Għeżież ħuti,

hu pjaċir tiegħi nilqa’ lilkom ilkoll, membri impenjati fl-Opri Missjunarji Pontifiċji, li tagħtu servizz lill-Knisja bil-mandat missjunarju li tevanġeliżżaw lill-popli sat-trufijiet tal-art.  Inrodd ħajr lill-Kardinal Filoni għad-diskors ġentili li għamel.

L-umanità għandha ħtieġa kbira tal-Vanġelu, għajn ta’ ferħ, ta’ tama u ta’ paċi.  Il-missjoni evanġeliżżatriċi hi prijoritarja, għax sal-lum, l-attività missjunarja għadha l-akbar sfida li għandha l-Knisja. «U kemm nixtieq  insib, anki għalikom, il-kliem biex inħeġġeġ għal staġun ta’ evanġeliżżazzjoni iżjed entużjasta, ferrieħa, ġeneruża, qalbiena, mimliji bl-imħabba minn ġewwa u b’enerġija li tittieħed!» (Eżortazzjoni Appostolika Il-Ferħ tal-Vanġelu, 261).

It-tħabbira tal-Evanġelju hija l-preokkupazzjoni ewlenija u kostanti tal-Knisja, hija l-impenn essenzjali, l-akbar sfida, u l-għajn tat-tiġdid tagħha.  Il-Beatu Pawlu VI kien iżid: “u l-vokazzjoni tagħha”.  Infatti, mill-missjoni evanġeliżżatriċi, mill-intensità u l-effikaċja tagħha, jitnissel ukoll it-tiġdid veru tal-Knisja, tal-istrutturi tagħha u tal-ħidma pastorali tagħha.  Mingħajr it-taħbil ir-ras u l-ħerqa tal-evanġeliżżazzjoni mhux possibbli li tkun żviluppata pastorali kredibbli u effikaċi, li tgħaqqad flimkien it-tħabbira u l- avvanz tal-bniedem.  «L-attività missjunarja hi l-mudell tal-ħidma kollha tal-Knisja» (Il-Ferħ tal-Vanġelu, 15).

Lilkom, membri tal-Kongregazzjoni għall-Evanġeliżżazzjoni tal-Popli u diretturi nazzjonali tal-Opri Missjunarji Pontifiċji, bħala vokazzjoni u bħala ministeru, għandkom xogħol impenjattiv u privileġġjat: ħarsitkom u l-interess tagħkom jinfetħu fuq l-ixqfa wiesa u universali tal-umanità.  Bl-istima u bl-imħabba intom takkumpanjaw il-ħajja tal-Knejjes żgħażagħ imferrxin mad-dinja, u tqanqlu l-Poplu t’Alla biex jgħix fil-milja tagħha l-missjoni universali.  Għandkom l-għarfien tal-meravilji li l-Ispirtu s-Santu, permezz ta’ dawn il-Knejjes, li spiss huma neqsin mir-riżorsi, iwettaq fl-umanità, anki bil-persekuzzjonijiet li huma jsofru minħabba l-fedeltà tagħhom u x-xhieda li jagħtu tal-Kelma t’Alla u tad-difiża tal-bniedem.  F’dawk il-periferiji umani, il-Knisja hi msejħa biex toħroġ fit-toroq u tiltaqa’ ma’ ħutna li jgħixu mingħajr ħeġġa d-dawl u l-faraġ ta’ Ġesù Kristu, mingħajr komunità ta’ fidi li tilqagħhom għandha, mingħajr ebda xefaq tas-sens tal-ħajja (cfr Il-Ferħ tal-Evanġelju, 49).

Għalhekk, il-Kongregazzjoni għall-Evanġeliżżazzjoni u l-Opri Missjunarji Pontifiċji huma l-protagonisti tal-evanġleiżżazzjoni mġedda, immirata lejn kulħadd, partikolarment il-foqra, tal-aħħar u l-emarġinati (cfr n. 198).

Bil-kariżma karatteristika tagħhom, l-Opri Missjunarji Pontifiċji, huma attenti u sensibbli għall-ħtiġijiet tat-territorji tal-missjoni, u partikolarment, għall-gruppi umani l-aktar foqra.  Huma strumenti ta’ komunjoni bejn il-Knejjes għax jiffavorixxu u jqiegħdu fis-seħħ il-qsim tar-riżorsi ekonomiċi bejn il-persuni.  Huma impenjati biex jagħtu sapport lis-seminaristi, presbiteri u r-reliġjużi nisa tal-Knejjes żgħażagħ fil-Kulleġġi Pontifiċji li jinsabu f’dawn it-territorji.  Quddiem xogħol tant sabiħ u importanti, il-fidi u l-imħabba lejn Kristu għandhom ħila jimbuttawna biex nersqu kullimkien biex inħabbru l-Evanġelju tal-imħabba, tal-fraternità u tal-ġustizzja.  Dan isir permezz tat-talb, tal-kuraġġ evanġeliku u bix-xhieda tal-Beatitudnijiet.  Jekk jogħġobkom, oqgħodu attenti biex ma taqgħux fit-tenazzjoni li ssiru Organiżazzjoni Mhux Governattiva, uffiċċju minn fejn jitqassmu l-għajnuniet ordinarji u straordinarji.  Il-flus jgħinu, dan nafuh! – imma jistgħu ukoll ikunu r-rovina tal-Missjoni.  Meta l-effiċjenza funzjonali tkun iċ-ċentru ta’ kollox, jew inkella tingħata attenzjoni żejda qiesha l-aktar ħaġa importanti, dan iwassal għar-rovina; għax l-ewwel mod li jwassal għall-mewt hu li “l-għajn”, jew Dak li jmexxi l-Missjoni, jitieħed “for granted”.  Jekk jogħġobkom, fil-ħafna pjanijiet u programmi li tagħmlu tħallux barra lil Ġesù Kristu mill-Opra Missjunarja, għax dik hi opra tiegħU.  Il-Knisja li tikkonċentra biss fuq kemm huma effiċjenti l-istrutturi hija diġà mejta, anki jekk l-istrutturi u l-programmi li jgħinu lill-kjeriċi u lill-lajċi jibqgħu jaħdmu għal sekli sħaħ.

Ma jistax ikun hemm evanġeliżżazzjoni vera jekk din ma tiġix mill-enerġija li tqaddes li tiġi mill-Ispirtu s-Santu, l-uniku li jista’ jġedded, iċaqlaq, jixpruna lill-Knisja biex toħroġ bil-qlubija minnha nnifisha ħalli tevanġeliżża l-popli (cfr ibid. n. 261).

Jalla l-Verġni Marija, Kewkba tal-Evanġeliżżazzjoni, tnissel fina dejjem il-ħeġġa għas-Saltna t’Alla, ħalli l-ferħ tal-Evanġelju jasal sa truf l-art u ebda periferija ma tibqa’ nieqsa mid-dawl tiegħu.  Inberikkom ilkoll bl-imħabba.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

Issa nistgħu ngħidu l-Angelus flimkien.

(Ġie reċitat l-Angelus)

Barka

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber