Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll li tiffurmaw l-Assemblea ġenerali tal-Opra ta’ Marija u li tixtiequ tgħixuha b’mod sħiħ fil-ħajja  li qed tgħix il-Knisja llum. Insellem b’mod speċjali lil Maria Voce li reġgħet ġiet ikkonfermata President għas-sitt snin li ġejjin. Filwaqt li nirringrazzjaha għall-kliem li qaltli anki f’isimkom, nawgura lilha u lill-kollaboraturi qrib tagħha ħidma siewja fil-qadi tal-Moviment, li f’dawn is-snin kompla jikber u jistgħana b’opri u attivitajiet ġodda anki fil-Kurja Rumana.

Ħamsin sena mill-Konċilju Vatikan II, il-Knisja hi msejħa biex tagħmel pass ġdid fl-evanġelizzazzjoni billi tkun xhieda tal-imħabba t’Alla lejn kull bniedem, ibda minn dawk l-aktar fqar u mwarrba, u biex  bit-tama, bil-fraternità u bil-ferħ  tkabbar  il-mixja tal-bnedmin lejn l-unità.

L-Opra ta’ Marija – magħrufa minn kulħadd bl-isem Moviment tal-Fokolari – twieldet fi ħdan il-Knisja Kattolika minn żerriegħa ċkejkna li mas-snin saret  siġra li issa l-friegħi tagħha nfirxu fl-espressjonijiet kollha tal-familja nisranija u anki fost membri ta’  reliġjonijiet differenti u fost ħafna li jikkultivaw il-ġustizzja u s-solidarjetà flimkien mat-tiftix għall-verità. Din l-Opra ħarġet minn don tal-Ispirtu s-Santu – m’hemmx dubju! – il-kariżma tal-unità, li l-Missier irid jagħti lill-Knisja u lid-dinja biex  b’mod inċiżiv  u profezija  sseħħ it-talba ta’ Ġesù: “Li jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17,21).

B’imħabba kbira u rikonoxxenza, ħsiebna jmur fuq Chiara Lubich, xhud straordinarju ta’ dan id-don, li matul ħajja mimlija frott hi wasslet il-fwieħa ta’ Ġesù f’bosta realtajiet umani u f’ħafna partijiet tad-dinja. Filwaqt li jibqa’ fidil lejn il-kariżma li twieled u tmantna minnha, illum il-Moviment tal-Fokolari għandu quddiemu l-istess ħidma mistennija mill-Knisja kollha: li b’responsabbiltà u kreattività joffri s-sehem partikulari tiegħu għal dan l-istaġun ġdid tal-evanġelizzazzjoni. Il-kreattività hi importanti, wieħed ma jistax jimxi ‘l quddiem mingħajrha. Hi importanti! U lilkom li tagħmlu parti mill-Moviment tal-Fokolari u lil dawk li b’ xi mod iħaddnu l-ispirtu u l-ideali  tiegħu, nixtieq li f’dan il-kuntest nikkonsenjalkom tliet kelmiet: kontemplazzjoni, ħruġ u skola.

L-ewwelnett kontemplazzjoni. Illum, aktar minn qatt qabel, hemm bżonn nikkontemplaw lil Alla u l-meravilji ta’ mħabbtu, hemm bżonn ngħammru fiH, li ried jiġi f’Ġesù biex iwaqqaf l-għamara tiegħu fostna (ara Ġw 1,14). Barra minn hekk, tikkontempla tfisser tgħix fil-kumpannija ta’ ħutek, taqsam magħhom il-Ħobż tal-komunjoni u tal-fraternità, tgħaddi flimkien magħhom mill-bieb (ara Ġw10,9) li jwassalna fi ħdan il-Missier(ara Ġw 1,18), għax “il-kontemplazzjoni li tħalli barra lill-oħrajn hi qerq” (Eżort. ap. Evangelii gaudium, 281).  Hi narċisiżmu.

Ispirata minn Alla, bi tweġiba għas-sinjali taż-żmenijiet, Chiara Lubich kitbet: “Dan hu s-sabiħ taż-żmien tal-lum: tista’ tidħol f’kontemplazzjoni mill-aktar għolja u fl-istess ħin  titħallat mal-bqija tal-bnedmin” (Scritti spirituali 1, 27). Biex tkun tista’ tagħmel dan   hemm bżonn  ftuħ ġewwieni fuq il-kejl ta’ Ġesù u tad-don tal-Ispirtu tiegħu, u tħalli l-kontemplazzjoni  tkun kundizzjoni indispensabbli li twassal għal preżenza solidali u azzjoni effikaċi, li huma tassew ħielsa u pura.

Inħeġġiġkom tibqgħu fidili lejn dan l-ideal ta’ kontemplazzjoni, li tkomplu dejjem tfittxu l-għaqda ma’ Alla u l-imħabba lejn xulxin ma’ ħutkom il-bnedmin, filwaqt li tieħdu mill-għajn bnina tal-Kelma t’Alla u tat-Tradizzjoni tal-Knisja, u minn din ix-xenqa kbira għall-komunjoni u l-unità li l-Ispirtu s-Santu qanqal fi żmienna.  Agħtu dan it-teżor bħala don lil  kulħadd!

It-tieni kelma - importanti ħafna għax tesprimi l-moviment tal-evanġelizzazzjoni - hi ħruġ. Noħorġu bħalma ħareġ Ġesù minn ħdan il-Missier biex iħabbar il-kelma tal-imħabba lil kulħadd, u sa wasal biex jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu fuq l-għuda tas-salib. Jeħtieġ nitgħallmu minnu, minn Ġesù “din id-dinamika tal-eżodu u tad-don, li noħorġu barra minna nfusna, li nimxu u niżirgħu dejjem mill-ġdid, fi mkejjen dejjem ġodda” (Eżort. ap. Evangelii gaudium, 21) biex b’mod ġeneruż u b’rispett nikkomunikaw l-imħabba t’Alla għax kif jgħallimna l-Vanġelu “b’xejn ħadtu; b’xejn agħtu” (Mt 10,8).  Irid ikollna dan  is-sens ta’ għotja b’xejn għax il-Fidwa hekk saret. Ma jistax ikun hemm “ħlas” għall-maħfra tad-dnubiet. Din “ħallas” għalija Kristu darba, għal kulħadd! U din il-Fidwa li ġiet mogħtija lilna bla ma ħallasna għaliha, aħna rridu nwettquha ma’ ħutna l-bnedmin.  Dak li rċevejna rridu nagħtu b’xejn, b’mod gratwit. U l-gratwità tmur mal-kreattività; dawn it-tnejn imorru flimkien.

U biex nagħmlu dan hemm bżonn li nsiru esperti f’dik l-arti li tissejjaħ “djalogu” u li ma nitgħallmuhiex b’mod irħis. Ma nistgħux nikkuntentaw ruħna b’affarijiet ta’ nofs kedda, ma nistgħux nitilfu ħin, imma bil-għajnuna t’Alla jeħtieġ nimmiraw ‘l fuq u nwessgħu ħarsitna! U biex nagħmlu dan jeħtieġ li  b’kuraġġ  “ noħorġu niltaqgħu miegħU ‘l barra mill-kamp, mgħobbijin bil-għajb li refa’ hu” (Lhud 13,13). Hu qed jistennina fit-tiġrib u l-krib ta’ ħutna, fil-pjagi tas-soċjetà u fil-mistoqsijiet tal-kultura ta’ żmienna. Tħoss qalbek tingħafas meta tara knisja, umanità b’tant ġrieħi, ġrieħi morali, eżistenzjali, ġrieħi ta’ gwerra, li nħossuhom kuljum, u tara kif l-insara jibdew jagħmlu “biżantiniżmi” filosofiċi, teoloġiċi u spiritwali, meta minflok hemm bżonn ta’ spiritwalità ta’ ħruġ.  Trid toħroġ b’din l-ispiritwalità: u ma tistax tibqa’ magħluq fil-ftit li għandek tagħmel.  Dan mhux sewwa. Dan hu “biżantiniżmu”! Illum m’għandniex dritt għar-riflessjoni biżantineska. Jeħtieġ noħorġu! Għax, kif għidt drabi oħra, il-knisja qisha bħal sptar f’kamp. Meta tmur fi sptar bħal dan l-ewwel ħidma tkun li tikkura l-ġrieħi u mhux li tagħmel it-test tal-kolesterol....dak jiġi wara... Ċara din il-ħaġa?

U fl-aħħar hemm it-tielet kelma: skola. Fl-Ittra Appostolika tiegħu Novo millennio ineunte, San Ġwanni Pawlu II stieden il-Knisja kollha biex issir “dar u skola ta’ komunjoni” (ara n. 43), u din l-istedina intom  ħadtuha bis-serjetà. Hemm bżonn niffurmaw rġiel u nisa ġodda, kif jitlob il-Vanġelu u biex tasal għal dan hemm bżonn ta’ skola ta’ umanità fuq il-kejl tal-umanità ta’ Ġesù.  Għax Ġesù huwa l-Bniedem il-ġdid li ż-żgħażagħ ta’ kull żmien jistgħu jħarsu lejh, jinnamraw minnu, u jimxu fi triqtu biex jiffaċċaw l-isfidi li għandhom quddiemhom. Mingħajr il-ħidma ta’ formazzjoni xierqa għall-ġenerazzjonijiet ġodda, inkunu qed nilludu ruħna jekk naħsbu li nistgħu nwettqu proġett serju u dejjiemi li jkun ta’ servizz għall-umanità ġdida.

Fi żmienha Chiara Lubich kienet qalet espressjoni li  dejjem tibqa’ siewja ħafna: kienet qalet li llum jeħtieġ niffurmaw “uomini–mondo” ( bnedmin-dinja), rġiel u nisa li għandhom ruħ, qalb u moħħ ta’ Ġesù u allura kapaċi jagħrfu u jinterpretaw il-ħtiġijiet, il-preokkupazzjonijet u t-tamiet li jgħammru fil-qalb ta’ kull bniedem.

Għeżież ħuti, nawguralkom li din l-Assemblea tagħkom ikollha frott abbundanti; u nirringrazzjakom tal-impenn ġeneruż tagħkom. Jalla Marija, l-Omm tagħna, tgħinkom timxu dejjem b’fiduċja, b’kuraġġ u b’perseveranza, bi kreattività, b’mod gratwit u f’komunjoni mal-Knisja kollha, fil-mogħdijiet ta’ dawl u ta’ ħajja li jħejji l-Ispirtu s-Santu. Nagħtikom l-barka tiegħi,  u jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu għalija, għax għandi bżonn. Grazzi! 

 

Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.