Għeżież Ħuti,

Nagħtikom merħba u nirringrazzja lill-Kardinal Kovithavanij għall-introduzzjoni tiegħu. Nirringrazzja wkoll lill-President u lill-Ko-president tal-Moviment tal-Fokolari għall-presenza tagħhom.

Il-ħbiberija tagħkom ma’ dan il-Moviment u l-interess tagħkom fl-“ispiritwalita’ ta’ komunjoni” ġabukom flimkien hawn f’Ruma.  Matul dawn il-ġranet  ir-riflessjoni tagħkom ser tkun iċċentrata b’mod partikulari fuq it-tema: “L-Ewkaristija, misteru ta’ komunjoni”.

Fil-fatt, il-kariżma tal-unita’ tal-Opra ta’ Marija hi ankrata b’mod qawwi ħafna mal-Ewkaristija, li tagħtiha l-karattru nisrani u ekkleżjali tagħha. Mingħajr Ewkaristija l-unita’ titlef is-seħer divin tagħha u ssir sentiment u dinamika li hi biss umana, psikoloġika u soċjoloġika. Iżda  l-Ewkaristija tiggarantixxi li Kristu jkun fiċ-ċentru u li l-Ispirtu tiegħu, l-Ispirtu s-Santu jmexxi l-passi tagħna u l-inizjattivi tagħna ta’ laqgħat u komunjoni.

L-appostlu Pawlu kiteb: “Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed: ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (1Kor 10,17). Bħala isqfijiet aħna niġbru l-komunitajiet tagħna madwar l-Ewkaristija,  għall-ikla doppja tal-Kelma u tal-Ħobż tal-ħajja. Dan hu s-serviz tagħna u hu fundamentali. L-Isqof hu prinċipju ta’ għaqda fil-Knisja, imma dan ma jistax iseħħ mingħajr l-Ewkaristija: l-Isqof ma jiġborx il-poplu madwar il-persuna tiegħu jew madwar l-ideat tiegħu, imma madwar Kristu li jinsab fil-Kelma  u fis-Sagrament tal-Ġisem u d-Demm tiegħu. Fl-iskola ta’ Ġesu’, ir-Ragħaj it-tajjeb li sar il-Ħaruf offrut b’sagrifiċċju u li rxoxta, l-Isqof jiġbor in-ngħaġ fdati lilu mal-offerta tal-ħajja tiegħu, filwaqt li hu stess jassumi forma ta’ eżistenza ewkaristika. Hekk, l-Isqof jikkonforma ruħu ma’ Kristu u bil-predikazzjoni u x-xhieda tiegħu  jsir Vanġelu ħaj,  Ħobż maqsum għall-ħajja ta’ ħafna. Min  b’fidi jmantni lilu nnifsu bi Kristu, il-Ħobż ħaj,  l-imħabba tqanqlu biex jagħti ħajtu għal ħutu, biex joħroġ jiltaqa’ ma’ min hu mwarrab u ddisprezzat.

Ħuti nirringrazzja b’mod speċjali lilkom li ġejtu mill-artijiet imdemmija tas-Sirja u tal-Iraq, u anki dik tal-Ukraina. Fit-tbatija ta’ kuljum li qed tgħixu flimkien mal-popli tagħkom,intom issibu l-forza li tiġi minn Ġesu’ Ewkaristija, issibu l-forza li tibqgħu mexjin ‘l quddiem fil-fidi u t-tama.

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa ta’ kuljum aħna magħqudin magħkom u filwaqt li noffru s-Sagrifiċċju ta’ Kristu nitolbu għalikom. Minn dan jieħdu forza u tifsira anki l-ħafna inizjattivi ta’ solidarjeta’ favur il-Knejjes tagħkom.

Għeżież ħuti nħeġġiġkom tkomplu mixjin ‘l quddiem fl-impenn tagħkom favur il-mixja ekumenika u d-djalogu inter-reliġjuż. U nirringrazzjakom tas-sehem li qed tagħtu  biex ikun hemm komunjoni akbar bejn il-movimenti ekkleżjali.

Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom. Nitolbu għal xulxin. Nirringrazzjakom tat-talb tagħkom.

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard