Padre Lombardi
Mela, Santità, merħba f’din il-komunità ta’ ġurnalisti li qed jivvjaġġaw miegħek. Għandna ġurnata twila quddiemna. Il-kollegi tagħna ta’ l-inqas ilhom fuq saqajhom erba’ sigħat biex bdew il-ġurnata, ġew hawn, ħejjew ruħhom… U nafu li jonqos ħdax-il siegħa oħra f’Sarajevo u mbagħad it-titjira lura. Allura ħa tkun ġurnata mimlija. Imma għalik sa tkun iktar impenjattiva milli ħa tkun għalina. Għalhekk aħna se nsegwuk b’ħafna mħabba u nfittxu li nikkollaboraw ma’ din il-missjoni hekk sabiħa ta’ paċi, li int trid twettaq.
Qegħdin 65 bejn ġurnalisti, fotografi, cameramen u l-bqija, minn għaxar pajjiżi differenti u bejn tmien u disa’ lingwi differenti: mela għandna rappreżentanza sabiħa. U ħafna oħra qed jistennewna Sarajevo.
Għalhekk, il-ħidma t-tajba għal din il-missjoni tiegħek. Nawgurawlek minn qalbna u nitolbuk taqsam magħna ħsieb ċkejken, fil-bidu ta’ din il-ġurnata ta’ ħidma għalik.
Il-Papa Franġisku
L-għodwa t-tajba! Nirringrazzjakom ta’ din il-preżenza tagħkom, tal-ħidma tagħkom tul dan il-vjaġġ li m’hux twil wisq, bilkemm ġurnata… Imma grazzi ta’ dak kollu li tagħmlu.
Sarajevo hi msejħa Ġerusalemm tal-Punent, hi belt ta’ kulturi reliġjużi u etniċi tant differenti minn xulxin; hi wkoll belt li batiet ħafna fl-istorja u issa tinsab f’mixja sabiħa ta’ paċi.
U propju biex nitkellem dwar dan li jien qed nagħmel dan il-vjaġġ: bħala sinjal ta’ paċi u bħala talba ta’ paċi.
Nirringrazzjakom tal-kumpanija tagħkom.
Qed jgħiduli li jkun aħjar li nsellem lil kull wieħed u waħda minnkom wara, għax irrid nieħu l-kolazzjon u l-ħin hu qasir… Hawn il-“pulizjotti” hekk qed jgħiduli! Issa nsellmilkom kollha u mbagħad fi triqitna lura jkolli l-ħin li nsellem lil kull wieħed u waħda minnkom. Grazzi ħafna! Grazzi tal-kumpanija!
Padre Lombardi
Grazzi lilek, Santità, il-ġurnata t-tajba u l-Mulej ikun miegħek u jbierkek. Grazzi!
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard