAD-IX LAQGĦA INTERNAZZJONALI TAL-FAMLJI

(25-26
ta’ AWWISSU, 2018)

LAQGĦA MAL-ISQFIJIET

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Kunvent tas-sorijiet Dumnikani (Dublin)
Il-Ħadd, 26 ta’ Awwissu, 2018

 

Għeżież ħuti isqfijiet,

Issa li ż-żjara tiegħi fl-Irlanda waslet biex tintemm, jiena grat għal din l-opportunità li nqatta’ ftit tal-ħin magħkom.  Irrodd ħajr lill-Arċisqof Eamon Martin għall-introduzzjoni tiegħu mimlija kliem ta’ kortesija u nsellmilkom ilkoll bl-imħabba fil-Mulej.

Il-laqgħa tagħna llejla qed tissokta dik tad-diskussjoni fraterna li kellna f’Ruma s-sena li għaddiet waqt iż-żjara Ad limina Apostolorum.  F’dawn il-ftit noti, nixtieq niġbor fil-qosor il-konversazzjoni li kellna qabel, fl-ispirtu tal-Laqgħa Dinjija tal-Familji li għadna kif iċċelebrajna.  Ilkoll kemm aħna, bħala isqfijiet, nagħrfu r-responsabbiltà tagħna li nkunu missirijiet għall-poplu qaddis ta’ Alla.  Bħala missirijiet tajbin, nimmiraw biex ninkoraġġixxu, nirrikonċiljaw u ngħaqqdu, u fuq kollox, inżommu sħiħ it-tajjeb kollu mgħoddi minn ġenerazzjoni għal oħra fil-familja kbira li hi l-Knisja tal-Irlanda.  Minnu, li l-Knisja fl-Irlanda għadha qawwija, minnu dan.

Għaldaqstant illejla kelmti lilkom hi waħda ta’ inkoraġġiment – biex inkompli mal-omelija – għall-isforzi tagħkom, f’dawn il-waqtiet ta’ sfida, biex tipperseveraw fil-ministeru tagħkom ta’ ħabbâra tal-Evanġelju u ta’ rgħajja tal-merħla ta’ Kristu.  Jiena grat b’mod partikolari għall-ħerqa li intom turu lejn il-foqra, l-imwarrbin u dawk li jinsabu fil-bżonn, kif xhedet m’ilux l-ittra pastorali tagħkom dwar in-nies bla saqaf u dawk maħkumin mid-dipendenzi.  Jiena grat ukoll għall-għajnuna li toffru lis-saċerdoti tagħkom, li l-uġigħ u l-iskoraġġiment tagħhom minħabba l-iskandli riċenti, spiss huma injorati.  Kunu qrib tas-saċerdoti tagħkom!  Huma l-proxxmu l-aktar qrib li għandkom bħala isqfijiet.

Suġġett li tqanqal spiss matul iż-żjara tiegħi, naturalment, kien il-ħtieġa li l-Knisja tagħraf u tirmedja b’onestà evanġelika u l-kuraġġ għall-iżbalji tal-imgħoddi – dnubiet gravi -   f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-minuri u l-adulti vulnerabbli.  Fost dawn in-nisa maltrattati.  Fis-snin riċenti, intom bħala korp episkopali, b’rieda qawwija bdejtu mhux biss mixjiet ta’ tisfija u rikonċiljazzjoni mal-vittmi, il-vittmi u dawk li għaddew mill-abbużi, imma wkoll, bl-għajnuna tan-National Board għall-ħarsien tat-tfal fil-Knisja tal-Irlanda, għamiltu regoli iebsa ħafna bl-għan li tiggarantixxu s-sigurtà taż-żgħażagħ.   F’dawn is-snin, ilkoll kemm aħna kellna niftħu għajnejna – hi ta’ niket – dwar il-gravità u l-firxa tal-abbuż tal-poter, tal-kuxjenza u sesswali f’diversi oqsma soċjali.  Fl-Irlanda, bħal fi mkejjen oħra, l-onestà u l-integrità li bihom il-Knisja qatgħetha li taffronta dan il-kapitlu ta’ tbatija tal-istorja tagħha tista’ tkun eżempju u ċanfira għas-soċjetà kollha kemm hi.  Komplu hekk.  L-umiljazzjonijiet iġibu t-tbatija, imma aħna salvajna bl-umiljazzjoni tal-Iben t’Alla, u dan itina l-kuraġġ.  Il-pjagi ta’ Kristu jtuna l-kuraġġ.  Nitlobkom, jekk jogħġobkom, qrubija – din hi l-kelma, qrubija – lejn il-Mulej u lejn il-Poplu t’Alla.  Viċinanza.  Ma nerġgħux nieħdu l-atteġġjamenti ta’ distakk u klerikaliżmu li xi drabi, fl-istorja tagħkom, taw impressjoni reali ta’ Knisja awtoritarja, iebsa u awtokratika.

Kif konna għidna fil-konversazzjoni li kellna f’Ruma, it-trasmissjoni tal-fidi fis-sħuħija u s-sbuħija tagħha hija sfida importanti fil-qafas tat-tibdil mgħaġġel tas-soċjetà.  Il-Laqgħa Dinjija tal-Familji tnissel fina tama kbira u inkoraġġiment dwar il-fatt li l-familji qed isiru dejjem aktar konxji mill-irwol tagħhom, li ħadd ma jista’ jagħmlu minflokhom, biex jittrasmettu l-fidi.  Fundamentalment it-trasmissjoni tal-fidi ssir fi ħdan il-familja; il-fidi għandha tiġi trasmessa “bid-djalett”, id-djlaett tal-familja.  F-istess waqt, l-iskejjel kattoliċi u l-programmi ta’ tagħlim reliġjuż għad għandhom rwol indispensabbli biex joħolqu kultura tal-fidi u sens ta’ dixxipluat missjunarju.  Naf li dan hu għan tal-kura pastorali għalikom ilkoll.  Il-formazzjoni reliġjuża ġenwina titlob li jkun hemm għalliema fidili u ferrieħa, bil-ħila li jiffurmaw mhux biss l-imħuħ imma wkoll il-qlub, għall-imħabba ta’ Kristu u l-prattika tat-talb.  Kultant naħsbu illi li tifforma l-fidi jfisser li tgħaddi kunċetti reliġjużi, bla ma naħsbu li rridu niffurmaw ukoll il-qlub, li rridu niffurmaw ukoll l-atteġġjamenti.   Ilbieraħ il-President tan-nazzjon qalli li kien kiteb poema dwar Descartes li bejn wieħed u ieħor kienet tgħid hekk: “il-kesħa tal-ħsieb qatlet il-mużika tal-qalb.  Il-formazzjoni tal-moħħ, iva, imma anki tal-qalb.  U ngħallmu kif titlob: ngħallmu lit-tfal kif jitolbu: mil-bidu, it-talb.  It-tħejjija ta’ dawn l-għalliema u t-tixrid tal-programmi għall-formazzjoni permanenti huma essenzjali għall-futur tal-komunità nisranija, li fiha, il-lajkat nisrani impenajt iħoss sejħa akbar biex iwassal id-dehen u l-valuri tal-fidi tiegħu fl-impenn li għandu fid-diversi oqsma tal-ħajja soċjali, kulturali u politika tal-pajjiż.

It-taqlib kbir ta’ dawn l-aħħar snin għaddew mill-prova l-fidi tradizzjonalment qawwija tal-poplu Irlandiż.  Madankollu offrew ukoll opportunità għat-tiġdid tal-Knisja minn ġewwa f’dal-pajjiż u wrew metodi ġodda dwar kif tfassal ħajjitha u l-missjoni tagħha .  “Alla dejjem hu novità” u “l-ħin kollu jimbuttana biex nerġgħu nibdew u nibdlu postna biex immorru lil hinn minn dak li hu magħruf (Eżort. App. Ifirħu u Thennew, 135).  Bl-umlità u l-fiduċja fil-grazzja tiegħu, jalla ssibu ħila li tiddixxernu u tibdew toroq ġodda għal dawn iż-żminijiet ġodda.  Kunu kuraġġużi u kreattivi.  Ċertament, is-sens missjunarju qawwi li għandu għeruqu fir-ruħ tal-poplu tagħkom jista’ jispirakom biex issibu t-toroq tal-kreattività ħalli tagħtu xhieda għall-verità tal-Evanġelju u biex il-komunità ta’ min jemmen tikber fl-imħabba lejn Kristu u fiż-żelu għat-tkabbir tas-Saltna tiegħu.  Fl-isforzi li tagħmlu ta’ kuljum biex tkunu missirijiet u rgħajja tal-familja ta’ Alla f’dal-pajjiż – missirijiet jekk jogħġobkom, mhux missirijiet tar-rispett -, għandu dejjem ikollkom ir-rifda tat-tama li tieqaf fuq il-libertà tal-kliem ta’ Kristu u fuq iċ-ċertezza tal-wegħdiet tiegħu.  F’kull żmien u mkien dik il-verità teħliskom (cfr (Ġw 8,32); minna nfisha hi fiha qawwa li tikkonvinċi l-imħuħ u tmexxi l-qlub lejha.  Kull darba li intom u l-poplu tagħkom tħossukom merħla żgħira esposta għall-isfidi u d-diffikultajiet, taqtgħux qalbkom.  Kif jgħallimna San Ġwann tas-Salib huwa fid-dalma tal-lejl li l-aktar jiddi d-dawl tal-fidi l-aktar pura fi qlubna.  U dak id-dawl juri t-triq tat-tiġdid tal-ħajja nisranija fl-Irlanda għas-snin li ġejjin.

Fl-aħħar, fi spirtu ta’ komunità ekkleżjali, nitlobkom tkomplu tmexxu ‘l quddiem l-għaqda u l-fraternità fostkom, huwa importanti ħafna; u wkoll, flimkien mal-mexxejja ta’ komunitajiet insara oħra taħdmu u titobu bil-ħerqa għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi bejn il-membri kollha tal-familja Irlandiża.  Illum waqt l-ikel jien kont hemm u kien hemm ukoll l-awtoritajiet ta’ Dublin, tal-Irlanda ta’ Fuq….. magħqudin, ilkoll.  Ħaġa li ngħidha dejjem, imma għandha tittenna: liema hu l-ewwel dmir tal-isqof?  Ngħidha lil kulħadd: it-talb.  Meta l-insara Griegi marru jgemgmu għax ir-romol tagħhom kienu qed jingħatw il-ġenb (cfr L-Atti tal-Appostli 6,1) Pietru u l-appostli vvintaw id-djakni.  U meta mbagħad Pietru spjega kif għandhom jimxu l-affarijiet itemm hekk: “U aħna l-appostli, nitolbu u nħabbru l-kelma”.  Jien nitfa’ mistoqsija, kull wieħed iwieġeb għalih innifsu: kemm-il siegħa kuljum jitlob kull wieħed minnkom?

B’dawn il-ħsibijiet, għeżież ħuti, niżgurakom mit-talb tiegħi għall-intenzjonijiet tagħkom, u nitlobkom li tiftakru fija fit-talb tagħkom.  Lilkom ilkoll u lill-fidili fdati fil-kura pastorali tagħkom nagħtikom il-barka tiegħi, rahan tal-ferħ u l-qawwa fil-Mulej Ġesù Kristu.

Jien qrib tagħkom: ibqgħu mexjin ‘il quddiem, kuraġġ!  Il-Mulej hu twajjeb ħafna.  U l-Madonna tħarisna. U meta l-affarijiet jitqalu, itolbu Sub tuum praesidium (Taħt il-Mant tiegħek nistkennu) għaliex il-mistiċi Russi fil-waqtiet tat-tempesti spiritwali kienu jgħidu li għandna mmorru taħt il-mant tal-Omm Qaddisa ta’ Alla, sub tuum praesidium.  Grazzi ħafna.  U issa ntikom il-barka.

Nitolbu flimkien is-Sliema

 

May God bless you all, the Father, the Son and the Holy Spirit.

Thank you very much.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber