Velja ta’ talb maż-żgħażagħ Taljani
Circo Massimo
Is-Sibt 11
ta’ Awwissu 2018
Papa Franġisku jiddjaloga maż-żgħażagħ Taljani
Il-laqgħa bdiet bi kliem ta’ merħba li Elena minn Modena għamlet f’isem iż-żgħażagħ Taljani. Fl-aħħar iż-żgħażagħ taw rigal lill-Papa bħala sinjal ta’ rikonoxxenza għal din il-laqgħa li kellu magħhom.
L-ewwel mistoqsija
Saret minn Letizia (23 sena) u Lucamatteo (21sena). Huma esprimew żewġ aspetti tal-istess ħaġa: l-identità u l-ħolm ta’ kull persuna.
Letizia
Għażiż Papa Franġisku, jiena Letizia; għandi 23 sena u qed nistudja l-università. Xtaqt ngħidlek kelma dwar il-ħolm tagħna u kif inħarsu lejn il-ġejjieni. Meta spiċċajt l-iskola sekondarja u kelli nagħmel għażla importanti f’ħajti, ħassejtni nibża’ nafda u ngħid x’kienet tassew il-ħolma tiegħi għax dan kien ifisser li kont ser nesponi ruħi f’għajnejn l-oħrajn u anki f’għajnejja stess.
Iddeċidejt li nitlob parir mingħand xi adulti li kont nammira l-professjoni tagħhom u l-għażliet li għamlu. Kellimt lill-professur tal-Arti, l-aktar wieħed li kelli stima lejh u li kien jgħallem suġġetti li jogħġbuni. Għidtlu li ridt nagħmel bħalu, li ridt nagħżel it-triq li għażel hu. Qalli li ż-żmenijiet inbidlu, li hawn kriżi, li jekk nagħżel din it-triq wara ma kontx ser insib xogħol u li allura aħjar nagħżel kamp ta’ studju li jgħodd għas-suq tal-lum. “Agħżel l-ekonomija” qalli. Ħassejtni tassew diżappuntata, għax il-persuna li fdajt u xtaqt nimitaha, flok ma għamlitli kuraġġ, ħassritli dwar il-ħolma li kelli. Fl-aħħar iddeċidejt li naqbad it-triq li kont ħsibt dwarha u bdejt nistudja l-Arti li tant inħobb.
Iżda darba, waħda mit-tfajliet tal-oratorju fejn nagħti s-sehem tiegħi bħala edukatriċi, qaltli li jeħtieġ ikolli fiduċja fija nnifsi, li jeħtieġ nistma l-għażliet li nagħmel. Qaltli li tara fija mudell u li xtaqet tagħmel dak li nagħmel jien. Kien propju f’dak il-mument, li ddeċidejt li nimpenja ruħi b’mod sħiħ bħala edukatriċi: li ma nkunx adulta li tittradixxi u tiddiżappunta, imma li, minkejja d-diffikultajiet, nagħti l-ħin u l-enerġija tiegħi kollha meta persuna tafda miegħi.
Lucamatteo
Santità, meta niġu biex inħarsu lejn il-ġejjieni tagħna, aħna mdorrijin narawh griż u skur, b’kuluri li jhedduna. Ngħid is-sew, jiena narah qisu slide bajdanija li fuqha m’ hemm xejn....
Xi drabi nipprova npinġi l-ġejjieni tiegħi, iżda nasal għal xi ħaġa li fl-aħħar ma tissudisfanix. Ħa nipprova nispjega lili nnifsi: naħseb li huwa aħna li nfasslu l-ġejjieni, iżda spiss jiġri li nibdew minn proġett kbir, bħal xi affresk grandjuż, u mbagħad bil-mod il-mod nibdew innaqqsu d-dettalji, nibdew inneħħu xi biċċiet. Għax nibżgħu mill-oħrajn u mill-ġudizzju tagħhom, jiġri li l-proġetti u l-ħolm tagħna jispiċċaw biex ikunu ħafna iżgħar minn dawk li nkunu fassalna fil-bidu.
U fuq kollox nispiċċaw b’xi ħaġa li mhux dejjem tkun togħġobna.....
It-tweġiba tal-Papa
Il-lejla t-tajba. Ngħidilkom il-verità: il-mistoqsijiet ġa kienu f’idejja u kont ġa lestejt it-tweġibiet, iżda waqt li qed nismagħkom titkellmu, qed inħoss li għandi nżid ukoll xi ħaġa b’mod spontanju, għax il-mod kif qed tagħmlu l-mistoqsijiet juri ħafna aktar minn dak li hemm miktub.
Letizia, int semmejt kelma importanti ħafna: “il-ħolm”. U t-tnejn semmejtu kelma oħra li hi importanti: “il-biża’ ”. Dawn iż-żewġ kelmiet xi ftit idawluna.
Il-ħolm huwa importanti. Jagħtina ħarsa aktar wiesgħa u jgħinna nħaddnu l-orizzont u ngħixu t-tama f’kull ħaġa li nwettqu matul il-ġurnata. Il-ħolm taż-żgħażagħ hu l-aktar ħolm importanti. Żagħżugħ li ma jafx joħlom hu żagħżugħ illuppjat; ma jistax jifhem il-ħajja u l-qawwa tagħha. Il-ħolm iqajmek, imexxik; il-ħolma hi kewba li tiddi, li turi mixja differenti għall-umanità. Fi qlubkom għandkom dawn il-kwiekeb li jiddu, dan il-ħolm tagħkom: huma r-responsabbiltà u t-teżor tagħkom. Araw li jkunu wkoll il-ġejjieni tagħkom! Dan hu li għandkom tagħmlu: ibdlu l-ħolm tal-lum fir-realta’ ta’ għada. U biex tagħmlu dan hemm bżonn tal-kuraġġ, kif smajna mingħandkom it-tnejn. It-tfajla qalulha: “Studja l-ekonomija għax inkella tmut bil-ġuħ” u t-tfajjel “ il-proġett tajjeb, imma nnaqqsulu din il-biċċa u dik l-oħra....” u fl-aħħar ma baqa’ xejn. Hemm bżonn tal-kuraġġ, kuraġġ quddiem ir-reżistenza, quddiem id-diffikultajiet, quddiem dak kollu li jġib fix-xejn il-ħolm tagħkom.
Naturalment, il-ħolm irid jikber, jissaffa, jgħaddi mill-prova u jrid ikun ukoll ixxerjat mal-oħrajn. Qatt staqsejtu mnejn jiġi l-ħolm tagħkom? Il-ħolm tiegħi mnejn jiġi? Ġej minn dak li nara fuq it-television? Minn dak li smajt mingħand xi ħabib? Qed noħlom b’għajnejja miftuħa? Huwa ħolm kbir jew ħolm żgħir u msejken, li jikkuntenta bl-anqas possibbli? Huwa biss ħolm ta’ ħajja komda u li tikseb il-ġid: “Le, tajjeb kif jien; m’għandix għalfejn nimxi ‘l quddiem”. Dan il-ħolm imewwitlek ħajtek u ma tibqax sabiħa! Dan hu ħolm li jraqqad liż-żgħażagħ, u minflok żagħżugħ mimli kuraġġ tkun wieħed li jfittex biss il-kumdità tas-sufan. Ħasra tara żgħażagħ fuq is-sufan jħarsu lejn il-ħajja għaddejja minn quddiemhom bla ma jagħmlu xejn. Iż-żgħażagħ bla ħolm – kif ġa għidt drabi oħra – jieħdu l-pensjoni ta’ 20, 22 sena; kemm hi ħaġa kerha tara żagħżugħ ta’ dik l-età ġa bil-pensjoni. Iżda ż-żagħżugħ li joħlom affarijiet kbar jibqa’ mixi ‘l quddiem u ma jieħux il-pensjoni malajr. Fhimtu? Hekk huma ż-żgħażagħ.
Il-Bibbja tgħidilna li l-ħolm kbir kapaċi jagħmel il-frott: kapaċi jiżra’ l-paċi, l-imħabba tal-aħwa, u l-ferħ, bħal dak li qed ngħixu llum; dan il-ħolm hu kbir għax iħares lejn kulħadd bħal AĦNA . Darba, wieħed saċerdot staqsieni: “Xinhu l-oppost tal-‘jien’?” Waqajt fin-nasba u weġibtu: “l-oppost tal-‘jien’ huwa ‘int’”. “Le, Dun, din hi ż-żerriegħa tal-gwerra. L-oppost tal-‘jien’ huwa ‘aħna’”. Jekk ngħid li ‘int’ huwa l-oppost ta’ ‘jien’, inkun qed noħloq gwerra; jekk ngħid li l-kontra tal-egoiżmu huwa l-‘aħna’, allura nkun qed nagħti sehmi għall-paċi, għall-komunità; inkun qed inġib ‘l quddiem il-ħolma tal-ħbiberija, tal-paċi. Aħsbu ftit: il-ħolm veru huwa l-ħolm tal-‘aħna’. Il-ħolm kbir jinkludi, jinvolvi, huwa estrovers, jaqsam mal-oħrajn, jiġġenera l-ħajja. U biex il-ħolm kbir jibqa’ kbir hemm bżonn ta’ għajn ta’ tama li ma tinxef qatt; hemm bżonn tal-Infinit, li jagħti n-nifs tal-ħajja u jwassal għal aktar ftuħ. Il-ħolm kbir għandu bżonn Alla biex ma jsirx miraġġ jew dellirju għall-ħakma fuq kulħadd. Inti tista’ toħlom affarijiet kbar, imma perikoluż tkun waħdek għax tista’ tinħakem mill-kilba għall-poter. Iżda b’Alla miegħek m’għandikx minn xiex tibża’: imxi ‘l quddiem; oħlom kbir.
Imbagħad hemm il-kelma ‘biża’ li wżajtuha t-tnejn. Il-ħolm taż-żgħażagħ jbeżża’ xi ftit lill-adulti, tafux? Ibeżżagħhom, għax meta żagħżugħ joħlom jaqdef sew ‘l quddiem u l-adulti forsi waqfu joħolmu u jirriskjaw. Ħafna drabi l-ħajja twassal lill-adulti biex jiefqu joħolmu u jirriskjaw. Jista’ jkun li l-ħolm tagħkom iġib fi kriżi l-għażliet ta’ ħajjithom, ikun ħolm li jġib miegħu kritika. Iżda tħallux lil min jisirqilkom il-ħolm tagħkom. Hawnhekk fl-Italja, darba kien hawn żagħżugħ ta’ xi għoxrin, tnejn u għoxrin sena, li beda joħlom u ħolom bil-kbir. Missieru, li kien businessman importanti, beda jipprova jikkonvinċih biex jieqaf joħlom, iżda ż-żagħżugħ: “Le, irrid noħlom. Qed noħlom dak li nħoss ġewwa fija”. Fl-aħħar telaq biex joħlom. Missieru mar warajh; u dak iż-żgħażugħ fittex il-kenn fid-dar tal-Isqof, neħħa ħwejġu, tahom lil missieru u qallu: “Ħallini nimxi bi triqti”. Dak iż-żagħżugħ Taljan tas-seklu XIII kien jismu Franġisku; dan bidel l-istorja tal-Italja. Franġisku rriskja bil-kbir; ma kienx jaf b’limitu u baqa’ joħlom sat-tmiem ta’ ħajtu. Aħsbu ftit: kien ġuvni bħalkom; iżda kien joħlom ħafna! U minħabba f’hekk kienu jgħidu li kien miġnun. Għamel ħafna ġid u għadu qed jagħmel il-ġid. Iż-żagħżagħ ibeżżgħu lill-adulti għax l-adulti jħossu li sabu posthom u jiefqu joħolmu u jirriskjaw. Iżda kif għidtilkom, tħallu lil ħadd jisirqilkom il-ħolm tagħkom.
“U kif nagħmel biex ħadd ma jisraqli l-ħolm tiegħi?” Fittxu għalliema tajbin li kapaċi jgħinukom tifhmu u twettqu l-ħolm tagħkom bil-mod u b’serenita’. Kunu intom ukoll għalliema tajbin, għalliema tat-tama u tal-fiduċja għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajkom. “Imma kif nista’ nsir għalliem?” Żagħżugħ li kapaċi joħlom, isir għalliem permezz tax- xhieda li jagħti. Għax ix-xhieda tkaxkar, tqanqal il-qlub u turi dawk l-ideali li l-ħajja tista’ taħbihom. Tiefqux toħolmu; kienu għalliema tal-ħolm. Il-ħolm għandu qawwa kbira. “U, Dun mnejn nista’ nixtri l-pilloli biex inkun nista’ noħlom?” Le, dawk le! Dawk ma jwasslukx biex toħlom: dawk iraqqdulek qalbek u jirvinawlek ħajtek. “U mnejn nista’ nixtri l-ħolm?’ Il-ħolm ma jinxtarax. Il-ħolm hu rigal t’Alla, rigal li Alla jiżra’ fi qlubkom. Il-ħolm hu mogħti lilna b’xejn, biex aħna wkoll nagħtuh b’xejn lill-oħrajn. Offru l-ħolm tagħkom: meta tagħtuh lill-oħrajn, intom ma tiftaqrux. Offruh lill-oħrajn bla ma titolbu xejn lura!.
Għeżież żgħażagħ għidu: “le” għall-biża’. Dak li qallek dak il-professur, qalulek għax kien qed jibża’? Iva, forsi kien qed jibża’ u ra kif jissistema kollox u jkun trankwill. Iżda għaliex ma ħalliex tfajla timxi fi triqtha? Beżżgħak. X’qallek? “Studja l-ekonomija: ikun jaqbillek aktar”. Hawn qiegħda n-nasba: nasba li timbuttak biex ikollok aktar, biex tissistema ruħek u jkollok il-ġid, iżda mhux biex tkun pellegrin fil-mixja tal-ħolm. Għeżież żgħażagħ, kunu pellegrini fil-mixja tal-ħolm tagħkom. Irriskjaw u imxu f’dik it-triq: tibżgħux. Irriskjaw biex tkunu intom li twettqu l-ħolm tagħkom, għax il-ħajja mhijiex lotterija: huwa aħna li nwettqu l-affarijiet f’ħajjitna. U lkoll kapaċi nagħmluh dan.
Il-Qaddis Papa Ġwanni XXIII qal: “Ma naf lil ebda pessimista li wasal biex iwettaq xi ħaġa ta’ ġid” (intervista minn Sergio Zavoli lil Mons. Capovilla f’ Jesus n.6, 2000). Jeħtieġ nitgħallmuha din il-ħaġa, għax tgħinna tul ħajjitna kollha. Il-pessimiżmu jkissrek u ma jħallik tagħmel xejn. Il-biża’ jagħmlek pessimista. Xejn pessimiżmu! Irriskjaw, oħolmu u ibqgħu mexjin ‘l quddiem.
It-tieni mistoqsija
Saret minn Martina ta’ 24 sena: tirrigwarda d-dixxerniment dwar il-ħajja u l-idea ta’ impenn u responsabbiltà fil-ħajja taż-żgħażagħ tal-lum.
Santita’, jiena Martina u għandi 24 sena. Ftit ilu, professur wassalni biex nirrifletti fuq kif il-ġenerazzjoni tagħna lanqas mhi kapaċi tagħmel għażla dwar programm fuq it-TV, aħseb u ara kemm hi lesta li timpenja ruħha f’relazzjoni għall-ħajja.....
Filfatt, jien tiġini bi tqila ngħid li jien għarusa. Nippreferi ngħid li “għandi” lil xi ħadd: aktar sempliċi hekk, u f’għajnejn l-oħrajn jidher li hemm anqas responsabbilità.
Iżda fil-fond ta’ qalbi nħoss b’mod qawwi li rrid nimpenja ruħi biex nippjana u nibni ħajti flimkien ma’ xi ħadd.
Għalhekk nistaqi lili nnifsi: għaliex ix-xewqa li tibni realzzjonijiet awtentiċi u l-ħolma li tifforma familja mhux qed ikunu meqjusa importanti daqs oħrajn, u l-aktar ħaġa importanti hi l-professjoni. L-adulti qishom jistennew minni li l-ewwel naħseb għall-professjoni, imbagħad nibda naħseb biex inkun “persuna”.
Għandna bżonn ta’ adulti li jfakkruna kemm hi ħaġa sabiħa li koppja toħlom flimkien. Neħtieġu adulti li jieħdu paċenzja u jkunu qrib tagħna biex jgħallmuna nieħdu paċenzja aħna wkoll; għandna bżonn ta’ adulti li jisimgħuna b’mod profond u hekk jgħallmuna nisimgħu, u mhux dejjem naraw min għandu raġun.
Għandna bżonn ta’ nies li b’passjoni u solidarjetà jkunu tassew punt ta’ riferiment. Ma taħsibx li rari ssibhom dawn l-adulti li tassew jagħmlulna kuraġġ? Xinhi r-raġuni li l-adulti qed jitilfu s-sens tas-soċjetà, tal-għajnuna reċiproka, tal-impenn fid-dinja u fir-relazzjonijiet? Għaliex xi drabi s-saċerdoti u l-edukaturi wkoll qed jitilfu dan is-sens?
Nemmen li fil-ħajja dejjem jiswa nkunu ommijiet, missirijiet, ħbieb, aħwa.....U ma rridx nieqaf nemminha din il-ħaġa!
It-tweġiba tal-Papa
Kuraġġuża Martina, le? Tkellmet b’tant ħeġġa u staqsiet dwar l-istabbilità tagħna! Meta smajtha titkellem b’dik il-qawwa kollha, jiġini li nistaqsiha jekk hijiex in-neputija ta’ San Ġwann Krisostomu! Wieħed li jagħżel u jkun jista’ jiddeċidi għalih innifsu, juri li hu tassew liberu. F’ċertu sens il-libertà hi li tagħżel u tiddeċidi għalik innifsek. Iżda llum l-idea tal-għażla hi waħda ta’ libertà bla xkiel, bla impenn u li dejjem ssib xi triq biex toħroġ minnha: “Nagħżel, imma...”. (Martina) poġġiet subgħajha fuq il-ferita: l-għażla tal-imħabba għal ħajtek kollha....Tista’ tgħid: “Nagħżel meta nispiċċa nistudja, mhux issa”, “nagħżel imma...”. Dik l-‘imma’ ma tħalliniex nibqgħu mixjin, ma tħalliniex noħolmu, toħdilna l-libertà. Dejjem ikun hemm dik l-‘imma’; xi drabi tkun aktar kbira mill-għażla u toħnoqna. Hekk il-libertà tixxellef, ma nżommux il-wegħdiet li nkunu għamilna f’ħajjitna u nitilfu l-hena. U allura naslu għall-konklużjoni li l-libertà hi ingann u li l-hena ma jeżitix.
Għeżież żgħażagħ, il-libertà hi don kbir li ġie mogħti lilek u trid tieħu ħsiebu biex il-libertà tiegħek tikber u tiżviluppa; il-libertà ma tafx b’nofs kedda. (Martina) mmirat lejn il-libertà l-aktar kbira, il-libertà tal-imħabba: għalfejn għandi nispiċċa l-karriera universitarja u mbagħad wara naħseb għall-imħabba? L-imħabba vera tiġi meta trid. Hi xi ħaġa perikoluża tkellem liż-żgħażagħ dwar l-imħabba? Le, mhijiex! Għax iż-żgħażagħ jagħrfuha l-imħabba vera, u jafu meta jkun hemm biss entużjażmu bil-maskra tal-imħabba. M’intomx boloh; intom tagħrfuha l-imħabba vera! U dan jagħmlilna l-kuraġġ biex nitkellmu magħkom dwar l-imħabba. L-imħabba mhijiex professjoni: l-imħabba hi ħajja, u jekk tasal illum, għaliex għandi nistenna tlieta, erba’, ħames snin biex inkabbarha u ngħixha b’mod stabbli? Hawnhekk nitlob lill-ġenituri biex meta jkun hemm l-imħabba huma jgħinu liż-żgħażagħ jimmaturaw, biex l-imħabba timmatura. U mhux jgħidulhom biex iħalluha għal aktar tard għax: “Jekk tiżżewweġ issa, ikollok it-tfal u ma tkunx tista’ tkompli bil-karriera tiegħek, wara l-isforz kbir li għamilna għalik”. Din l-istorja nisimgħuha,... Hemm bżonn li l-imħabba vera nagħtuha dejjem l-ewwel post. Tridu titgħallmu tiddixxernu bejn imħabba vera u entużjażmu biss. Qalet: “Għaliex tiġini bi tqila ngħid li jien għarusa?” Dan ifisser: għaliex qed nħossha bi tqila nuri l-karta tal-identità ġdida ta’ ħajti? Għax qed ngħixu f’dinja li tikkundiizzjonana. Imbagħad hemm ħaġ’oħra: “Trid tiżżewweġ?” – “Mela, ejja nagħmlu biċċa xogħol: ibqa’ għaddejja kif int, agħmel ta’ bir-ruħek li ma tħobbx, studja u ibda għix ħajja doppja”. L-akbar għadu tal-imħabba hu l-ħajja doppja: fhimtu? Jew hemm bżonn inkun aktar ċar? L-għadu l-aktar kbir tal-imħabba mhuwiex biss li ma tħallix l-imħabba tikber, li tistenna li tispiċċa l-karriera, imma li tgħix ħajja doppja, għax jekk tibda tgħix ħajja doppja, l-imħabba tispiċċa, titlifha. Għalfejn qed ngħidu dan? Għax fejn hemm l-imħabba vera, ir-raġel għandu x-xogħol tiegħu u l-mara għandha dak tagħha. Tafu xinhu x-xogħol kbir tar-raġel u tal-mara fejn hemm l-imħabba vera? Tafu? Li jagħtu kollox, it-totalitarjeta’: l-imħabba ma tittollerax nofs kejl: jew kollox jew xejn. U biex din l-imħabba tikber wieħed irid jevita li jieħu l-iqsar triq. L-imħabba trid tkun sinċiera, miftuħa, kuraġġuża. Kif ngħidu aħna fl-Arġentina, ll-imħabba trid “tpoġġi l-laħam kollu fuq in-nar”.
Fil-Bibbja hemm xi ħaġa li tant tolqotni: fl-aħħar tar-rakkont tal-Ħolqien tad-dinja, insibu li Alla ħalaq il-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tiegħu u jgħid: “Ħalaqhom raġel u mara, fuq is-sura u x-xbieha tiegħu”. Din hi l-imħabba. Meta koppja miżżewġa timxi ‘l quddiem fil-ħajja tal-imħabba, hemmhekk ikun hemm is-sura u x-xbieha t’Alla. Alla kif inhu? Bħal dak iż-żwieġ. Dik hi s-sura u xbieha t’Alla. Fil-Bibbja ma nsibux li r-raġel hu sura u xbieha t’Alla, jew li l-mara hi sura u xbieha t’Alla. Le: it-tnejn flimkien huma sura u xbieha t’Alla. Imbagħad it-Testment il-Ġdid ikompli jgħid: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu, biex flimkien ma’ martu jsiru ġisem wieħed”. Din hi l-imħabba. Xinhu x-xogħol tar-raġel fl-imħabba? Li jagħmel lill-għarusa, lill-mara, aktar mara. U xinhu x-xogħol tal-mara? Li tagħmel lill-għarus, lir-raġel aktar raġel. Din hi ħidma li ssir mit-tnejn flimkien u jikbru flimkien. Fiż-żwieġ, ir-raġel ma jistax jikber hu biss mingħajr ma jwassal lil martu biex tikber, u l-istess il-mara; trid tikber u twassal lil żewġha biex jikber. Din hi l-għaqda; dan ifisser li jkunu “ġisem wieħed”: isiru ħaġa waħda u jkabbru lil xulxin. Dan hu l-ideal tal-imħabba u ż-żwieġ.
Jekk Ideal bħal dan huwa veru u matur, taħsbu li għandu jiġi spustjat minħabba f’interessi oħra? Le m’għandux. Wieħed jeħtieġ jiriskja fejn hemm imħabba vera, iżda mhux fejn hemm entużjażmu bil-maskra tal-imħabba
Għalhekk tajjeb nistaqsu lilna nfusna: fejn hi mħabbti? Fejn hu t-teżor tiegħi? Xinhi l-aktar ħaġa prezzjuża f’ħajti? Ġesu’ tkellem dwar ir-raġel li biegħ kulma kellu biex xtara ġawhra prezzjuża li kienet tiswa ħafna. Hekk hi l-imħabba: tbiegħ kollox biex tixtri dik il-ġawhra prezzjuża li tiswa ħafna. Kollox! Din l-imħabba hi fidila. Jekk hemm l-infedeltà, m’hemmx imħabba, jew inkella l-imħabba hi marida, ċkejkna u ma tikbirx. Tbiegħ kollox għal ħaġa waħda. Aħsbuha sew dwar l-imħabba, aħsbu bis-serjeta’. Tibżgħux taħsbu dwar l-imħabba, iżda trid tkun imħabba li tirriskja, li hi fidila, li twassal lill-ieħor biex jikber u allura li tkabbar lit-tnejn b’mod reċiproku. Aħsbu fuq l-imħabba li tagħti l-frott.
Waqt li kont qed nagħmel id-dawra, rajt xi tfal f’idejn il-ġenituri tagħhom: dan hu l-frott tal-imħabba, tal-imħabba veru. Irriskjaw għall-imħabba!
It-tielet mistoqsija
Saret minn Dario, ta’ 27 sena u kienet dwar il-fidi u t-tiftix dwar it-tifsira tal-ħajja.
Santita’, jisimni Dario u għandi 27 sena; naħdem bħala nurse fil-kura palljattiva.
Ma tantx kien hemm mumenti meta sibt ruħi kkonfrontat mill-fidi u f’dawk il-mumenti sibt li d-dubbju jegħleb iċ-ċertezza u li t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħi ma tantx kienu konkreti; anzi xi drabi lanqas biss kienu plawsibbli.
Qed ninduna li hemm bżonn ta’ aktar ħin fuq dawn il-mistoqsijiet: iżda mhux faċli nsib il-ħin għax għandi wisq x’nagħmel fil-ħajja ta’ kuljum.... U lanqas mhu faċli nsib gwida li għandu l-ħin biex niddiskuti miegħu u nfittex it-tweġbiet ġusti.
Hemm ħafna mistoqsijiet importanti: għaliex Alla li hu kbir u tajjeb (hekk qaluli li hu Alla) jippermetti l-inġustizji fid-dinja? Għaliex il-foqra u l-imwarrbin għandhom ibatu daqshekk? Fix-xogħol tiegħi, insib ruħi kuljum quddiem il-mewt, u nara tant ommijiet u missirijet li għadhom żgħar fl-eta’ jabbandunaw lil uliedhom. U allura nistaqsi: għaliex (Alla) jippermetti dan kollu?
Il-Knisja, li għandha twassal il-Kelma t’Alla fuq l-art, qed tidher dejjem aktar ‘l bogħod u magħluqa fir-ritwali tagħha. Għaż-żgħażagħ m’għadhomx jgħoddu “l-impożizzjonijiet” minn fuq. Aħna neħtieġu provi u xhieda sinċiera ta’ Knisja li takkumpanjana u tisma’ d-dubbji li l-ġenerazzjoni tal-lum qed tesprimi kuljum. It-tnabbir bla bżonn u l-iskandli ma tantx jagħmlu l-Knisja kredibbli f’għajnejna. Santità, kif għandna nħarsu lejn dan kollu?.
It-tweġiba tal-Papa
Dario poġġa subgħajh fuq il-ferita u tenna aktar minn darba l-kelma “għaliex”. Mhux kull “għaliex” għandha tweġiba. Per eżempju: għaliex ibatu t-tfal? Min jista’ jispjegali għaliex? M’għandniex tweġiba. Huwa biss meta nħarsu lejn Kristu msallab u Ommu li nħossu xi ħaġa f’qalbna li tkun bħal tweġiba. Fit-talba tal-Missierna (ara Mt 6,13) nsibu l-kliem: “La ddaħħalniex fit-tiġrib”. Dan l-aħħar, it-traduzzjoni ta’ dan il-kliem bit-Taljan ġiet irranġata skont it-test oriġinali, għax kienet tinstema’ ambigwa. Jista’ Alla l-Missier “idaħħalna” fit-tiġri? Jista’ Alla jinganna lil uliedu? Żgur li le! Allura t-traduzzjoni preċiża hi: “tħallienx nintelqu fit-tiġrib”. Żommna milli nagħmlu l-ħażin, eħlisna mill-ħsibijiet ħżiena....Xi drabi, anki meta nitkellmu dwar Alla, il-kliem li ngħidu jittradixxi l-messaġġ ta’ mħabbtu. Xi drabi nkunu aħna li nittradixxu l-Evanġelju. (Dario) tkellem dwar dan, dwar il-fatt li aħna nittradixxu l-Evanġelju; qal: “Il-Knisja, li trid twassal il-Kelma t’Alla fuq l-art tidher dejjem aktar ‘l bogħod u magħluqa fir-ritwali tagħha”. Dak li qal huwa qawwi ħafna; huwa ġudizzju fuqna lkoll, b’mod speċjali fuqna r-rgħajja; ġudizzju fuqna l-ikkonsagrati rġiel u nisa. Qalilna li qed inkunu dejjem aktar ‘l bogħod u magħluqa fir-ritwali tagħna. Nisimgħuh bir-rispett kollu. Iżda għalkemm xi drabi dan hu veru, mhux dejjem huwa hekk. L-impostazzjonijiet minn fuq m’għadhomx biżżejjed għaż-żgħażagħ: “Aħna għandna bżonn tal-provi u tax-xhieda sinċiera li takkumpanjana u li tisma’ d-dubbji tal-ġenerazzjoni tal-lum”. Qed jitlob lilna lkoll, rgħajja u fidili biex nakkumpanjaw, nisimgħu u nagħtu xhieda. Jekk jien nisrani, lajk jew lajka, saċerdot, soru, isqof, jekk aħna l-insara ma nitgħallmux nisimgħu t-tbatijiet u l-problemi tal-oħrajn, jekk ma nisktux biex nħalluhom jitkellmu u nisimgħuhom, qatt ma jkollna l-ħila nagħtu tweġiba pożittiva. U ħafna drabi t-tweġibiet pożittivi ma tagħtihomx bil-kliem. Nagħtuhom billi nirriskjaw u nagħtu xhieda. Fejn m’hemmx xhieda m’hemmx l-Ispirtu s-Santu. U din hi xi ħaġa serja.
“Araw kemm jinħabbu bejniethom”, hekk kien jingħad dwar l-ewwel insara, għax in-nies kienu jaraw ix-xhieda tagħhom. Kienu jafu jisimgħu, imbagħad kienu jgħixu l-Evanġelju. Tkun nisrani mhuwiex xi status fil-ħajja, xi status ta’ kwalifika. “Nirringrazzjak, Mulej, għax jien nisrani u mhux bħall-oħrajn li ma jemmnux fik”. Togħġobkom din it-talba? (Iwieġbu: le). Din hi t-talba tal-fariżew, tal-ipokrita: l-ipokriti hekk jitolbu. “Imsieken ma jifhmu xejn għax qatt ma marru għall-katekeżi, qatt ma marru f’kulleġġ kattoliku; ma marrux f’universita’ kattolika....imsieken...”. Dan hu n-nisrani? Dan nisrani jew le? (Iwieġbu: le). Le! Dan huwa skandlu! Dan hu dnub. “Nirringrazzjak, Mulej, għax jien mhux bħall-oħrajn: immur il-Knisja fil-ġurnata tal-Ħadd, ħajti ordinata, inqerr, miniex bħall-oħrajn....”. Dan hu n-nisrani? (Iwieġbu: le). Le! Jeħtieġ nagħmlu l-għażla tax-xhieda. Waqt ikla maż-żgħażagħ fi Krakovja, wieħed minnhom qalli: “L-università għandi problema għax sieħbi ma jemminix. X’għandi ngħidlu biex infehmu li r-reliġjon tagħna hi l-vera reliġjon?”. Għidtlu: “Għażiż, l-aħħar ħaġa li għandek tagħmel hi li tgħidlu xi ħaġa. Ibda għix ta’ veru nisrani u jkun hu li jistqasik għaliex tgħix hekk?”
Dario qal ukoll: “It-tnabbir bla bżonn u l-iskandli ma tantx jagħmlu l-Knisja kredibbli f’għajnejna. Santità, kif għandna nħarsu lejn dan kollu?” L-iskandlu ta’ Knisja formali, li ma tagħtix xhieda; l-iskandlu ta’ Knisja magħluqa għax ma toħroġx. Hu jkollu joħroġ minnu nnifsu kuljum, kemm jekk ikun ferħan u anki jekk ikun mdejjaq, għax irid jieħu ħsieb il-morda u jagħthom il-kura palljattiva biex itaffilhom xi ftit mill-uġigħ waqt il-passaġġ tagħhom lejn id-dinja l-oħra. Hu jaf xi jfisser toħroġ ‘l barra minnek innifsek, tersaq lejn l-oħrajn u tmur aktar ‘l hemm minn dak kollu li jagħtik sigurtà. Fl-Apokalissi hemm silta fejn Ġesù jgħid: “Jien inħabbat fuq il-bieb: jekk tiftħuli, nidħol u niekol magħkom”. Ġesù jrid jidħol għandna. Ħafna drabi naħseb fuq Ġesù li qed iħabbat fuq il-bieb tagħna, imma jħabbat minn ġewwa biex inħalluh joħroġ; għax ħafna drabi aħna ma nagħtux xhieda u nżommuh priġunier fil-formalitajiet tagħna, fl-għeluq, fl-egoiżmu, fil-mod klerikali kif ngħixu. U l-klerikaliżmu mhuwiex biss tal-kleriċi. Hu attaġġament li jmissna lkoll: il-klerikaliżmu hu taħsir tal-Knisja. Ġesù jgħallimna li rridu nimxu fit-triq li twassalna biex noħorġu minna nfusna u nagħtu xhieda. Dan hu l-iskandlu – għax aħna midinbin – li ma noħorġux minna nfusna biex nagħtu xhieda.
Nistedinnkom ilkoll li titolbu – lil Dario jew lil xi ħadd ieħor – li jagħmel dan ix-xogħol u li kapaċi joħroġ ‘l barra minnu nnifsu biex jagħti xhieda. Imbagħad irriflettu. Meta ngħid “il-Knisja ma tagħtix xhieda”, dan nista’ ngħidu wkoll għalija nnifsi? Jien qed nagħti xhieda? Hu jista’ jgħid li iva għax qed jagħti xhieda kuljum mal-morda. Imma jien nista’ ngħidu dan? Jista’ xi ħadd minna jikkritika lil dak saċerdot, lil dak l-isqof jew lil dak in-nisrani, jekk hu ma jkunx kapaċi joħroġ minnu nnifsu biex jagħti xhieda?
Għeżież żgħażagħ – din hi l-aħħar ħaġa li ser ngħidilkom – il-messaġġ ta’ Ġesù, il-Knisja mingħajr xhieda, hi biss duħħan.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard