Il-Papa Franġisku: “La tibżgħux”

Il-Covid-19 tgħallimna li aħna familja umana waħda”

 

Intervista ma’ La Stampa mxandra fl-20 ta’ Marzu 2020

 

Il-Papa jitkellem dwar l-uġigħ ta’ qalb tiegħu f’dawn il-jiem ta’ kriżi minħabba l-virus: “Id-dlamijiet li daħlu fi djarna għad jgħibu, bil-ġrieħi fil-qalb tagħha l-umanità magħquda għad terġa’ tqum fuq saqajha”.

 

IL-BELT TAL-VATIKAN“Hawnhekk hawn biki u tbatija. Kulħadd. Minn din is-sitwazzjoni nistgħu noħorġu biss flimkien, bħala umanità sħiħa”. Għalhekk hemm bżonn “inħarsu lejn il-persuna l-oħra bi spirtu ta’ solidarjetà” u nġibu ruħna skont il-bżonn. Il-Papa Franġisku qed isegwi bi tħassib il-mod kif qed tiżviluppa l-emerġenza tal-Coronavirus. Imma minn fuq it-telefon, it-Tnejn 16 ta’ Marzu, ried ixerred anki t-tama fid-“dawl” li għad jasal u jdawwal id-dalma “li daħlet fid-djar kollha”, taħt il-forma ta’ niket u tħassib. Wara dan iż-żmien imdendel, sa nħossuna xi ftit bħal “wara l-gwerra”, iwissi l-Papa. Ikun hemm bżonn nerġgħu nibnu mill-ġdid. Fuq erba’ pilastri importanti: “L-għeruq”, irrappreżentati qabelxejn min-nanniet, mill-anzjani; “il-memorja” ta’ dawn il-jiem hekk surreali; “il-fratellanza” bejn il-bnedmin; “it-tama, li ma tqarraq bina”.

 

Santità, ġej Għid “bil-bibien magħluqa” b’ċelebrazzjonijiet trasmessi biss fuq l-internet, it-televiżjoni u r-radju: għal ħafna fidili din sa tkun tbatija fi tbatija. Kif għandna ngħixu dan l-Għid qalb il-pandemija?

Bil-penitenza, il-kompassjoni u t-tama. U bl-umiltà, għax ħafna drabi ninsew li fil-ħajja hemm iż-‘żoni mudlama’, il-mumenti koroh. Naħsbu li jistgħu jolqtu biss lil xi ħadd ieħor. Imma din id-darba hu mudlam għal kulħadd, ħadd mhu eskluż. Hu mmarkat minn niket u dlamijiet, li daħlu fid-dar tagħna. Hi sitwazzjoni differenti minn dawk li għexna sa issa. Anki għax ħadd ma jista’ jaffordja li jserraħ rasu, kulħadd qed iħossu milqut minn dawn il-jiem ibsin.

 

Int fl-Angelus għidt li r-Randan jista’ jgħinna nsibu sens għal dak kollu li qed jiġri: kif?

Iż-żmien ta’ tħejjija għall-Għid, bit-talb u s-sawm, iħarriġna biex inħarsu lejn l-oħrajn b’solidarjetà, fuq kollox lejn dawk li qed ibatu. Aħna u nistennew ifeġġ dak id-dawl li se jdawwal mill-ġdid kollox u lil kulħadd.

 

Hu aktar importanti li nitolbu f’dan il-perjodu?

Jaħbtu ma’ moħħi l-Appostli fit-tempesta li talbu lil Ġesù: “Mgħallem, qed negħrqu”. It-talb ilaqqagħna mad-dgħufija tagħna. Hija l-karba tal-foqra, ta’ dawk li qed jegħrqu, li jħossuhom fil-periklu, waħidhom. U f’sitwazzjoni diffiċli, ta’ qtigħ il-qalb, importanti niftakru li hu l-Mulej li miegħu għandna niggranfaw.

 

Alla kif jista’ jgħinna?

Hu jweżinna b’ħafna modi. Jgħaddilna l-qawwa u l-qrubija tiegħu, kif għamel mad-dixxipli li fit-tempesta talbuh l-għajnuna. Jew meta newwel driegħu lil Pietru li kien qed jegħreq.

 

Dawk li ma jemmnux fejn jistgħu jsibu faraġ u inkuraġġiment?

Ma rridx nagħżel bejn min jemmen u min le. Aħna lkoll bnedmin, u bħala bnedmin aħna lkoll qegħdin fl-istess dgħajsa. U xejn minn dak li hu uman m’għandu jkun barrani għan-Nisrani. Hawnhekk qed nibku għax qed inbatu. Kollha kemm aħna. Għandna komuni bejnietna l-umanità u t-tbatija. Jgħinuna s-sinerġija, il-kollaborazzjoni reċiproka, is-sens ta’ responsabbiltà u l-ispirtu ta’ sagrifiċċju li jinħoloq f’tant postijiet. M’għandniex nagħmlu distinzjoni bejn min jemmen u min le, ejjew immorru għall-għeruq: l-umanità. Quddiem Alla aħna lkoll uliedu.

 

Qalb it-traġedji tal-Covid-19 hemm il-ġrajjiet ta’ min qed imut f’iżolament, mingħajr l-imħabba tal-qraba li ma jistgħux jersqu qrib biex ma jitteħdux huma wkoll. Huma xeni ta’ qsim il-qalb li qed iseħħu ta’ kuljum fl-isptarijiet, f’Bergamo, fi Brescia, fi Cremona. Xi wħud, ftit qabel imutu, jibagħtu t-tislima tagħhom lil marthom, lil żewġhom, lil uliedhom, permezz tal-infermiera. Xi ħsibijiet jiġuk f’moħħok u f’qalbek?

F’dawn il-jiem irrakkontawli storja li laqtitni u sewditli qalbi, anki għaliex tirrappreżenta dak li qed iseħħ fl-isptarijiet. Waħda anzjana fehmet li kienet qiegħda tmut u riedet tagħti l-aħħar tislima lill-għeżież tagħha: l-infermiera qabdet il-mowbajl u ċemplet bil-vidjo lin-neputija tagħha, biex hekk l-anzjana rat il-wiċċ tan-neputija u setgħet titlaq b’dan il-faraġ f’qalbha. Huwa l-aħħar bżonn li jkollok id li taqbadlek tiegħek. Ta’ ġest ta’ kumpanija tal-aħħar. U tant infermiera qed isieħbu din ix-xewqa aħħarija bil-widna tagħhom, billi jagħtu widen għan-niket tas-solitudni, u bħal jaqbdulhom idejhom. In-niket ta’ min telaq mingħajr l-aħħar tislima jsir ġerħa fil-qalb ta’ min jibqa’. Nirringrazzja lil dawn l-infermiera, tobba u voluntiera kollha li, minkejja l-għeja ta’ barra minn hawn, jitbaxxew bis-sabar u t-tjieba tal-qalb biex jagħmlu tajjeb għall-assenza obbligatorja tal-familjari.

 

Il-Piemonte “tiegħek” huwa wieħed mir-reġjuni l-iktar imsawta mill-virus. Dan l-aħħar, minħabba li laqqatt riħ, int ma stajtx terġa’ tmur hemm: x’tixtieq tgħidilhom lill-Pjemontiżi?

La Consolà” [“Il-Consolata”; hawn il-Papa qed jitkellem bil-Pjemtoniż]. “O’ Protetris dla nòstra antica rassa, cudissne Ti, fin che la mòrt an pija: come l’aqua d’un fium la vita a passa, ma ti, Madòna, it reste” (“O Protettriċi tar-razza antika tagħna, ħu ħsiebi int, sakemm il-mewt teħodni: bħall-ilma ta’ xmara tgħaddi l-ħajja, imma int, Madonna, inti tibqa’”). Il-poeżija-talba ta’ Nino Costa lill-Madonna tal-Konsolazzjoni. Iktar minn qatt qabel, dan ngħidilhom, le? “Bħall-ilma ta’ xmara tgħaddi l-ħajja, imma int, Madonna, inti tibqa’”. Lill-Pjemontiżi ngħidilhom jitolbu lill-Madonna Konsolata, b’fidi u fiduċja.

 

Din l-emerġenza dinjija hi kkaratterizzata wkoll minn xibka sħiħa ta’ solidarjetà, magħmula minn eluf ta’ persuni li qed jagħmlu sagrifiċċji għall-ġid tal-oħrajn. Meta jispiċċa kollox, taf tkun serviet għal xi ħaġa għall-futur?

Biex infakkru darba għal dejjem lill-bnedmin li l-umanità hija komunità waħda. U kemm hi importanti, deċiżiva l-fraternità universali. Irridu naħsbu li sa tkun xi ftit bħala wara l-gwerra. Mhux sa jkun hemm iżjed “l-ieħor”, imma nkunu “aħna”. Għax minn din is-sitwazzjoni nistgħu noħorġu biss ilkoll flimkien.

 

Mnejn jeħtieġ nerġgħu nibdew bħala bnedmin?

Jeħtieġ inħarsu mill-ġdid iżjed lejn l-għeruq: in-nanniet, l-anzjani. Nibnu fratellanza vera bejnietna. Nagħmlu memorja ta’ din l-esperjenza iebsa li għexna lkoll flimkien. U nimxu ’l quddiem b’tama, li qatt ma tqarraq bina. Dawn ikunu l-kelmiet li jservu ta’ muftieħ biex nistgħu nibdew mill-ġdid: għeruq, memorja, fratellanza u tama.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard