VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FL-EMIRATI GĦARAB MAGĦQUDA

(3-5 TA’ FRAR 2019)

 

LAQGĦA INTERRELIĠJUŻA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Founder’s Memorial (Abu Dhabi)

It-Tnejn 4 ta’ Frar 2019

 

Al Salamò Alaikum! Is-sliem għalikom!

 

Nirringrazzja minn qalbi lill-Altezza Tiegħu x-Xejk Mohammed bin Rashid Al Maktoum u lil Dr Ahmad Al-Tayyib, l-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar, għall-kelmtejn tagħhom. Ninsab grat ħafna lejn il-Kunsill tal-Anzjani għal-laqgħa li kellna ftit ilu, fil-Moskea tax-Xejk Zayed.

 

Minn qalbi nsellem ukoll lis-Sur Abd Al-Fattah Al-Sisi, President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, art ta’ Al-Azhar. Insellem minn qalbi lill-Awtoritajiet ċivili u reliġjużi u lill-Korp diplomatiku. Ippermettuli wkoll ħajr sinċier għal-laqgħa sabiħa li kellna mingħand kulħadd kemm jien u kemm id-delegazzjoni tiegħi.

 

Nirringrazzja wkoll lill-persuni kollha li taw sehemhom u għamlu possibbli dan il-vjaġġ u li ħadmu b’dedikazzjoni, ħeġġa u professjonalità għal dan l-avveniment: l-organizzaturi, il-personal tal-Protokoll, dak tas-Sigurtà u dawk kollha li b’ħafna modi taw sehemhom “minn wara l-kwinti”. Grazzi speċjali lis-Sur Mohamed Abdel Salam, li kien kunsillier tal-Imam il-Kbir.

 

Minn pajjiżkom nixtieq nindirizza lill-pajjiżi kollha ta’ din il-peniżula, li nixtieq bi mħabba u stima kbira nsellmilhom minn qalbi.

 

B’qalb rikonoxxenti lejn il-Mulej, fit-tmien ċentinarju tal-laqgħa bejn San Franġisk ta’ Assisi u s-Sultan al-Malik al-Kāmil, ħtaft l-opportunità li niġi hawn bħala bniedem tal-fidi għatxan għall-paċi, bħala ħukom li qed ifittex il-paċi flimkien mal-aħwa l-oħra. Nixtiequ l-paċi, qed inħabirku għall-paċi, irridu nkunu strumenti tal-paċi: għal dan ġejna hawn.

 

Il-logo ta’ dan il-vjaġġ juri ħamiema b’fergħa taż-żebbuġ f’munqarha. Hi xbieha li tfakkarna fir-rakkont tad-dilluvju tal-bidu, preżenti f’diversi tradizzjonijiet reliġjużi. Skont ir-rakkont bibliku, biex jeħles lill-umanità mill-qerda Alla talab lil Noè jidħol fl-arka flimkien mal-familja tiegħu. Aħna wkoll illum, f’isem Alla, biex inħarsu l-paċi, għandna bżonn nidħlu flimkien, bħala familja waħda, f’arka li tista’ tofroq l-imwieġ qalila tad-dinja: l-arka tal-fratellanza.

 

Il-punt tat-tluq hu li nagħrfu li Alla hu l-bidu tal-familja waħda tal-bnedmin. Hu, li hu l-Ħallieq ta’ kollox u ta’ kulħadd, irid li aħna ngħixu bħala aħwa, ngħammru fl-istess dar komuni tal-ħolqien li hu stess tana. Hawn, fuq l-għeruq tal-umanità komuni tagħna, hi mibnija l-fratellanza, “vokazzjoni li tinsab fil-pjan ħallieq ta’ Alla”.[1] Din qed tgħidilna li lkoll għandna dinjità ugwali u li ħadd ma għandu jkun sid jew ilsir tal-ieħor.

 

Ma tistax tagħti ġieħ lill-Ħallieq mingħajr ma tħares is-sagralità ta’ kull persuna u ta’ kull ħajja umana: kulħadd hu prezzjuż bl-istess mod f’għajnejn Alla. Għax hu ma jħarisx lejn il-familja umana b’ħarsa ta’ preferenza li teskludi, imma b’ħarsa ta’ tjieba li tinkludi. Għalhekk, meta nagħrfu li kull bniedem għandu l-istess jeddijiet, inkunu nigglorifikaw l-Isem ta’ Alla fuq din l-art. Fl-isem ta’ Alla l-Ħallieq, għalhekk, għandna nikkundannaw bla riservi kull xorta ta’ vjolenza, għax hi profanazzjoni gravi tal-Isem ta’ Alla użat biex jiġġustifika l-mibegħda u l-vjolenza kontra l-aħwa. Ma teżisti ebda vjolenza li tista’ tkun reliġjożament iġġustifikata.

 

Għadu tal-fratellanza hu l-individwaliżmu, li jittraduċi ruħu fir-rieda tagħna li naffermaw lilna nfusna u l-grupp tagħna fuq l-oħrajn. Hu periklu sottili li qed jhedded l-aspetti kollha tal-ħajja, saħansitra l-ogħla prerogattiva tal-bniedem li titwieled miegħu, jiġifieri l-ftuħ għat-traxxendent u r-reliġjożità. Il-vera reliġjożità tikkonsisti f’li nħobbu lil Alla b’qalbna kollha u lill-proxxmu bħalna nfusna. Għalhekk l-imġiba reliġjuża għandha bżonn li tkun kontinwament imsoffija mit-tentazzjoni rikorrenti li tiġġudika lill-oħrajn għedewwa u kontriha. Kull twemmin hu msejjaħ jegħleb dik id-diskrepanza bejn ħbieb u għedewwa, biex jassumi l-perspettiva tas-Sema, li jħaddan lill-bnedmin kollha flimkien mingħajr privileġġi u diskriminazzjonijiet.

 

Għalhekk nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-impenn ta’ dan il-pajjiż li jittollera u jiggarantixxi l-libertà tal-kult, u jeħodha kontra l-estremiżmu u l-mibegħda. B’dan, waqt li jippromovi l-libertà fundamentali li kulħadd jistqarr dak li jemmen, esiġenza intrinsika għall-istess twettiq tal-bniedem, ikun qed jara wkoll li r-reliġjon ma tiġix strumentalizzata u tirriskja li tiċħad lilha nfisha, billi tippermetti fi ħdanha l-vjolenza u t-terroriżmu.

 

Il-fratellanza żgur “tesprimi wkoll il-moltepliċitajiet u d-differenzi li jeżistu bejn l-aħwa, minkejja t-twelid li jorbothom flimkien bl-istess natura u dinjità”.[2] Il-pluralità reliġjuża hi espressjoni ta’ dan. F’dan il-kuntest l-atteġġjament it-tajjeb la hu l-uniformità imposta, lanqas is-sinkretiżmu kompromettenti: dak li aħna msejħin nagħmlu, bħala nies tal-fidi, hu li nħabirku għad-dinjità ndaqs ta’ kulħadd, f’isem il-Ħanin li ħalaqna u li f’ismu rridu nfittxu kif il-kuntrasti jaslu għal ftehim u jkun hemm il-fraternità mqar fid-diversità. Hawn nixtieq nisħaq fuq il-konvinzjoni li tħaddan il-Knisja Kattolika: “Ma nistgħux insejħul Alla bħala Missier il-bnedmin kollha jekk nirrifjutaw li nġibu ruħna bħala aħwa ma’ xi wħud mill-bnedmin li huma maħluqa xbieha ta’ Alla.[3]

 

Madankollu, hemm ħafna mistoqsijiet jagħfsu fuqna: Kif nistgħu nieħdu ħsieb ta’ xulxin fil-familja waħda tal-bnedmin? Kif ikollna fratellanza li mhix biss teorika, imma titlaħħam fi fraternità awtentika? Kif nagħmlu li l-inklużjoni tal-oħrajn tegħleb l-esklużjoni f’isem l-appartenenza tagħna? F’kelma waħda, kif jistgħu r-reliġjonijiet ikunu kanali ta’ fratellanza u mhux ħitan ta’ firda?

 

Il-familja umana u l-kuraġġ li nilqgħu d-differenzi tal-ieħor

Jekk aħna nemmnu fl-eżistenza tal-familja umana, allura minn dan joħroġ li din, bħala tali, jeħtieġ inħarsuha. Bħal f’kull familja, dan iseħħ qabelxejn permezz tad-djalogu ta’ kuljum u effettiv. Dan nagħmluh billi nagħrfu l-identità tagħna, li ma hemmx għalfejn nabdikaw minnha biex nogħġbu lill-oħrajn. Imma fl-istess waqt dan jitlob il-kuraġġ li nilqgħu d-differenzi tal-ieħor,[4] u dan ifisser li nagħrfu b’mod sħiħ il-persuna l-oħra u l-libertà tagħha, u konsegwentement li nħabirku biex id-drittijiet fundamentali tagħha jiġu dejjem affermati, kullimkien u minn kulħadd. Għax mingħajr libertà ma nibqgħux iżjed ulied il-familja umana, imma nsiru lsiera. Fost il-libertajiet nixtieq insemmi dik reliġjuża. Din ma tillimitax ruħha biss għal-libertà tal-kult, imma tilmaħ fil-persuna l-oħra tabilħaqq ħuha jew oħtha, iben l-istess umanità tiegħi li Alla jħalli libera u li għalhekk l-ebda istituzzjoni umana ma tista’ timponi fuqha, lanqas f’ismu.

 

Id-djalogu u t-talb

Il-kuraġġ li nagħrfu l-ieħor bħal dak li hu huwa r-ruħ tad-djalogu, li jissejjes fuq is-sinċerità tal-intenzjonijiet. Fil-fatt, id-djalogu jitqiegħed f’kompromess mill-falzità, li żżid id-distanzi u s-suspett: ma nistgħux nipproklamaw il-fratellanza u mbagħad naġixxu l-oppost. Skont kittieb modern, “min jigdeb lilu nnifsu u jisma’ l-gideb tiegħu stess, jasal f’punt li ma jibqax jagħraf iżjed il-verità, la ġo fih, lanqas madwaru, u hekk jibda ma jifdallux stima la tiegħu nnifsu, lanqas tal-oħrajn”.[5]

 

F’dan kollu t-talb ma nistgħux ngħaddu mingħajru: waqt li jinkarna l-kuraġġ li nagħrfu l-persuna l-oħra fid-dawl ta’ Alla, fis-sinċerità tal-intenzjoni, isaffi l-qalb milli tingħalaq fiha nfisha. It-talb li jsir mill-qalb jerġa’ jibni l-fraternità. Għalhekk, “dwar il-futur tad-djalogu bejn ir-reliġjonijiet, l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu hi nitolbu. U nitolbu għal xulxin: aħna aħwa! Mingħajr il-Mulej, xejn mhu possibbli; bih magħna, kollox isir possibbli! Jalla t-talba tagħna – kull wieħed u waħda skont it-tradizzjoni tiegħu jew tagħha – tista’ titwaħħad b’mod sħiħ mar-rieda ta’ Alla, li jixtieq li l-bnedmin kollha jagħrfu li huma aħwa ta’ xulxin u jgħixu hekk tabilħaqq, billi jsawru l-familja kbira tal-bnedmin fl-armonija tad-diversità.[6]

 

M’hemmx alternattiva: jew se nibnu flimkien il-ġejjieni jew ma jkunx hemm ġejjieni. Ir-reliġjonijiet, b’mod partikulari, ma jistgħux jerġgħu lura mid-dmir urġenti tagħhom li jibnu pontijiet bejn il-popli u l-kulturi. Wasal iż-żmien fejn ir-reliġjonijiet iħabirku iżjed, b’kuraġġ u bla biża’, bla qerq, biex jgħinu lill-familja umana tikber fil-ħila tar-rikonċiljazzjoni, fil-viżjoni tat-tama u fil-mixjiet konkreti ta’ paċi.

 

L-edukazzjoni u l-ġustizzja

U hekk nerġgħu lura għall-immaġni li bdejna biha, tal-ħamiema tal-paċi. Anki l-paċi, biex titlaq ittir, għandha bżonn ta’ ġwienaħ li jżommuha. Il-ġwienaħ tal-edukazzjoni u tal-ġustizzja.

 

L-edukazzjoni – bil-Latin tfisser toħroġ xi ħaġa minn xi ħadd – tfisser li noħorġu għad-dawl ir-riżorsi prezzjużi tar-ruħ. Hu ta’ faraġ kbir naraw kif f’dan il-pajjiż l-investiment ma jsirx biss fuq l-estrazzjoni tar-riżorsi mill-art, imma anki fuq dawk tal-qalb, fuq l-edukazzjoni taż-żgħażagħ. Hu impenn li nawgura li jkompli u jixtered lil hemm. Anki l-edukazzjoni sseħħ fir-relazzjoni, fir-reċiproċità. Mal-massima ċelebri antika “kun af lilek innifsek” jeħtieġ inżidu “kun af lil ħuk”: l-istorja tiegħu, il-kultura tiegħu u l-fidi tiegħu, għax ma hemmx għarfien veru tiegħi nnifsi mingħajr l-ieħor jew l-oħra. Bħala bnedmin, u iżjed u iżjed bħala aħwa, infakkru lil xulxin li xejn minn dak li hu uman ma jista’ jibqa’ barrani għalina.[7] Importanti għall-ġejjieni li nsawru identitajiet miftuħa, li kapaċi jegħlbu t-tentazzjoni li jingħalqu fihom infushom u jibbiesu.

 

Meta ninvestu fil-kultura nkunu ngħinu biex tonqos il-mibegħda u tikber iċ-ċiviltà u l-prosperità. Edukazzjoni u vjolenza huma proporzjonali b’mod invers. L-istituti Kattoliċi – apprezzati ħafna anki f’dan il-pajjiż u fir-reġjun – jippromovu din l-edukazzjoni għall-paċi u għall-għarfien reċiproku biex nieqfu lill-vjolenza.

 

Iż-żgħażagħ, spiss imdawrin minn messaġġi negattivi u fake news, għandhom bżonn jitgħallmu ma jċedux għall-ġibdiet ħżiena tal-materjaliżmu, tal-mibegħda u tal-preġudizzji; jitgħallmu jirreaġixxu għall-inġustizzja u anki għall-esperjenzi koroh tal-imgħoddi; jitgħallmu jiddefendu d-drittijiet tal-oħrajn bl-istess ħerqa li biha jiddefendu dawk tagħhom. Għax huma, jum wieħed, għad jiġġudikawna: tajjeb, jekk inkunu tajniehom bażi soda biex joħolqu laqgħat ġodda ta’ ċiviltà; ħażin, jekk inkunu ħallejnielhom biss illużjonijiet u l-perspettiva vojta ta’ skontri diżgrazzjati ta’ nuqqas ta’ ċiviltà.

 

Il-ġustizzja hi t-tieni ġewnaħ tal-paċi, u din spiss titqiegħed f’riskju mhux minn xi episodju jew ieħor, imma tittiekel ftit ftit mill-kankru tal-inġustizzja.

 

Għalhekk, int ma tistax temmen f’Alla u ma tfittixx li tgħix il-ġustizzja ma’ kulħadd, skont ir-regola tad-deheb: “Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti” (Mt 7:12).

 

Paċi u ġustizzja ma jistgħux jinfirdu minn xulxin! Il-Profeta Iżaija jgħid: “Il-ħidma tal-ġustizzja tkun serħan” (32:17). Il-paċi tmut meta tinfired mill-ġustizzja, imma l-ġustizzja tkun falza jekk ma tkunx universali. Ġustizzja indirizzata biss lejn tal-familja, dawk tal-istess pajjiż, dawk li jħaddnu l-istess twemmin, hi ġustizzja zoppa, hi inġustizzja b’maskra fuq wiċċha!

 

Ir-reliġjonijiet għandhom ukoll id-dmir li jfakkru li r-regħba għall-profitt tberred il-qalb u li l-liġijiet tas-suq attwali, li jesiġu kollox u minnufih, ma jgħinux għal-laqgħa, id-djalogu, il-familja, dimensjonijiet essenzjali tal-ħajja li jridu ż-żmien u s-sabar. Ħa jkunu r-reliġjonijiet leħen għad-dgħajfa, li ma humiex statistiċi imma ħutna, u ħa jkunu dejjem fuq in-naħa tal-foqra; ħa jkunu bħala għassiesa li jishru biex iħarsu l-fraternità fil-lejl tal-kunflitti, ħa jwissu huma biex l-umanità ma tagħlaqx għajnejha quddiem l-inġustizzji u ma tirrassenja ruħha qatt għall-ħafna traġedji tad-dinja.

 

Id-deżert li jwarrad

Wara li tkellimt fuq il-fratellanza bħala arka ta’ paċi, nixtieq issa nħalli ddawwalni immaġni oħra, dik tad-deżert, li għandna madwarna.

 

Hawn, fi ftit snin, b’viżjoni fil-bogħod u b’għerf, id-deżert inbidel f’post li rrenda l-ġid u jilqa’ n-nies fih; id-deżert, minn xkiel iebes u inaċċessibbli, sar imkien tal-laqgħa bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet. Hawn id-deżert warrad, mhux biss għal xi jiem tas-sena, imma għal ħafna snin. Dan il-pajjiż, fejn jiltaqgħu flimkien ir-ramel u l-binjiet għoljin, jibqa’ jkun salib it-toroq importanti bejn Punent u Lvant, bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pjaneta, post ta’ żvilupp, fejn spazji li darba ma kontx tissogra tgħix fihom saru postijiet tax-xogħol għal persuni minn bosta pajjiżi.

 

Imma anki l-iżvilupp għandu l-għedewwa tiegħu. U jekk l-għadu tal-fratellanza kien l-individwaliżmu, irrid ngħid li dak li jfixkel l-iżvilupp hu l-indifferenza, li tispiċċa tibdel ir-realtajiet li warrdu fi mkejjen mitluqa. Fil-fatt, żvilupp li hu purament utilitarjanistiku ma jġibx progress reali u li jtul. Żvilupp integrali u magħqud biss jista’ jwassal għal futur li jixraq lill-bniedem. L-indifferenza ma tħalliniex naraw il-komunità umana lil hemm mill-gwadanni u lil ħuna lil hemm mix-xogħol li jagħmel. Fil-fatt, l-indifferenza ma tħarisx lejn għada; ma tagħtix kas tal-futur tal-ħolqien, ma tiħux ħsieb id-dinjità tal-barrani u l-ġejjieni tat-tfal.

 

F’dan il-kuntest, nieħu pjaċir li proprju hawn f’Abu Dhabi, f’Novembru li għadda, tlaqqa’ l-ewwel Forum tal-Alleanza interreliġjuża għal Komunutajiet iżjed fiż-żgur, fuq it-tema tad-dinjità tat-tfal fl-era diġitali. Dan l-avveniment qabad il-messaġġ li tnieda, sena qabel, f’Ruma waqt il-Kungress internazzjonali fuq l-istess tema, li kont tajtu l-appoġġ u l-inkuraġġiment tiegħi. Għalhekk nirringrazzja lill-mexxejja kollha li qed jimpenjaw ruħhom f’dan il-qasam u niżgura l-appoġġ, is-solidarjetà u l-parteċipazzjoni tiegħi u tal-Knisja Kattolika b’risq din il-kawża importantissma tal-protezzjoni tal-minuri fl-espressjonijiet kollha tagħha.

 

Hawnhekk, f’dan id-deżert, infetħet triq għammiela ta’ żvilupp li, ibda mix-xogħol, toffri tamiet lil ħafna persuni minn bosta popli, kulturi u twemmin. Bejniethom, anki ħafna Nsara, li l-preżenza tagħhom fir-reġjun tmur lura sew fiż-żmien, sabu opportunitajiet u taw kontribut siewi biex il-pajjiż jikber u jistagħna. Barra l-ħiliet professjonali, iġibu magħhom il-ġenwinità tal-fidi tagħhom. Ir-rispett u t-tolleranza li jsibu, kif ukoll il-postijiet meħtieġa għall-kult fejn huma jitolbu, jippermettulhom jikbru spiritwalment, ħaġa li mbagħad tiswa ta’ ġid għas-soċjetà kollha. Inħeġġiġkom tibqgħu mexjin f’din it-triq, biex dawk kollha li jgħixu hawn jew jgħaddu minn hawn jibqgħu jgħożżu mhux biss l-immaġni ta’ opri kbar imwaqqfa fid-deżert, imma wkoll ta’ nazzjon li jinkludi u jħaddan lil kulħadd.

 

Hu b’dan l-ispirtu li, mhux hawn biss, imma fir-reġjun kollu maħbub u kruċjali tal-Lvant Nofsani, nawgura li jkun hawn opportunitajiet konkreti ta’ laqgħa: soċjetà fejn il-persuni ta’ diversi reliġjonijiet ikollhom l-istess jedd ta’ ċittadinanza u fejn il-vjolenza biss, f’kull għamla tagħha, jitneħħielha dan il-jedd.

 

Konvivenza fraterna, imwaqqfa fuq l-edukazzjoni u fuq il-ġustizzja; żvilupp uman, mibni fuq l-inklużjoni li tilqa’ u fuq id-drittijiet ta’ kulħadd: din hi ż-żerriegħa tal-paċi, li r-reliġjonijiet huma msejħa jħallu tikber. Huma għandhom, forsi kif qatt ma kellhom fil-passat, f’dan il-mument delikat tal-istorja, ħidma li ma jistgħux iħalluha għal darb’oħra: li jikkontribwixxu attivament ħalli jiddemilitarizzaw il-qalb tal-bniedem. Il-ġirja għall-armamenti, l-estensjoni taż-żoni ta’ influwenza ta’ kull pajjiż, il-politika aggressiva b’dannu għall-oħrajn, qatt mhuma ħa jġibu stabbiltà. Il-gwerra ma tafx toħloq ħlief miżerja, l-armi ma jafux joħolqu ħlief mewt!

 

Il-fratellanza umana titlob minna, rappreżentanti tar-reliġjonijiet, id-dmir li nwarrbu kull sfumatura ta’ approvazzjoni tal-kelma gwerra. Ejjew irrodduha lura lill-ebusija miżerabbli tagħha. Taħt għajnejna għandna l-konsegwenzi diżgrazzjanti tagħha. Jiġuni f’moħħi b’mod partikulari l-Yemen, is-Sirja, l-Iraq u l-Libja. Flimkien, aħwa tal-istess familja waħda tal-bnedmin kif riedha Alla, ejjew inħabirku kontra l-loġika tal-qawwa armata, kontra l-monetizzazzjoni tar-relazzjonijiet, l-armar tal-konfini, il-bini ta’ ħitan, u min irid jagħlaq ħalq il-foqra; neħduha qatta’ bla ħabel kontra dan kollu bil-qawwa ħelwa tat-talb u l-impenn tagħna ta’ kuljum fid-djalogu. Il-fatt li llum ninsabu hawn flimkien ħa jkun messaġġ ta’ fiduċja, inkuraġġiment lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, biex ma jċedux quddiem id-dilluvji ta’ vjolenza u d-deżertifikazzjoni tal-altruwiżmu. Alla hu mal-bniedem li qed ifittex il-paċi. U mis-Sema jbierek kull pass li hu jmidd fuq l-art ta’ din it-triq.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Benedittu XVI, Diskors lil Ambaxxaturi ġodda fis-Santa Sede, 16 ta’ Diċembru 2010.

[2] Messaġġ għaċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Paċi 1 ta’ Jannar 2015, 2.

[3] Dikjarazzjoni fuq ir-relazzjonijiet tal-Knisja mar-reliġjonijiet mhux Insara Nostra ætate, 5.

[4] Ara Diskors lill-parteċipanti tal-Konferenza Internazzjonali għall-Paċi, Al-Azhar Conference Centre, il-Kajr, 28 ta’ April 2017.

[5] F.M. Dostoevskij, I fratelli Karamazov, II, 2, Milano 2012, 60.

[6] Udjenza ġenerali interreliġjuża, 28 ta’ Ottubru 2015.

[7] Ara TerenzjuHeautontimorumenos I, 1, 25.