Santità, wara kważi erba’ snin fil-Vatikan, x’fadal minn dak il-qassis tat-triq li ġie minn Buenos Aires għal Ruma b’biljett tar-ritorn fil-but?

Xorta għadu qassis tat-triq. Għax malli tiġi l-okkażjoni, noħroġ fit-toroq biex insellem lin-nies fl-udjenzi ġenerali, jew meta nkun nivvjaġġa… il-karattru tiegħi ma nbidilx. M’iniex ngħid li hi ħaġa intenzjonata: hi ħaġa naturali. Mhux veru li hawn trid tinbidel. Li tinbidel mhix ħaġa naturali. Li tinbidel ta’ 76 sena jfisser tirtokkja. Forsi ma nistax nagħmel kulma nixtieq, imma r-ruħ tat-triq li hemm fija għadha ħajja, u tista’ taraha.

 

Fl-aħħar jiem tal-papat tiegħu, Benedittu XVI qal hekk dwar l-aħħar snin tiegħu bħala kap tal-Knisja Kattolika: “L-ilmijiet kienu mmewġa u Alla deher rieqed”. Int ħassejtek waħdek ukoll? Il-ġerarkija tal-Knisja kienet rieqda fejn jidħlu l-problemi tan-nies, kemm il-ġodda u kemm il-qodma?

Fi ħdan il-ġerarkija tal-Knisja, jew fost l-aġenti pastorali tal-Knisja Kattolika (isqfijiet, saċerdoti, sorijiet, lajċi), iktar milli nibża’ minn dawk li huma reqdin, nibża’ minn dawk li huma lloppjati. Dawk li huma lloppjati mill-affarijiet tad-dinja. Ibigħu ruħhom lill-mondanità. Dan hu li jbeżżagħni. Kollox kalm, kollox trankwill, kollox miexi sew. Wisq ordni. Meta taqra l-Atti tal-Appostli, l-ittri ta’ San Pawl, taħwid sħiħ issib, kien hemm l-inkwiet, in-nies kienet imħarrka. Kien hemm iċ-ċaqliq u l-kuntatt man-nies. Persuna lloppjata mhix f’kuntatt man-nies. Tkun tipproġeti ruħha mir-realtà. Tkun illoppjata. Illum hemm ħafna modi kif wieħed jilloppja ruħu kontra l-ħajja ta’ kuljum, le? Forsi l-iktar marda perikuluża għal ragħaj hi dik tal-loppju, li hu l-klerikaliżmu. Jiena hawn u n-nies hemm. Imma inti r-ragħaj ta’ dawk in-nies! Jekk ma tiħux ħsieb ta’ dawk in-nies, jekk twarrab milli tibqa’ tieħu ħsieb ta’ dawk in-nies, aħjar tippakkja u tirtira.

 

Hemm parti mill-Knisja Kattolika li hi lloppjata?

Hu riskju li lkoll għandna. Hu periklu, hi tentazzjoni serja. Għax eħfef li tkun illoppjat.

 

Ħajja aħjar, iktar komda.

Għalhekk li, iktar milli dawk li jorqdu, hu l-istat ta’ min hu lloppjat li jagħti dak l-ispirtu mondan. Mondanità spiritwali. Jien dejjem jolqotni l-fatt li Ġesù Kristu, fl-aħħar ikla tiegħu, meta jitlob lil Missieru għad-dixxipli tiegħu, ma jitolbux: “Ara, ħarishom milli jiksru l-ħames kmandament, żommhom milli joqtlu, milli jiksru s-seba’ kmandament, żommhom milli jisirqu”. Le, jgħidlu: “Ħarishom mill-ħażen ta’ din id-dinja, ħarishom mid-dinja”. L-ispirtu tad-dinja jilloppja. Meta jseħħ dan, ir-ragħaj isir servjent ċivili. U dak hu klerikaliżmu, li hu l-agħar ħażen li jista’ jaħbat għall-Knisja llum.

 

L-inkwiet li ħabbat wiċċu miegħu Benedittu XVI lejn tmim il-papat tiegħu u dak li kien hemm ġo dik il-kaxxa bajda li għaddielek f’Castel Gandolfo, dak x’inhu?

Kampjun normali ħafna tal-ħajja ta’ kuljum fil-Knisja: qaddisin u midinbin, nies onesti u nies korrotti. Kien hemm minn kollox! Kien hemm nies li ġew interrogati u ħarġu nodfa, ħaddiema… Għax hawn, fil-Kurja, għandna qaddisin ta’ veru. Nieħu gost ngħidha din. Nitkellmu wisq malajr dwar il-livell ta’ korruzzjoni fil-Kurja. U hemm nies korrotti. Imma hemm ukoll ħafna qaddisin. Persuni li qattgħu ħajjithom kollha fis-skiet jaqdu lin-nies, minn wara skrivanija, jew f’konverżazzjoni, jew fi studju, biex jiksbu… Hawn ġew hawn kemm qaddisin u kemm midinbin.  Dakinhar, dak li laqatni l-iżjed kien il-memorja kbira li għandu t-twajjeb Benedittu. Hu qalli: “Ara, hawn il-proċess kollu, f’din il-kaxxa”. Envelop darbtejn ikbar minn dan. “Hawn is-sentenzi tal-individwi kollha”. U hawn, “dan u dan, daqshekk”. Kollox kien jiftakar! Memorja straordinarja. U għadu jżommha.

 

Hu f’saħħtu?

Dejjem għall-aħjar, tajjeb. Il-problema tiegħu huma riġlejh. Irid l-għajnuna biex jimxi. Għandu memorja ta’ ljunfant, anki f’dawk li huma dettalji żgħar. Jien nista’ ngħid xi ħaġa u hu jgħidli: “Le, mhux dik is-sena kienet, imma s-sena l-oħra”.

 

X’inhu t-tħassib prinċipali tiegħek dwar il-Knisja u d-dinja b’mod ġenerali?

Dwar il-Knisja, nittama li ma tieqaf qatt tkun qrib. Qrib tan-nies. Il-qrubija. Knisja li mhix qrib mhi Knisja xejn. Hi NGO tajba. Jew organizzazzjoni tajba u qaddisa magħmula minn nies twajbin li jagħmlu l-ġid, jiltaqgħu għat-te u jaħdmu fil-karità… L-ogħla karatteristika tal-Knisja hi l-qrubija tagħha, li l-aħwa jkunu qrib ta’ xulxin. Aħna kollha flimkien nagħmlu l-Knisja. Għalhekk, il-problema li rridu naħarbu hi li nfarrku din il-qrubija lejn xulxin. Il-qrubija bejnietna kollha. Li tkun qrib ifisser tmiss, tmiss lil Kristu fil-ġisem u d-demm tiegħu permezz tal-proxxmu tiegħek. Meta Ġesù jgħidilna kif għad isir ħaqq  minna, f’Mattew 25, dejjem jitkellem dwar li nkunu qrib ta’ ħutna: Kont bil-ġuħ, kont bil-għatx, kont marid… Dejjem inkunu qrib tal-ħtiġijiet tal-proxxmu tagħna. Li mhix sempliċi karità. Hi ħafna iżjed minn hekk.

 

Fid-dinja għandna wkoll il-gwerra. Għandna t-Tielet Gwerra Dinjija f’biċċiet. Dan l-aħħar qed nisimgħu wkoll dwar possibbiltà ta’ gwerra nukleari bħallikieku kienet logħba tal-karti: logħob tal-karti. Dan hu l-ikbar tħassib tiegħi. Jien inkwetat għan-nuqqas ta’ ugwaljanza ekonomika li hawn fid-dinja: il-fatt li grupp żgħir ta’ bnedmin għandu 80% tal-ġid tad-dinja, bl-implikazzjonijiet kollha ta’ dan fuq l-ekonomija likwida, li fiċ-ċentru tagħha għandha l-flus bħala alla, flok il-bniedem. Mela l-kultura tal-iskart.

 

Santità, dwar il-problemi tad-dinja li għadek kemm semmejt, Donald Trump għadu kemm laħaq President tal-Istati Uniti, u d-dinja kollha hi f’tensjoni minħabba f’dan. X’taħseb int?

Jien naħseb li rridu nistennew u naraw. Ma niħux gost li niġri qabel, lanqas li ngħaddi ġudizzju kmieni fuq in-nies. Ħa naraw kif ħa jaġixxi, x’ħa jagħmel, u mbagħad ikolli opinjoni. Imma li nibża’ jew nifraħ minn qabel għal xi ħaġa li tista’ tiġri, fil-fehma tiegħi, mhix ħaġa inelliġenti. Inkunu bħall-profetti li jbassru t-traġedji jew il-ġuħ li mhux sa jseħħu. Issa naraw. Naraw x’ħa jagħmel u mbagħad nifformaw ġudizzju. Dejjem irridu naraw l-ispeċifiku. Il-Kristjaneżmu, jew hu speċifiku jew mhux Kristjaneżmu.

 

Interessanti li l-ewwel ereżija fil-Knisja seħħet dritt wara l-mewt ta’ Ġesù Kristu. L-ereżija Njostika, ikkundannata mill-Appostlu Ġwanni. Li kienet dik li jien insejħilha reliġjożità tad-duħħan, reliġjożità mhux speċifika. Iva, jien, l-ispiritwalità, il-liġi… imma xejn konkret. Le, xejn minn dan. Għandna bżonn tal-ispeċifiku. U mill-ispeċifiku nistgħu naraw x’inhuma l-konsegwenzi. Qed nitilfu s-sens tal-konkret. L-aħħar darba, wieħed ħassieb kien qed jgħidli li din id-dinja tant inqalbet ta’ taħt fuq li għandha bżonn ta’ punt fiss. U dawk il-punti fissi joħorġu mill-konkret. X’għamilt, xi ddeċidejt, kif se timxi. Dak hu li jien nippreferi nistenna ħa nara.

 

M’intix inkwetat dwar dak li smajna sa issa?

Qed nistenna. Alla dam tant jistennieni, bid-dnubiet kollha li għandi…

 

Għall-iktar oqsma tradizzjonalisti, kull bidla, anki jekk hi biss fil-lingwaġġ, tfisser tradiment. Għal tan-naħa l-oħra, xejn qatt mhu biżżejjed. Int għidt li kollox kien ġa miktub fil-qalba tal-Vanġelu. Allura din hi rivoluzzjoni tan-normalità?

Jien nipprova – ma nafx hux jirnexxieli – nagħmel dak li jgħid il-Vanġelu. Dak hu li nipprova. Jiena midneb u mhux dejjem jirnexxieli, imma dak hu li nipprova. L-istorja tal-Knisja ma tmexxietx mit-teologi, jew mis-saċerdoti, mis-sorijiet, jew mill-isqfijiet… Forsi parti minnha, imma l-veri eroj tal-Knisja huma l-qaddisin. Jiġifieri dawk l-irġiel u nisa li ddedikaw ħajjithom biex jagħmlu l-Vanġelu realtà. Dawk huma li salvawna: il-qaddisin. Xi drabi naħsbu li qaddisa tkun xi soru tħares lejn is-sema u taqleb għajnejha. Il-qaddisin huma l-eżempji speċifiċi tal-Vanġelu fil-ħajja ta’ kuljum! U t-teoloġija li tista’ titgħallem mill-ħajja ta’ qaddis hi tal-għaġeb. M’hemmx dubju li t-teologi u r-ragħajja huma meħtieġa. Huma parti mill-Knisja. Imma ħafna drabi nerġgħu lura għal dan: il-Vanġelu. U min huma l-aħjar messaġġiera tal-Vanġelu? Il-qaddisin.

 

Int użajt il-kelma “rivoluzzjoni”. Dik hi rivoluzzjoni! Jiena m’iniex qaddis. Ma jien nagħmel l-ebda rivoluzzjoni. Jien sempliċement qed nipprova nimbutta l-karru tal-Vanġelu. B’mod imperfett, għax nagħmel l-iżbalji tiegħi minn żmien għal żmien.

 

Ma taħsibx li ħafna Kattoliċi jbatu minn xi ħaġa bħas-sindromu ta’ ħu l-iben il-ħali, li jaħsbu li int iktar ħsiebek f’dawk li telqu milli f’dawk li baqgħu u qed jobdu l-kmandamenti tal-Knisja? Niftakar li f’wieħed mill-vjaġġi tiegħek, ġurnalista Ġermaniż staqsiek kif qatt ma titkellem fuq il-klassi tan-nofs, dawk li jħallsu t-taxxi tagħhom…

Hemm żewġ mistoqsijiet hemm. Is-sindromu tal-iben il-kbir: naf li dawk li jħossuhom komdi fl-istruttura tal-Knisja li ma titlobx iżżejjed minnhom jew li għandhom attitudnijiet li jipproteġuhom minn kuntatt żejjed, se jħossuhom skomdi b’kull bidla, b’kull proposta li toħroġ mill-Vanġelu. Jiġini f’moħħi sid il-lukanda fejn is-Samaritan ħa lil dak ir-raġel imsawwat u misruq mill-ħallelin fit-triq. Is-sid kien jafha l-istorja, is-Samaritan kien qallu: kien għadda qassis, ħares lejn il-ħin, ra li kien jinsab tard għat-Tempju u ħalla lir-raġel mitluq hemm, ma riedx iċappas idejh bid-demm għax hekk ma kienx ikun jista’ jiċċelebra skont il-liġi. Għadda wkoll bniedem tal-liġi, ħares u qal: “Aħjar ma nindaħalx, għax nittardja, għada nixhed fil-qorti u… Le, aħjar ma nindaħalx”. Qisu twieled fi Buenos Aires dan, għax dawwar ħarstu band’oħra, bl-islogan tal-belt: “Aħjar ma tindaħalx” [Rajt, ma rajtx; Smajt, ma smajtx]. U mbagħad ġie dan li lanqas kien Lhudi, kien pagan, kien midneb, kien meqjus li ma jiswa xejn, u ħassu mqanqal u għenu jqum. Żgur li s-sid stagħġeb mhux ftit, għax ma kinitx ħaġa normali.

 

Imma l-ġdid tal-Vanġelu jgħaġġibna għax hu essenzjalment skandaluż. San Pawl ikellimna dwar l-iskandlu tas-salib, l-iskandlu tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem. Skandlu tajjeb, għax hu Ġesù wkoll li jikkundanna lil min jagħti skandlu liċ-ċkejknin. Imma l-essenza tal-Vanġelu, bil-kriterji ta’ dawk iż-żminijiet, hi skandaluża. B’kull kriterju tad-dinja, hi essenza skandaluża. Għalhekk is-sindromu tal-iben il-kbir hu s-sindromu ta’ kull min hu komdu żżejjed fil-Knisja, dak li għandu kollox ċar quddiemu, jaf x’għandu jsir u ma jrid lil ħadd jisma’ prietki strambi. Din hi l-ispjegazzjoni għall-martri tagħna: huma taw ħajjithom għall-predikazzjoni ta’ xi ħaġa li kienet iddejjaq lil ħafna.

 

Dik l-ewwel mistoqsija tiegħek. U t-tieni waħda: ma ridtx naqbad u nwieġeb ħabta u sabta lill-ġurnalista Ġermaniż, imma għidtlu: Se naħseb dwarha, jaf għandek raġun… Jien dejjem nitkellem dwar il-klassi tan-nofs, anki jekk ma nsemmihiex. Jien nuża terminu li għaqqdu r-rumanzier Franċiż Malègue, li jitkellem dwar “il-klassi tan-nofs tal-qdusija”. Dejjem nitkellem dwar il-ġenituri, in-nanniet, l-infermiera, in-nies li jgħixu biex jaqdu lill-oħrajn, li jrabbu lil uliedhom, li jaħdmu… Dawk in-nies huma qaddisin bil-kbir! U huma wkoll dawk li jmexxu lill-Knisja ’l quddiem: dawk li jaqilgħu l-għajxien b’dinjità, li jrabbu lil uliedhom, li jidfnu lill-mejtin tagħhom, li jieħdu ħsieb tal-anzjani tagħhom, flok ma jixħtuhom f’xi dar tax-xjuħ, dik hi l-klassi tan-nofs qaddisa tagħna.

 

Minn perspettiva ekonomika, illum, il-klassi tan-nofs qiegħda dejjem tgħib fix-xejn, u hemm ir-riskju li nistkennu fl-għerien ideoloġiċi tagħna. Imma din il-“klassi tan-nofs tal-qdusija”: il-missier, l-omm, li jiċċelebraw il-familja tagħhom, bid-dnubiet u l-virtujiet tagħhom, in-nannu, in-nanna. Il-familja. Fiċ-ċentru. Dik hi l-“klassi tan-nofs tal-qdusija”. Dan kien ħsieb tajjeb ħafna ta’ Malègue, li jikteb sentenza li hi tassew impressjonanti. F’wieħed mir-rumanzi tiegħu, Wistin, ateu jistaqsih: “Imma int temmen li Ġesù Kristu hu Alla?”. Qed jippreżentalu problema: Taħseb int li n-Nazzarenu hu Alla. “Għalija, din mhix problema”, kienet it-tweġiba tal-protagonista, “il-problema kienet tkun kieku Alla ma sarx Kristu”. Dik hi “l-klassi tan-nofs tal-qdusija”.

 

Santità, semmejt l-għerien ideoloġiċi. Xi trid tgħid biha? Xi jħassbek f’dan?

Mhux xi jħassibni. Qed ngħid il-fatti. Wieħed dejjem iħossu iżjed komdu fis-sistema ideoloġika li bena, għax hi astratta.

 

Taħseb li dan żdied fl-aħħar snin?

Dejjem eżista. Ma ngħidx li żdied, għax kien hemm ukoll ħafna diżappunti. Naħseb li kien hemm iżjed minn dan fil-perjodu ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Naħseb. Qatt ma ħsibt daqshekk fuqha. Qed nibni ħsieb issa… Fir-ristorant tal-ħajja dejjem sa jkollok ħafna platti ideoloġiċi. Dejjem. Tista’ wkoll tistkenn f’dan. Huma kenn li jżommok milli tidħol f’kuntatt mar-realtà.

 

Santità, f’dawn is-snin, matul il-vjaġġi tiegħek, rajtek temozzjona ruħek u temozzjona lil ħafna li semgħuk… Ngħidu aħna, niftakar tliet okkażjonijiet speċjali ħafna: f’Lampedusa, meta staqsejtna konniex bkejna man-nisa li tilfu wliedhom fil-baħar; f’Sardegna, meta tkellimt dwar il-qgħad u l-vittmi tas-sistema finanzjarja globali; fil-Filippini, bit-traġedja tat-tfal abbużati. Il-mistoqsijiet tiegħi: Il-Knisja x’tista’ tagħmel dwar dan, x’qed isir, u x’qed jagħmlu l-gvernijiet?

Is-simbolu li pproponejt għall-uffiċċju l-ġdid tal-Immigranti – fl-istruttura l-ġdida, ħadt direttament f’idejja d-dipartiment tal-Immigranti u r-Rifuġjati, b’żewġ segretarji – hi ġakketta tas-salvataġġ oranġjo, bħal dawk li naraw. F’udjenza ġenerali, kien hemm grupp ta’ nies li jaħdmu fis-salvataġġ tar-rifuġjati fil-Mediterran. Jien kont għaddej minn ġo nofshom, insellem lin-nies, u kien hemm raġel b’din f’idejh u nfexx jibki, fuq spallejja, u kompla biex qalli: “Ma rnexxilix, ma rnexxilix nilħaqha, ma rnexxilix”. U meta kkalma ftit, qalli: “Bilkemm kien għad għandha erba’ snin, dik it-tifla. U niżlet. Ħa nagħtik din”. Dan hu simbolu tat-traġedja li qed ngħixu. Iva.

 

Il-gvernijiet qed jagħmlu xi ħaġa?

Kulħadd jagħmel li jista’ jew li jrid. Hu ġudizzju iebes ħafna. Bla dubju, il-fatt li l-Mediterran sar ċimiterju jġagħalna naħsbu.

 

Nixtieq naf jekk tħossx li l-messaġġ tiegħek, il-viżjoni tiegħek dwar il-periferiji, għal dawk li qed ibatu u ntilfu, hi milqugħa, hix forsi msieħba minn magna użata għal ritmu ħafna differenti. Tħoss li int u l-Knisja mexjin b’ritmi differenti? Tħossok protett?

Naħseb li, b’xorti tajba, ir-rispons ġeneralment hu wieħed tajjeb. Tajjeb ħafna. Meta tlabt lill-parroċċi u l-iskejjel f’Ruma biex jilqgħu l-immigranti, ħafna kkummentaw li dan kien falliment. Mhux veru! Ma kien falliment xejn! Persentaġġ għoli tal-parroċċi ta’ Ruma, meta ma kellhomx dar kbira jew kellhom waħda żgħira ħafna, ġagħlu lill-parruċċani tagħhom jikru appartament għal familja ta’ immigranti. Fi skejjel ta’ kunventi, kull fejn kien hemm spazju, laqgħu familja ta’ immigranti… It-tweġiba hi li għamilna ħafna iżjed milli tafu intom, ma qgħadniex inperrċuha. Il-Vatikan għandu żewġ parroċċi u kull parroċċa għandha familja ta’ immigranti. Appartament fil-Vatikan għal familja, u ieħor għall-oħra. Ir-rispons kien kontinwu. Mhux 100%. Ma nafx il-proporzjon. Naħseb aktarx ta’ 50%.

 

Imbagħad hemm il-problema tal-integrazzjoni. Kull immigrant hu problema serja ħafna. Qed jaħarbu minn pajjiżhom, minħabba l-ġuħ u minħabba l-gwerra. U s-soluzzjoni hemm trid tkun. Qed jiġu sfruttati. Ħu l-Afrika: l-Afrika hi s-simbolu tal-isfruttament. Anki meta tawhom l-indipendenza, f’xi pajjiżi, fuq il-qoxra huma indipendenti u sidien ta’ arthom, imma mhux minn taħt. Allura huma dejjem użati u abbużati…

 

Il-politika ta’ kif jiġu milqugħa f’pajjiżi oħra għandha bosta fażijiet. Hemm l-emerġenza: trid tilqagħhom, għax inkella jegħrqu. L-Italja u l-Greċja tawna l-eżempju. Anki issa, l-Italja, bil-problemi kollha tat-terremot u l-bqija, xorta għadha tieħu ħsiebhom. Tilqagħhom. Jaslu l-Italja għax hi l-eqreb xatt, naturalment. Naħseb jaslu wkoll Spanja minn Ceuta. Imma flok jibqgħu Spanja, ħafna minnhom ifittxu li jitilgħu ’l fuq, ifittxu opportunitajiet aħjar.

 

Imma fi Spanja hemm ħajt f’Ceuta u Melilla, ma jistgħux jgħaddu.

Iva, naf. U jridu jmorru fit-tramuntana. Għalhekk il-problema hi: ilqgħuhom, iva, għal xi xhur, agħtuhom akkomodazzjoni. Imma f’xi waqt irid jibda l-proċess ta’ integrazzjoni. Ilqgħu u integraw. Il-mudell għad-dinja kollha hi l-Iżvezja. L-Iżvezja għandha disa’ miljun ruħ. Minn dawk, 890,000 huma “Żvediżi ġodda”, ulied l-immigranti jew immigranti b’ċittadinanza Żvediża. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin – naħseb hi kienet, dik li ġiet takkumpanjani meta tlaqt – hi mara żagħżugħa, bint omm Żvediża u missier minn Gabon. Immigranti. Integrati. Il-problema hi l-integrazzjoni. Min-naħa l-oħra, meta ma jkunx hemm integrazzjoni, jingħalqu f’“ghetto”, u ma jien nagħti t-tort lil ħadd, imma hu fatt li jeżistu ghettos. Forsi ma rrealizzawx mill-ewwel. Iż-żgħażagħ li għamlu l-attroċità ta’ [l-ajruport ta’] Zaventem kienu Belġjani, twieldu l-Belġju. Imma kienu jgħixu fi kwartier tal-immigranti, kwartier magħluq. Għalhekk it-tieni fażi hi l-muftieħ: l-integrazzjoni. Tant hu hekk li x’inhi l-problema l-kbira għall-Iżvezja llum? Mhijiex li ma jridux iżjed immigranti jmorru, le! Il-programmi ta’ integrazzjoni li għandhom mhumiex biżżejjed! Ħsiebhom x’jistgħu jagħmlu iżjed biex jiġbdu iktar nies. Tal-għaġeb! Dak eżempju għad-dinja kollha. U mhu xejn ġdid. Jien għidtha mill-bidu din, wara Lampedusa… Kont naf bl-Iżvezja għax mill-Arġentini, l-Urugwajani, iċ-Ċileni li marru hemm fi żmien id-dittatorjati militari u ġew milqugħa, għandi ħbieb li stkennu hemm u jgħixu hemm. Tmur l-Iżvezja u jagħtuk programm tas-saħħa, u dokumenti, u permess biex toqgħod… U mbagħad ikollok dar, u l-ġimgħa ta’ wara jkollok skola fejn titgħallem il-lingwa, u xi ftit tax-xogħol, u tibda miexi.

 

F’dan ir-rigward, il-komunità ta’ Sant’Eġidju, fl-Italja, hi mudell ieħor. In-nies li ġew miegħi fuq l-ajruplan għal Lesbos, u disgħa oħra li ġew wara. Il-Vatikan hu responsabbli ta’ tnejn u għoxrin, u qed nieħdu ħsiebhom, u bil-mod il-mod qed isiru indipendenti. L-għada, it-tfal kienu qed imorru l-iskola. L-għada! U l-ġenituri naqra naqra qed jissetiljaw, f’appartament, bi ftit tax-xogħol hemm, ftit hawn… Hemm min qed jgħallimhom il-lingwa… Ta’ Sant’Eġidju għandhom l-istess attitudni. Għalhekk, il-problema hi: salvataġġ urġenti, naturalment, għal kulħadd. It-tieni: nirċievu, nilqgħu bl-aħjar mod possibbli. Wara, nintegraw.

 

Santità, nofs seklu għadda minn meta kważi seħħ kollox. Il-Konċilju Vatikan II, il-vjaġġ ta’ Pawlu VI lejn l-Art Imqaddsa u t-tgħanniqa tiegħu mal-Patrijarka Atenagora. Xi wħud jgħid li biex issir taf lilek, trid issir taf lil Pawlu VI. Sa ċertu punt hu kien il-Papa li baqa’ mhux apprezzat. Int ukoll tħossok hekk, Papa skomdu?

Le, le. Nemmen li minħabba ħtijieti għandhom jagħtu kasi inqas. Pawlu VI kien il-martri mhux apprezzat. (…) L-Evangelii gaudium, li tiġbor il-prinċipji pastorali li jien nixtieq għall-Knisja, hi aġġornament tal-Evangelii nuntiandi ta’ Pawlu VI. Hu bniedem li mexa qabel l-istorja. U bata ħafna. Kien martri. Kien hemm ħafna ħwejjeġ li ma rnexxilux jagħmel, kien persuna realistika u kien jaf li ma setax u bata mħabba hekk, imma offra t-tbatija tiegħu. Għamel kulma seta’. U l-aħjar ħaġa li għamel kienet li żera’ ż-żerriegħa. Iż-żerriegħa ta’ ħwejjeġ li l-istorja ħasdet wara. L-Evangelii gaudium hi taħlita tal-Evangelii nuntiandi u d-Dokument ta’ Aparecida. Ħwejjeġ li żviluppaw minn isfel. L-Evangelii nuntiandi hi l-aqwa dokument pastorali wara l-Konċilju, u għadha tgħodd sal-lum. Ma nħossnix injorat. Inħossni akkumpanjat minn kull xorta ta’ nies, żgħażagħ, anzjani… Hemm xi wħud li ma jaqblux miegħi, naturalment, u għandhom dritt, għax, kieku kelli nħossni ħażin għax xi ħadd ma jaqbilx miegħi, kien ikolli fija l-mikrobu ta’ dittatur. Għandhom id-dritt ma jaqblux. Għandhom id-dritt jaħsbu li t-triq hi perikuluża, li r-riżultat jista’ jkun ħażin, għandhom dritt. Imma dan biss jekk jitkellmu, jekk ma jinħbewx wara oħrajn. Ħadd m’għandu dritt jagħmel hekk. Li tinħeba wara oħrajn mhux uman, hu krimini. Kulħadd għandu d-dritt jiddibatti, u nixtieq li kieku kollha kemm aħna niddibattu iżjed, għax dan iwassal għal rabta iktar trankwilla bejnietna. Id-dibattitu jgħaqqadna. Dibattitu bi skop tajjeb, mhux bit-tgħajjir u affarijiet simili.

 

Lanqas mal-poter ma tħossok skomdu?

Imma jien m’għandix poter. Il-poter hu ħaġa maqsuma bejn ħafna. Il-poter jeżisti meta nieħdu deċiżjonijiet li ġew immeditati, mitkellma, mitluba, it-talb jgħin ħafna, hu ta’ sapport kbir għalija. Ma nħossnix skomdu mal-poter. Inħossni skomdu b’ċerti protokolli, imma dak għax jien ġej mit-toroq.

 

Int ilek ma tara t-televiżjoni ħamsa u għoxrin sena issa, u smajt li qatt ma kont tniżżilhom daqshekk lill-ġurnalisti. Imma sadattant tajt wiċċ ġdid lis-sistema tal-komunikazzjoni tal-Vatikan, għamiltha professjonali u dikasteru għaliha. Il-midja hi hekk importanti għall-Papa? Hemm theddida kontra l-libertà tal-istampa? Tista’ l-midja soċjali tkun ta’ detriment għal-libertà tal-individwu?

Ma narax televiżjoni. Sempliċement ħassejt li Alla kien qed jitlob dan minni. Fis-16 ta’ Mejju 1990 għamiltlu dik il-wegħda, u ma nerġax lura minnha. Ġieli mort fiċ-ċentru televiżiv maġenb il-Kurja biex nara xi films li kont interessat nara, li ħassejt li jiswew għall-messaġġ tiegħi. Kont inħobb nara l-films, kont studjajt ħafna fuq iċ-ċinema, speċjalment iċ-ċinema Taljan ta’ wara l-Gwerra, ir-realiżmu Taljan, u d-direttur Pollakk Wajda, u Kurosawa, u bosta diretturi Franċiżi. Imma li ma narax televiżjoni ma żammnix milli nikkomunika. Li ma narax televiżjoni kienet deċiżjoni personali, xejn aktar. Il-komunikazzjoni tiġi minn Alla. Alla jikkomunika. Alla kkomunika magħna tul l-istorja. Alla ma jeżistix maqtugħ għalih waħdu. Alla jikkomunika, u tkellem, u mexa magħna, u sfidana, u ġagħalna nibdlu r-rotta, u għadu magħna. Ma tistax tifhem it-teoloġija Kattolika mingħajr il-komunikazzjoni ta’ Alla. Alla mhux xi ħaġa statika hemm fuq, iħares lejn il-bnedmin jarahom igawdu jew jeqirdu lilhom infushom. Alla jinvolvi ruħu, bil-kelma u bil-ġisem tiegħu. U dan hu mnejn nitlaq jien. Ninkwieta ftit meta l-midja tal-massa ma tesprimix ruħha b’ethos tagħha. Ngħidu aħna, hemm modi ta’ komunikazzjoni li, flok jgħinu, idgħajfu l-għaqda. Każ sempliċi. Familja li waqt l-ikel ma titkellimx ma’ xulxin, għax qed tara t-televiżjoni jew it-tfal bil-mowbajls f’idejhom, jibagħtu l-messaġġi lil nies li qegħdin xi mkien ieħor. Meta l-komunikazzjoni titlef il-ġisem, l-element uman, u ssir likwida, issir perikuluża. Importanti ħafna għall-familji li jikkomunikaw, għan-nies li jikkomunikaw, u anki bil-mod l-ieħor. Il-komunikazzjoni virtwali hi għanja ħafna, imma hemm riskju jekk tibqa’ nieqsa mill-komunikazzjoni umana, normali, li tista’ tmissha b’idejk. L-element konkret tal-komunikazzjoni hu li sa jmexxi l-element virtwali fit-triq it-tajba. Kif naraw, l-ispeċifiku mhux negozjabbli, f’kollox. M’aħniex anġli, aħna individwi konkreti. Il-komunikazzjoni hi muftieħ u trid timxi ’l quddiem. Hemm ir-riskji, bħal f’kollox. Irridu nagħmlu l-bidliet. Imma l-komunikazzjoni ġejja minn Alla. Hemm in-nuqqasijiet. Tkellimt dwar id-dnubiet tal-komunikazzjoni f’lekċer li tajt fl-ADEPA, fi Buenos Aires, l-assoċjazzjoni li tiġbor flimkien il-pubblikaturi Arġentini. Il-president stedinni għal ikla li fiha tajt din it-taħdita. Urejt x’inhuma d-dnubiet tal-komunikazzjoni u għidtilhom: Tagħmluhomx, għax intom għandkom teżor kbir f’idejkom. Illum, li tikkomunika hi ħaġa divina, dejjem kienet, għax Alla jikkomunika, u hi umana, għax Alla kkomunika b’mod Uman. Għalhekk, għal fini funzjonali, hemm dikasteru, biex jagħti direzzjoni. Imma hi ħaġa funzjonali. Dan mhux għax li tikkomunika hu importanti llum biss. Il-komunikazzjoni hi essenzjali għall-bniedem, għax hi essenzjali għal Alla.

 

Il-magna diplomatika tal-Vatikan taħdem mill-aħjar. Kemm Barack Obama u Raúl Castro rringrazzjawha pubblikament għall-ħidma tagħha fit-tqarrib bejniethom. Imma, hemm każi oħra bħall-Veneżwela, il-Kolumbja u l-Lvant Nofsani, li baqgħu bblukkati. Fl-ewwel każ, il-partijiet sa anki jikkritikaw il-medjazzjoni tal-Vatikan. Tibża’ li l-immaġni tal-Vatikan tista’ tbati minħabba f’hekk? X’istruzzjonijiet tagħti f’każi bħal dawn?

Nitlob lill-Mulej jagħtini l-grazzja li ma nieħu l-ebda miżura minħabba l-immaġni. L-onestà, is-servizz, dawk huma l-kriterji. Ma naħsibx li billi ninżebgħu xi ftit, din tkun idea tajba. Xi drabi tiżbalja, l-immaġni tiegħek tmur minn taħt, imma ma jimpurtax sakemm kien hemm rieda tajba. L-istorja wara għad tiġġudikana. U hemm prinċipju, ċar ħafna għalija, li għandu jmexxi kollox kemm fl-azzjoni pastorali u fid-diplomazija Vatikana: aħna medjaturi, iktar milli intermedjarji. Aħna nibnu l-pontijiet, mhux il-ħitan. X’inhi d-differenza bejn medjatur u intermedjarju? L-intermedjarju hu dak li, ngħidu aħna, ikollu negozju tal-bejgħ tad-djar, ifittex xi ħadd li jrid ibigħ dar u xi ħadd li jrid jixtriha, biex jilħqu ftehim, hu jieħu l-kummissjoni, jagħti servizz tajjeb, imma dejjem ħa jieħu xi ħaġa minnu, u ġustament, għax dak xogħlu. Il-medjatur hu dak li jrid jaqdi liż-żewġ partijiet u jrid liż-żewġ partijiet jirbħu anki jekk hu jitlef. Id-diplomazija Vatikana trid tkun medjatur, mhux intermedjarju. Jekk, fl-istorja, xi drabi mmanuvrat jew organizzat laqgħa li mliet il-bwiet tagħha, dak kien dnub gravi ħafna. Il-medjatur jibni pontijiet li mhumiex għalih, imma għal oħrajn biex jaqsmu minn fuqhom, jimxu fuqhom. U ma jżommx flus. Jibni l-pont u mbagħad jitlaq. Għalija dik hi l-immaġni tad-diplomazija Vatikana. Medjaturi, iktar milli intermedjarji. Bennejja tal-pontijiet.

 

Id-diplomazija Vatikana għandha f’moħħha timxi lejn iċ-Ċina fi żmien qasir?

Fil-fatt, hemm kumitat li ilu s-snin jaħdem maċ-Ċina, jiltaqgħu kull tliet xhur, darba hawn u darba f’Beijing. Hemm ħafna taħditiet maċ-Ċina. Iċ-Ċina dejjem għandha dik l-arja ta’ misteru li jaffaxxina. Xahrejn jew tlieta ilu kellhom il-wirja ta’ biċċiet mill-Mużew tal-Vatikan f’Beijing, u baqgħu kuntenti ħafna dwarha. U s-sena d-dieħla se jiġu l-Vatikan bl-esebiti tagħhom.

 

U int għadek iddum ma tmur iċ-Ċina?

Malli jistednuni, immur. Dan jafuh huma. Barra minn hekk, fiċ-Ċina l-knejjes huma ppakkjati. Fiċ-Ċina jistgħu jqimu liberament.

 

Kemm fl-Ewropa u fl-Amerika, ir-riperkussjonijiet tal-kriżi li ma tintemm qatt, l-inugwaljanzi dejjem jikbru, in-nuqqas ta’ tmexxija b’saħħitha qed iwasslu għal gruppi politiċi li jirriflettu t-tensjoni taċ-ċittadini. Xi wħud minnhom – l-hekk imsejħa anti-sistema jew populisti – jisfruttaw bl-aħjar mod il-biżgħat f’wiċċ futur inċert biex isawru messaġġ mimli xenofobija u mibegħda kontra l-barrani. Il-każ ta’ Trump hu l-iktar notevoli, imma hemm oħrajn bħal fl-Awstrija u l-Iżvizzera. Ibeżżgħek dan il-fenomenu?

Dan hu li huma jsejħu populiżmu. Li hu terminu ekwivoku, għax, fl-Amerika Latina, il-populiżmu għandu tifsira oħra. Fl-Amerika Latina jfisser li l-poplu – ngħidu aħna, il-movimenti popolari – hu l-protagonista. Jorganizzaw ruħhom bejniethom, dik ħaġa oħra. Meta bdejt nisma’ bil-populiżmu fl-Ewropa, ma stajtx nifhem mill-ewwel x’inhu, ħassejtni mitluf, sakemm intbaħt li kellu tifsiriet oħra. Il-kriżijiet iqanqlu l-biża’, l-allarm. Fil-fehma tiegħi, l-iktar eżempju ovvju ta’ populiżmu Ewropew hu l-Ġermanja fl-1933. Wara [Paul von] Hindenburg, wara l-kriżi tal-1930, il-Ġermanja tkissret, riedet terġa’ lura fuq saqajha, biex issib l-identità tagħha, mexxej, xi ħadd kapaċi jroddilha l-karattru tagħha, u jinqala’ dan ir-raġel fl-aħjar tiegħu jismu Adolf Hitler li jgħidilha: “Jien nista’, nista’”. U l-Ġermaniżi kollha jivvutaw lil Hitler. Hitler ma seraqx poter, il-poplu tiegħu vvutalu, u mbagħad hu qered lill-poplu tiegħu. Dak hu r-riskju. Fi żminijiet ta’ kriżi, jonqosna l-ġudizzju, u dik għalija hi referenza kostanti. Ejjew infittxu salvatur li jagħtina lura l-identità tagħna u ejja niddefendu ruħna bil-ħitan, bil-barbed wire, ikun xi jkun, minn popli oħra li jistgħu jisirqulna l-identità tagħna. U din hi ħaġa serja ħafna. Għalhekk jien dejjem nipprova ngħid: Tkellmu bejnietkom, kellmu lil xulxin. Imma l-każ tal-Ġermanja fl-1933 hu tipiku, poplu li kien mitluf fi kriżi, li kien qed ifittex l-identità tiegħu sakemm ġie dan il-mexxej kariżmatiku u wegħedhom li jroddilhom l-identità, u tahom identità mgħawġa, u lkoll nafu x’ġara wara. Fejn m’hemmx djalogu… Jistgħu l-fruntieri jiġu kkontrollati? Iva, kull pajjiż għandu d-dritt jikkontrolla l-fruntieri tiegħu, min jidħol u min joħroġ, u dawk il-pajjiżi f’riskju – tat-terroriżmu jew ħwejjeġ bħal dawn – iktar għandhom id-dritt li jikkontrollawhom iżjed, imma l-ebda pajjiż m’għandu d-dritt iċaħħad liċ-ċittadini tiegħu mill-possibbiltà li jitkellmu mal-popli ġirien tagħhom.

 

Santità, fl-Ewropa tal-lum int tara xi sinjal ta’ dik il-Ġermanja tal-1933?

M’iniex espert, imma dwar l-Ewropa tal-lum nirreferik għat-tliet diskorsi li għamilt. It-tnejn fi Strasbourg u t-tielet wieħed fl-okkażjoni tal-Premju Karlumanju, l-uniku premju li aċċettajt għax insistewli minħabba s-sitwazzjoni li tinsab fiha l-Ewropa, u aċċettajtu b’sens ta’ servizz. Dawk it-tliet diskorsi fihom x’naħseb jien fuq l-Ewropa.

 

Il-korruzzjoni hi d-dnub il-kbir ta’ żmienna?

Hi dnub kbir. Imma naħseb li ma rridux naħsbu li aħna storikament esklussivi. Dejjem kien hawn il-korruzzjoni. Dejjem. Hawn. Jekk taqra fuq l-istorja tal-Papiet, għandek issib xi skandli ħelwin… Biex insemmi dari u mhux noqgħod nitkellem fuq l-oħrajn. Hemm eżempji ta’ pajjiżi ġirien fejn kien hemm korruzzjoni, imma ħa nibqa’ fuq tiegħi. Kien hawn il-korruzzjoni hawn. Ħafna. Biżżejjed taħseb fil-Papa Alessandru VI, u Lucrezia bit-“tejiet” ivvelenati tagħha.

 

X’tisma’ minn Spanja? Kif tisma’ li qed jilqgħu l-messaġġ, il-missjoni u l-ħidma tiegħek fi Spanja?

Dak li għadni kemm qlajt minn Spanja huma xi polvorones [shortbread] u turrón de Jijona [qubbajd] li se naqsam mal-oħrajn.

 

Ħa ħa. Fi Spanja għaddej dibattitu jaħraq ħafna fuq il-lajċiżmu u r-reliġjożità, kif taf…

Jaħraq ħafna…

 

X’jidhirlek dwaru? Possibbli li l-proċess tal-lajċiżmu, fl-aħħar mill-aħħar, jixħet lill-Knisja Kattolika fuq il-bankina?

Tkellmu. Dak hu l-parir li jien nagħti lil kull pajjiż. Nitlobkom, tkellmu. Konverżazzjoni fraterna, jekk tħossu li tistgħu tagħmluha, jew tal-inqas b’mod ċivilizzat. Tixħtux l-insulti lejn xulxin. Tikkundannawx qabel titkellmu. Jekk, wara l-konverżazzjoni, xorta tridu tinsultaw lil xulxin, sew, imma l-ewwel tkellmu. Jekk, wara l-konverżazzjoni, xorta tridu tikkundannaw lil xulxin, kollox sew, imma l-ewwel tkellmu. Illum, bil-livell ta’ żvilupp uman, ma tistax timmaġina politika mingħajr diskussjoni. U dan japplika għal Spanja u għal kullimkien. Mela, jekk titlobni parir għall-poplu Spanjol, ngħidlek: Tkellmu. Jekk hemm problemi, l-ewwel, tkellmu.

 

Ma nistagħġbux li fl-Amerika Latina kliemek u d-deċiżjonijiet tiegħek qed isegwuhom b’interess speċjali. Kif tħares lejn il-kontinent? Kif tara lil pajjiżek?

Il-problema hi li l-Amerika Latina qed tbati mill-effetti – li jien għafast fuqhom fil-Laudato sì – ta’ sistema ekonomika li għandha l-alla flus fiċ-ċentru tagħha, u dan ifisser politika li twassal għal ħafna esklużjoni. Li twassal għal ħafna tbatija. Ħaġa ovvja li l-Amerika Latina llum hi fil-mira ta’ attakk qawwi mil-liberaliżmu ekonomiku, dak li jien nikkundanna fl-Evangelii gaudium meta ngħid li “din l-ekonomija toqtol”. Toqtol bil-ġuħ, toqtol bin-nuqqas ta’ kultura. L-immigrazzjoni hi mifruxa mhux biss mill-Afrika sa Lampedusa jew Lesbos. L-immigrazzjoni hi mifruxa mill-Panama għall-fruntiera Messikana mal-Istati Uniti. In-nies temigra biex tfittex xi ħaġa aħjar. Għax is-sistemi liberali ma jagħtuhomx opportunitajiet ta’ xogħol u jżidu l-kriminalità. Fl-Amerika Latina hemm il-problema tal-konsorzji tad-drogi, drogi kkonsmati fl-Istati Uniti u fl-Ewropa. Jagħmluhom għall-pajjiżi sinjuri ta’ hawn, u jitilfu ħajjithom fil-proċess. U hemm dawk li dan jagħmluh mill-qalb. F’pajjiżi għandna terminu biex infissruhom: cipayos [sepoy]. Hi kelma klassika, litterali, imdaħħla fil-poeżija nazzjonali tagħna. Iċ-cipayo hu dak li jbigħ art twelidu lil dik il-qawwa barranija li tħallsu l-iżjed. Fl-istorja tal-Arġentina, ngħidu aħna, dejjem kellna xi cipayo fost il-politiċi. Jew xi pożizzjoni politika denja taċ-cipayos. Dejjem. Għalhekk l-Amerika Latina trid terġa’ tarma ruħha bi gruppi politiċi li jerġgħu jsaħħu lill-poplu. L-ikbar eżempju għalija hu l-Paragwaj wara l-gwerra. Il-pajjiż tilef il-Gwerra tal-Alleanza Triplika u tħalla kważi kollu f’idejn in-nisa. U l-mara Paragwajana ħasset li kellha terġa’ tibni n-nazzjon, tiddefendi l-fidi tagħhom, tiddefendi l-kultura tagħhom u tiddefendi l-lingwa tagħhom, u rnexxielha. Il-mara Paragwajana. Ma kinitx cipaya, hi ddefendiet dak li kien tagħha, billi ssagrifikat kulma kellha, imma ddefendietu, u reġgħet imliet il-pajjiż. Naħseb li hi l-aktar mara glorjuża fl-art Amerikana. Dan hu l-każ ta’ pożizzjoni li qatt ma mejlet rasha. Ta’ eroiżmu. Fi Buenos Aires hemm kwartier, fuq ix-xatt ta’ Río de la Plata, fejn it-toroq iġibu l-ismijiet ta’ nisa patrijottiċi, nisa li ġġieldu għall-indipendenza, għal art twelidhom. In-nisa għandhom iżjed sens. Forsi qed nesaġera. Mela, ħa nesaġera. Ikkoreġini. Imma n-nisa iħossuhom miġbudin aktar biex jiddefendu arthom għax huma ommijiet. Huma inqas cipayas. Jirriskjaw inqas li jkunu cipayas.

 

Għalhekk tweġġa’ ħafna tara l-vjolenza fuq in-nisa, li hi saħta kbira fl-Amerika Latina u f’tant postijiet oħra…

Kullimkien. Fl-Ewropa… Fl-Italja, ngħidu aħna, żort organizzazzjonijiet li jsalvaw il-prostituti nisa li qed jiġu sfruttati minn Ewropej. Waħda minnhom qaltli li kienu ġabuha mis-Slovakkja fil-bagoll ta’ karozza. Qalulha: Trid taqla’ dan l-ammont illum, u jekk ma ddaħħalx daqstant, insawtuk. Sawtuha. F’Ruma? F’Ruma. Iċ-ċirkustanzi ta’ dawn in-nisa, f’Ruma, ibeżżgħuk. Fid-dar li żort jiena, kien hemm mara li kienu qatgħulha widintha barra. Meta ma jaqilgħux biżżejjed, jittorturawhom. U jispiċċaw bħal f’morsa għax imbeżżgħin, dawk li jabbużaw minnhom jgħidulhom li se joqtlulhom lill-ġenituri tagħhom. Albaniżi, Niġerjani, anki Taljani. Ħaġa tassew tajba li tagħmel din l-assoċjazzjoni hi li tinżel fit-toroq, jersqu lejn dawn in-nisa, u flok jistaqsuhom kemm se jeħdulhom, kemm jiswew, jistaqsuhom: Kemm qed tbati? U jeħduhom f’komunità sigura biex jistgħu jfiqu. Is-sena l-oħra, jien żort waħda minn dawn il-komunitajiet ta’ xebbiet li qed ifiqu, u kien hemm żewġt irġiel, żewġ voluntiera. U waħda min-nisa qaltli: Sibtu. Kienet iżżewġet lir-raġel li salvaha u kienu qed jistennew li jkollhom tarbija. L-użu tal-mara hu waħda mill-agħar affarijiet li qed iseħħu, anki f’Ruma. Il-mara hi skjava.

 

Ma taħsibx li, wara t-tentattiv fallut tat-Teoloġija Liberali, il-Knisja Kattolika tilfet ħafna punti li rebħuhomlha denominazzjonijiet jew anki setet oħra? X’inhi r-raġuni?

It-Teoloġija tal-Liberazzjoni kienet pożittiva ħafna għall-Amerika Latina. Il-Vatikan ikkundanna l-parti li adottat l-analiżi Marxista tar-realtà. Il-Kardinal Ratzinger mexxa żewġ investigazzjonijiet meta kien Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Waħda, ċara ħafna, dwar l-analiżi Marxista tar-realtà. U t-tieni waħda li rkuprat xi aspetti pożittivi. It-Teoloġija tal-Liberazzjoni kellha aspetti pożittivi u anki devjazzjonijiet, l-aktar fil-parti tal-analiżi Marxista tar-realtà.

 

Dwar ir-relazzjoni tiegħek mal-Arġentina. Fl-aħħar tliet snin, il-Vatikan sar destinazzjoni ta’ pellegrinaġġi għal politiċi ta’ kull lewn. Ħassejtek użat?

Eħ, iva. Xi wħud jgħidu: Ħa nieħdu ritratt flimkien, bħala tifkira, u nwiegħdek li sa nżommu biss għall-użu personali tiegħi, mhux sa nippubblikah. U qabel ma joħroġ mill-bieb diġà jkun ippubblikat. [Jitbissem]. Jekk din il-ħaġa tagħmlu ferħan, dik problema tiegħu. Il-kwalità tiegħu bħala persuna tonqos. Min juża lil ħaddieħor hu persuna fqira. X’nista’ nagħmel! Problema tiegħu, mhux tiegħi. Ikun hemm ħafna Arġentini fl-udjenza ġenerali. Fl-Arġentina dejjem kien hemm ħafna nies jivvjaġġaw, imma llum, li wieħed jiġi għall-udjenza ġenerali tal-Papa sar kważi obbligu. [Jidħak]. Hemm ukoll dawk li jiġu u huma ħbieb tiegħi – jien għext għal sitta u sebgħin sena fl-Arġentina –, xi drabi tal-familja, bosta neputijiet. Imma iva, ħassejtni użat, hemm persuni li użawni, ir-ritratti tiegħi, il-kliem tiegħi, bħallikieku kont għidtilhom xi ħaġa, u meta xi ħadd jistaqsini, dejjem inwieġbu: Dik mhix biċċa tiegħi, jien m’għidt xejn minn dan. Imma mhux ħa nidħol fiha. Kulħadd jara l-kuxjenza tiegħu.

 

Suġġett frekwenti hu r-rwol tal-lajċi u, fuq kollox, tan-nisa fil-Knisja. Ix-xewqa tiegħek hi li jkollhom influwenza ikbar u anki rwol fid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Dawk huma x-xewqat tiegħek. Sa fejn taħseb li tista’ tasal?

Ma rridux inħarsu lejn ir-rwol tan-nisa minn perspettiva funzjonali, għax b’dak il-mod, fl-aħħar mill-aħħar, in-nisa, jew il-moviment tan-nisa fil-Knisja, jispiċċa jkun għamla ta’ xoviniżmu liebes dublett. Le. Hi ħaġa wisq iżjed importanti minn esiġenza funzjonali. L-aspett funzjonali jgħodd ukoll. Id-Deputat Direttur tas-Sala Stampa tal-Vatikan hi mara, id-Direttur tal-Mużew tal-Vatikan hi mara. L-aspett funzjonali jiswa. Imma dak li jimpurtani l-aktar hu li n-nisa jagħtuna l-ħsieb tagħhom, għax il-Knisja hi femminili, hi l-għarusa ta’ Ġesù Kristu, u dik hi l-bażi teoloġika tan-nisa. Meta jistaqsuni, jien ngħid iva, imma n-nisa jista’ jkollhom iżjed. Imma min kien l-iktar importanti f’Għid il-Ħamsin, il-Verġni Mbierka jew l-Appostli? Il-Verġni Mbierka. L-aspett funzjonali jista’ jittradina meta nqiegħdu lill-mara f’postha. Dan irridu nagħmluh ukoll, bla dubju. Għax għad għandna triq twila quddiemna, u rridu naħdmu biex nagħtu lill-Knisja l-freskezza ta’ dak li hi u li taħseb.

 

F’xi vjaġġi, smajtek tindirizza lin-nies tal-Knisja, kemm mill-Kurja Rumana u kemm mill-ġerarkiji lokali jew anki saċerdoti u sorijiet komuni, u titlob minnhom iktar impenn, iktar qrubija, anki iktar umoriżmu. Kif taħseb li jilqgħu dawn il-pariri, dak iċ-ċanfir?

Ħaġa li niffoka fuqha hi dejjem il-qrubija. U ġeneralment tintlaqa’ tajjeb. Dejjem hemm gruppi iżjed fundamentalisti, f’kull pajjiż, fl-Arġentina. Huma gruppi żgħar u nirrispettahom, huma nies tajbin li jippreferu jgħixu l-fidi tagħhom b’dak il-mod. Jiena nipprietka dak li l-Mulej jitlobni nipprietka.

 

Fl-Ewropa dejjem qed jiżdiedu s-saċerdoti u sorijiet ġejjin mill-hekk imsejħa Tielet Dinja. X’inhi r-raġuni għal dan?

Mija u ħamsin sena ilu, fl-Amerika Latina, kien hemm ħafna iktar saċerdoti u sorijiet Ewropej, l-istess fl-Afrika u fl-Asja. Il-Knejjes iż-żgħar kibru. Fl-Ewropa m’hemmx twelidijiet ġodda. L-Italja għandha rata tat-twelid taħt iż-żero. Naħseb li Franza qiegħda quddiem nett issa, grazzi għal-liġijiet kollha fuq ir-rata tat-twelid. Imma mhumiex jitwieldu tfal. Is-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ snin ilu fl-Italja baxxiet ir-rata tat-twelid. Nippreferu mmorru għal vaganza, ikollna kelb, qattusa; ma nġibux tfal, u jekk ma jkollniex twelidijiet, ma jkollniex vokazzjonijiet.

 

Fil-konċistorju int ħloqt kardinali mid-dinja kollha. Kif tixtiequ jkun il-konklavi li jmiss, dak li ħa jaħtar is-suċċessur tiegħek? Santità, taħseb li int sa tara jseħħ il-konklavi li jmiss?

Irridu jkun Kattoliku. Konklavi Kattoliku li jagħżel is-suċċessur tiegħi.

 

U int ħa tarah?

Ma nafx. Dak Alla jiddeċidih. Meta nħoss li ma nistax nibqa’ sejjer, l-għalliem kbir tiegħi Benedittu għallimni x’għandi nagħmel. U, jekk Alla jeħodni qabel dan iseħħ, narah mill-ħajja li ġejja. Nittama li ma jkunx mill-Infern… Imma nixtiequ jkun konċistorju Kattoliku.

 

Jien narak kuntent ħafna li int Papa.

Il-Mulej hu twajjeb u għadu ma ħadlix l-umoriżmu tiegħu.

 

 

miġjuba mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard