Għeżież Beatitudnijiet, Eminenzi, Eċċellenzi, għeżież ħuti,

 

Nixtieq qabel xejn irrodd ħajr lill-Mulej li matul dawn is-snin kollha dawwal il-mixja sinodali tagħna bl-Ispirtu s-Santu tiegħu, li qatt ma jċaħħad lill-Knisja mill-għajnuna tiegħu.

 

Irrodd ħajr tassew lill-Em.T. il-Kardinal Lorenzo Baldisseri, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, lill-E.T. Mons. Fabio Fabene, Sotto-Segretarju, u magħhom nirringrazzja lir-Relatur l-Em.T. il-Kardinal Peter Erdő u s-Segretarju Speċjali l-E.T. Mons. Bruno Forte, il-Presidenti delegati, il-kittieba, il-konsulturi, it-tradutturi, il-kanturi u dawk kollu li ħadmu bla heda u b’dedikazzjoni sħiħa għall-Knisja: grazzi mill-qalb!  U nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Kummissjoni li ħadmet fuq ir-Relazzjoni: xi wħud baqgħu mqajma lejl sħiħ.

 

Grazzi lilkom kollha, għeżież Padri Sinodali, Delegati Fraterni, Udituri u Assessuri, Kappillani u familji, tas-sehem ħaj tagħkom li ħalla l-frott.

 

Nirringrazzja wkoll lill-“anonimi” u l-persuni kollha li ħadmu fis-skiet u hekk taw is-sehem ġeneruż tagħhom fil-ħidmiet ta’ dan is-Sinodu.

 

Ibqgħu żguri mit-talb tiegħi, biex il-Mulej iħallaskom hu lura bil-kotra tad-doni tiegħu ta’ grazzja!

 

Jiena u nsegwi l-ħidmiet tas-Sinodu, staqsejt lili nnifsi: X’sa jfisser għall-Knisja l-għeluq ta’ dan is-Sinodu ddedikat lill-familja?

 

Żgur li ma jfissirx li kkonkludejna t-temi kollha li jolqtu lill-familja, imma li fittixna li ndawluhom bid-dawl tal-Vanġelu, tat-tradizzjoni u ta’ l-istorja bimillenarja tal-Knisja, biex nimlewhom bil-ferħ tat-tama bla ma naqgħu fir-ripetizzjoni faċli ta’ dak li hu indiskutibbli jew diġà ntqal.

 

Żgur ma jfissirx li sibna soluzzjonijiet eżawrjenti għad-diffikultajiet kollha u għad-dubji li qed jisfidaw u jheddu lill-familja, imma li qegħidna dawn id-diffikultajiet u dubji taħt id-dawl tal-Fidi, flejnihom b’attenzjoni, affrontajnihom bla biża’ u bla ma ħbejna rasna taħt ir-ramel.

 

Ifisser li ħeġġiġna lil kulħadd biex jifhem l-importanza ta’ l-istituzzjoni tal-familja u taż-Żwieġ bejn raġel u mara, imsejsa fuq l-għaqda u l-indissolubbiltà, u biex japprezzaha bħala bażi fundamentali tas-soċjetà u tal-ħajja umana.

 

Ifisser li smajna u semmajna l-ilħna tal-familji u tar-ragħajja tal-Knisja li ġew Ruma jġorru fuq spallejhom il-piżijiet u t-tamiet, l-għana u l-isfidi tal-familji minn kull parti tad-dinja.

 

Ifisser li tajna prova ta’ kemm hi ħajja l-Knisja Kattolika, li ma tibżax theżżeż il-kuxjenzi rieqda u tħammeġ idejha billi tiddiskuti b’mod ħaj u miftuħ fuq il-familja.

 

Ifisser li fittixna nħarsu u naqraw ir-realtà, anzi r-realtajiet, tal-lum bl-għajnejn ta’ Alla, biex nixegħlu u ndawlu bil-fjamma tal-fidi l-qlub tal-bnedmin, fi żmien storiku ta’ qtigħ il-qalb u ta’ kriżi soċjali, ekonomika, morali u ta’ negattività qawwija.

 

Ifisser li tajna xhieda quddiem kulħadd li l-Vanġelu jibqa’ għall-Knisja l-għajn ħajja ta’ novità eterna, kontra min irid “jinduttrinah” f’ġebel mejjet biex iwaddbu għall-oħrajn.

 

Ifisser ukoll li neżżajna qlubna magħluqa li spiss jinħbew saħansitra wara t-tagħlim tal-Knisja, jew wara l-fehmiet tajba, biex ipoġġu fuq il-katedra ta’ Mosè u jagħmlu ħaqq, xi drabi b’superjorità u superfiċjalità, mill-każijiet diffiċli u l-familji miġruħa.

 

Ifisser li affermajna li l-Knisja hi Knisja tal-foqra fl-ispirtu u tal-foqra li qed ifittxu l-maħfra u mhux biss tal-ġusti u tal-qaddisin, anzi tal-ġusti u tal-qaddisin meta jħossuhom foqra u midinba.

 

Iffiser li fittixna niftħu l-ixfqa biex negħlbu kull ermenewtika negattiva jew għeluq ta’ perspettivi, biex inħarsu u nxerrdu l-ħelsien ta’ wlied Alla, biex ngħaddu l-ġmiel tan-Novità Nisranija, xi drabi mgħotti mis-sadid ta’ lingwaġġ arkajku jew sempliċement ma jinftehimx.

 

Fil-mixja ta’ dan is-Sinodu l-fehmiet differenti li esprimew ruħhom liberament – u b’xorti ħażina xi drabi mhux b’metodi għal kollox tajbin – żgur li għanew u taw il-ħajja lid-djalogu, offrew xbieha ħajja ta’ Knisja li ma tużax “forom prefabbrikati”, imma li mill-għajn li qatt ma taqta’ tal-fidi tagħha tislet dak l-ilma ħaj biex taqta’ l-għatx lill-qlub niexfa.[1]

 

U – lil hemm mill-kwistjonijiet dommatiċi li huma definiti tajjeb mill-Maġisteru tal-Knisja – rajna wkoll kemm dak li jidher normali għal isqof ta’ kontinent, jista’ jirriżulta stramb, kważi skandlu – kważi! – għal isqof minn kontinent ieħor; dak li jitqies vjolazzjoni ta’ liġi f’soċjetà, jista’ jkun preċett ovvju u ma jintmessx għal soċjetà oħra; dak li għal xi wħud hu libertà ta’ kuxjenza, għal oħrajn jista’ jkun biss konfużjoni.  Fir-realtà, il-kulturi huma differenti ħafna minn xulxin u kull prinċipju ġenerali – kif għidt, il-kwistjonijiet dommatiċi huma definiti tajjeb mill-Maġisteru tal-Knisja – kull prinċipju ġenerali hemm bżonn jiġi inkulturat, jekk irridu li jkun osservat u applikat.[2]  Is-Sinodu ta’ l-1985, li ċċelebra l-għoxrin anniversarju mill-għeluq tal-Konċilju Vatikan II, tkellem dwar l-inkulturazzjoni bħala “bidla intima tal-valuri awtentiċi kulturali permezz ta’ l-integrazzjoni tal-Kristjaneżmu, u li nniżżlu l-għeruq tal-Kristjaneżmu fl-għadd ta’ kulturi tal-bnedmin”.[3]  L-inkulturazzjoni ma ddgħajjifx il-valuri veri, imma turi l-vera qawwa tagħhom u l-awtentiċità tagħhom, għax dawn jadattaw ruħhom bla ma jinbidlu, anzi huma jibdlu bil-mod il-mod u paċifikament lid-diversi kulturi.[4]

 

Stajna naraw, anki permezz ta’ l-għana tad-diversità tagħna, li l-isfida li għandna quddiemna hi dejjem l-istess waħda: li nħabbru l-Vanġelu lill-bniedem tal-lum, naqbżu għall-familja f’wiċċ l-attakki ideoloġiċi u individwalistiċi kollha.

 

U, bla qatt nagħqu fil-periklu tar-relattiviżmu jew li niddemonizzaw lill-oħrajn, fittixna li nħaddnu b’mod sħiħ u kuraġġjuż it-tjieba u l-ħniena ta’ Alla li hu ’l fuq mill-kalkoli umani kollha tagħna u ma jrid xejn iżjed ħlief li “il-bnedmin kollha jsalvaw” (1 Tim 2:4), biex hekk ngħixu dan is-Sinodu u ndaħħluh fil-kuntest tas-Sena Straordinarja tal-Ħniena li l-Knisja hi msejħa tgħix.

 

Għeżież Ħuti,

 

L-esperjenza tas-Sinodu għenitna wkoll nifhmu aħjar li d-difensuri veri tad-duttrina m’humiex dawk li jiddefendu l-ittra, imma l-ispirtu; mhux l-ideat, imma l-bniedem; mhux il-formuli, imma l-imħabba b’xejn ta’ Alla u tal-maħfra tiegħu.  Dan bl-ebda mod ma jfisser li nnaqqsu mill-importanza tal-formuli: dawn huma meħtieġa; mhux l-importanza tal-liġijiet u tal-kmandamenti divini, imma ngħollu l-kobor tal-veru Alla, li ma jimxix magħna skond kif jixirqilna u lanqas skond l-opri tagħna, imma biss skond il-qalb tajba u bla tarf tal-Ħniena tiegħu (ara Rum 3:21-30; Salm 129; Lq 11:37-54).  Ifisser li negħlbu t-tentazzjonijiet kontinwi ta’ l-iben il-kbir (ara Lq 15:25-32) u tal-ħaddiema għajjurin (ara Mt 20:1-16).  Anzi, ifisser li nagħtu valur ikbar lil-liġijiet u l-kmandamenti maħluqa għall-bniedem u mhux bil-kontra (ara Mk 2:27).

 

F’dan is-sens, l-indiema meħtieġa, l-opri u l-isforzi umani jassumu tifsira iżjed profonda, mhux bħala prezz ta’ Salvazzjoni li ma tistax tinkiseb, li hi dik imwettqa b’xejn minn Kristu fuq is-Salib, imma bħala tweġiba lil Dak li ħabbna hu l-ewwel u fdiena bil-prezz tad-demm tiegħu bla ħtija, meta aħna konna għadna midinbin (ara Rum 5:6).

 

L-ewwel dmir tal-Knisja m’huwiex dak li tqassam kundanni u anatemi, imma li xxandar il-ħniena ta’ Alla, li ssejjaħ għall-konverżjoni u twassal lill-bnedmin kollha għas-salvazzjoni tal-Mulej (ara Ġw 12:44-50).

 

Il-Beatu Pawlu VI, bi kliem ta’ l-għaġeb, qalilna: “Nistgħu, mela, naħsbu li kull dnub jew ħarba tagħna minn Alla jixegħlu fiH fjamma ta’ mħabba ikbar, xewqa li jerġa’ jiksibna għalih u jdaħħalna mill-ġdid fil-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni […].  Alla, fi Kristu, juri kemm hu twajjeb bla qies […].  Alla hu twajjeb.  U mhux biss fih innifsu; Alla hu – dan ngħiduh bil-biki – twajjeb għalina.  Hu jħobbna, ifittixna, jaħseb fina, jafna, inebbaħna u jistennina: Hu – biex ngħidu hekk – ikun ferħan dak in-nhar li aħna nduru lura lejh u ngħidulu: Mulej, fit-tjieba tiegħek, aħfirli.  Araw, mela, kif l-indiema tagħna ssir il-ferħ ta’ Alla”.[5]

 

Anki San Ġwanni Pawlu II stqarr li “il-Knisja tkun tgħix ħajja vera meta tistqarr u xxandar il-ħniena […] u meta tressaq lill-bnedmin lejn l-għejun tal-ħniena tas-Salvatur, li huma fdati lilha biex tħarishom u tqassam minnhom”.[6]

 

Anki l-Papa Benedittu XVI qal: “Il-ħniena fil-verità hi l-qalba ċentrali tal-messaġġ tal-Vanġelu, hi l-istess isem ta’ Alla […].  Dak kollu li l-Knisja tgħid u tagħmel, jikxef il-ħniena li Alla għandu għall-bniedem.  Meta l-Knisja tħoss li għandha twissi dwar xi verità li m’hix tiġi mismugħa, jew xi ġid li ġie miċħud, dan tagħmlu dejjem misjuqa mill-imħabba ħanina, biex il-bnedmin ikollhom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra (ara Ġw 10:10)”.[7]

 

F’dan id-dawl u grazzi għal dan iż-żmien ta’ grazzja li l-Knisja għexet, hi u titkellem u tiddiskuti fuq il-familja, inħossuna nistagħnew ilkoll kemm aħna; u ħafna minna daqu l-azzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu, li hu l-veru protagonista u awtur tas-Sinodu.  Għalina lkoll il-kelma “familja” m’għadhiex iddoqq l-istess bħal qabel is-Sinodu, għax fiha diġà nsibu l-ġabra sħiħa tal-vokazzjoni tagħha u t-tifsira tal-mixja kollha tas-Sinodu.[8]

 

Fir-realtà, għall-Knisja, l-għeluq tas-Sinodu jfisser nerġgħu lura biex tabilħaqq “nimxu flimkien” ħa nwasslu f’kull rokna tad-dinja, f’kull Djoċesi, f’kull komunità u f’kull sitwazzjoni d-dawl tal-Vanġelu, it-tgħanniqa tal-Knisja u t-tweżin tal-ħniena ta’ Alla!

 

Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Ara Ittra lill-Kanċillier il-Kbir tal-“Pontificia Universidad Católica Argentina” fil-mitt anniversarju tal-Fakultà tat-Teoloġija, 3 ta’ Marzu 2015.

[2] Ara Kummissjoni Biblika PontifiċjaFede e cultura alla luce della Bibbia. Atti della Sessione plenaria 1979 della Pontificia Commissione Biblica, LDC, Leumann 1981; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Gaudium et spes, 44.

[3] Relazzjoni finali (7 ta’ Diċembru 1985): L’Osservatore Romano, 10 ta’ Diċembru 1985, 7.

[4] “Bil-qawwa tal-missjoni pastorali tagħha, il-Knisja jeħtieġ tkun dejjem għajnejha miftuħa għall-bidliet storiċi u għall-evoluzzjoni tal-mentalitajiet.  Dan żgur mhux biex toqgħod għalihom, imma biex tegħleb kull xkiel li jista’ jtellef lin-nies milli tilqa’ l-pariri u d-direttivi tagħha” (Intervista lill-Kardinal Georges Cottier f’La Civiltà Cattolica, 3963-3964, 8 ta’ Awwissu 2015, p. 272).

[5] Omelija, 23 ta’ Ġunju 1968: Insegnamenti VI (1968), 1177-1178.

[6] Enċiklika Dives in misericordia, 13. Qal ukoll: “Fil-misteru ta’ l-Għid… Alla jidher quddiemna bħala dak li hu: Missier ta’ qalb ħelwa, li ma jċedix quddiem l-ingratitudni ta’ wliedu u hu dejjem lest biex jaħfer” (Ġwanni Pawlu II, Regina cæli, 23 ta’ April 1995: Insegnamenti XVIII, 1 [1995], 1035).  U hekk fissirha r-reżistenza għall-ħniena: In-nies tal-lum, fil-fehma tagħhom, aktar forsi min-nies ta’ dari, huma kuntrarji għall-fehma ta’ xi Alla kollu ħniena, tant li jfittxu jwarrbu mill-ħajja u jneħħu minn qalb il-bniedem l-istess idea ta’ ħniena.  L-istess kelma ‘ħniena’, l-istess ħsieb qishom idejqu lil-bniedem” (Ittra enċilika Dives in misericordia [30 ta’ Novembru 1980], 2).

[7] Regina cæli, 30 ta’ Marzu 2008: Insegnamenti IV, 1 (2008), 489-490; u dwar il-qawwa tal-ħniena jistqarr hekk: “Hi l-ħniena li tqiegħed limitu quddiem il-ħażen.  Fiha tesprimi ruħha n-natura għal kollox partikulari ta’ Alla – il-qdusija teigħu, il-qawwa tal-verità u ta’ l-imħabba” (Omelija fil-Ħadd tal-Ħniena Divina, 15 ta’ April 2007: Insegnamenti III, 1 [2007], 667).

[8] Analiżi akrostika tal-kelma “familja” [famiglia bit-Taljan] tista’ tgħinna niġbru l-missjoni tal-Knisja fil-missjoni li: [Formare] Niffurmaw il-ġenerazzjonijiet il-ġodda biex jgħixu serjament l-imħabba mhux bħala xi preżunzjoni individwalistika msejsa biss fuq il-pjaċir u fuq l-“uża u armi”, imma biex jemmnu mill-ġdid fl-imħabba awtentika, għammiela u dejjiema, bħala l-unika triq biex joħorġu minnhom infushom, biex jinfetħu għall-persuna l-oħra, biex iwarrbu s-solitudni, biex jgħixu r-rieda ta’ Alla, biex jilħqu l-milja ta’ ħajjithom, biex jifhmu li ż-żwieġ hu “spazju li fih tidher l-imħabba divina; biex tiddefendi l-qdusija tal-ħajja, ta’ kull ħajja; biex tħares l-għaqda u l-indissolubbiltà tar-rabta konjugali bħala sinjal tal-grazzja ta’ Alla u tal-ħila tal-bniedem li jħobb bis-serjetà” (Omelija fil-Quddiesa tal-ftuħ tas-Sinodu, 4 ta’ Ottubru 2015: L’Osservatore Romano, 5-6 ta’ Ottubru 2015, p. 7) u biex jivvalorizzaw il-korsijiet bi tħejjija għaż-żwieġ bħala opportunità biex jinżlu iktar fil-fond tas-sens Nisrani tas-Sagrament taż-Żwieġ; [Andare] Immorru għand l-oħrajn, għax Knisja magħluqa fiha nfisha hi Knisja mejta; Knisja li ma toħroġx minn wara l-ħajt tagħha biex tfittex, biex tilqa’ u biex twassal lil kulħadd għand Kristu hi Knisja li tittradixxi l-missjoni u l-vokazzjoni tagħha; [Manifestare] Nuru u nqassmu l-ħniena ta’ Alla lill-familji fil-bżonn, lill-persuni abbandunati, lill-anzjani ttraskurati, lill-ulied miġruħa mis-separazzjoni tal-ġenituri, lill-familji foqra li qed jissieltu biex jgħixu, lill-midinbin li jħabbtu fuq il-bibien tagħna u lil dawk imbiegħda, lid-diżabbli u lil dawk kollha li jħossuhom miġruħa f’qalbhom u f’ġisimhom u lill-koppji mifnija min-niket, mill-mard, mill-mewt u mill-persekuzzjoni; [Illuminare] Indawlu l-kuxjenzi, spiss imdawra minn dinamiċi sottili li jagħmlu l-ħsara, li jfittxu saħansitra li joqogħdu huma flok Alla Ħallieq: dawn id-dinamiċi għandha tinkixfilhom il-maskra tagħhom u jiġu miġġielda fir-rispett sħiħ lejn id-dinjità ta’ kull persuna; [Guadagnare] B’umiltà, nirbħu u nibnu mill-ġdid il-fiduċja tan-nies fil-Knisja, li naqset drastikament minħabba fl-imġiba u d-dnubiet ta’ l-istess uliedha; sfortunatament, ix-xhieda kuntrarja u l-iskandli li saru fil-Knisja minn xi kjeriċi laqtu l-kredibbiltà tagħha u dallmu d-dija tal-messaġġ salvifiku tagħha; [Lavorare] Naħdmu intensament biex inwieżnu u nagħmlu l-qalb lill-familji b’saħħithom, il-familji fidili, il-familji numerużi li minkejja t-taħbit tal-ħajja ta’ kuljum qed ikomplu jagħtu xhieda kbira ta’ fedeltà lejn it-tagħlim tal-Knisja u l-kmandamenti tal-Mulej; [Ideare] Noħolqu pastorali ġdida tal-familja li tissejjes fuq il-Vanġelu u tirrispetta d-differenzi kulturali; pastorali li kapaċi twassal il-Bxara t-Tajba b’lingwaġġ attraenti u hieni u tneħħi mill-qlub taż-żgħażagħ il-biża’ li jieħdu impenji defenittivi; pastorali b’attenzjoni partikulari għall-ulied li huma l-veri vittmi tat-tiċrit fil-familji; pastorali innovattiva li tħaddem tħejjija xierqa għas-Sagrament taż-Żwieġ u twaqqaf il-prattika attwali li spiss iktar tieħu ħsieb tad-dehra ta’ formalità milli l-edukazzjoni għal impenn li jtul għall-ħajja kollha; [Amare] Inħobbu bla ebda kundizzjonijiet il-familji kollha u b’mod partikulari dawk li għaddejjin minn mument iebes: l-ebda familja ma għandha tħossha waħidha jew imħollija barra mill-imħabba u t-tgħanniqa tal-Knisja; il-veru skandlu hu l-biża’ li nħobbu u nuru b’mod konkret din l-imħabba.