L-Għodwa t-tajba lil kulħadd!

Bdejt naħseb biex nagħmel diskors sabiħ, ippreparat....imbagħad għidt: aħjar nitkellem b’mod spontanju u ngħid dak li jgħodd f’dan il-mument.

Il-qofol ta’ dak li ser ngħid jgħodd għal dak li staqsa l-Kardinal (il-Prefett tal-Kongregazzjoni): il-kriterji awtentiċi biex niddixxernu dak li qed jiġri. Għax illum tassew li qed jiġru ħafna affarijiet, u biex ma nintilfux fid-dinja ta’ madwarna, fiċ-ċpar tal-mondanità, fil-provokazzjonijiet, fl-ispirtu ta’ kunflitt u tant affarijiet oħra, hemm bżonn ta’ kriterji awtentiċi li jiggwidawna. Li jiggwidawna fid-dixxerniment.

Imbagħad hemm ħaġ’oħra: dan l-Ispirtu s-Santu ħadd ma jrażżnu (jitbissem, jitbissmu),  ma jgħeja qatt ikun kreattiv! Tassew kreattiv fil-forom ġodda tal-ħajja konsagrata, fil-kariżmi ..... Interessanti: hu l-Awtur tad-diversità, u fl-istess ħin il-Ħallieq tal-unità, Dan hu l-Ispirtu s-Santu. U b’din id-diversità tal-kariżmi u tant affarijiet li jwettaq, Hu jgħaqqad il-Ġisem ta’ Kristu, u jġib l-għaqda anki fil-ħajja kkonsagrata. Din hi sfida wkoll.

Staqsejt lili nnifsi: liema huma l-affarijiet li l-Ispirtu s-Santu jrid li jibqgħu sodi fil-ħajja kkonsagrata? Bdejt naħseb... u ġiet quddiem għajnejja dik il-ġurnata meta mort San Giovanni Rotondo. Ma nafx għaliex, iżda hemmhekk rajt ħafna kkonsagrati jaħdmu... u ġie f’moħħi dak li kont għidt meta tkellimt hemm; ġew f’moħħi t-tliet “p” li kont tkellimt dwarhom. U għidt: dawn huma pilastri u jibqgħu dejjem pilastri tal-ħajja kkonsagrata: talb (preghiera), faqar (povertà) u paċenzja. U allura għażilt li llum nitkellem dwarhom, li ngħidilkom x’naħseb dwar it-talb fil-ħajja kkonsagrata, u mbagħad dwar il-faqar u l-paċenzja.

It-talb (preghiera): meta nitlob nerġa’ mmur lejn l-ewwel sejħa. Kull talba li nagħmel - anki meta nitlob għal xi ħaġa li jkolli bżonn - toħodni għand Dak li sejjaħli. It-talba ta’ wieħed ikkonsagrat, ta’ waħda kkonsagrata tieħdu mill-ġdid għand il-Mulej; għand dak li stedinna biex inkunu qrib tiegħu.

It-talb iwassalni biex nerġa’ mmur għand Dak li ħares f’għajnejja u qalli: “Ejja, ħalli kollox u ejja”. Ridt inħalli biss nofs l-affarijiet (nitkellmu dwar dan meta niġu għall-faqar). “Le, ħalli kollox u ejja”. U kemm konna ferħana meta ħallejna dak il-ħafna jew ftit li kellna! Kull wieħed minna jaf x’ħalla: ‘l ommu, ‘il missieru, il-familja, il-karriera... Tassew li jkun hemm ukoll min ifittex il-karriera “fuq ġewwa”, u dan mhux sewwa. F’kull talba li nagħmel, f’dak il-mument tat-talb, jien insib il-Mulej li sejjaħli biex nimxi warajh mill-qrib. It-talb iwassalni biex naħdem għal dak il-Mulej, mhux għall-interessi tiegħi jew għall-istituzzjoni li naħdem fiha, imma għall-Mulej. Hemm kelma li tintuża ħafna; tant tintuża li tilfet xi ftit mill-qawwa tagħha, iżda tindika dan sew: radikalità. Ma tantx inħobb nużaha, għax intużat ħafna, imma tfisser: inħalli kollox Għalik. Din hi it-tbissima tal-ewwel passi....Imbagħad jaslu l-problemi, ilkoll iltqajna ma’ ħafna problemi, imma dejjem irridu nerġgħu mmorru mill-ġdid għal-laqgħa tagħna mal-Mulej.

It-talb fil-ħajja kkonsagrata huwa dik l-arja li twassalna biex mill-ġdid nieħdu n-nifs ta’ dik is-sejħa, biex inġedduha. Mingħajr dik l-arja ma nistgħux inkunu konsagrati tajbin. Nistgħu nkunu erwieħ tajba, insara, kattoliċi li jaħdmu f’ħafna opri tal-Knisja, imma hemm bżonn niltaqgħu mal-Mulej fit-talb biex il-konsagrazzjoni tagħna tiġġedded il-ħin kollu. Iżda għandi ħafna x’nagħmel, għandi ħafna affarijiet li rrid nagħmilhom....”. It-talb hu aktar importanti. Mur itlob. Imbagħad hemm dak it-talb li żżommna fil-preżenza tal-Mulej il-ħin kollu. Xorta waħda hu talb. “Għandi xogħol kritiku u joħodli l-ġurnata kollha....”. Ejja naħsbu fuq mara kkonsagrata ta’ żminijietna: Madre Teresa. Madre Teresa kienet “tmur tfittex il-problemi”, kienet tmur ‘l hawn u ‘l hinn tiltaqa’ mal-problemi....iżda s-sagħtejn talb quddiem is-Santissmu ħadd ma kien joħodhomlha.”Il-kbira Madre Teresa!” Agħmel kif kienet tagħmel hi; fittex il-Mulej tiegħek; fittex lil Dak li sejjaħlek! It-talb. Mhux biss filgħodu....Kull wieħed irid jara kif jitlob, fejn jitlob u meta jitlob. Imma jrid jitlob dejjem. Ma tistax tgħix il-ħajja kkonsagrata, ma tistax tiddixxerni dwar dak li qed jiġri mingħajr ma titkellem mal-Mulej.

Ma rridx ngħid aktar dwar dan, imma naħseb li fhimtu. It-talb. F’dan il-mument ta’ tant tbatija għall-umanità, il-Knisja għandha bżonn ta’ rġiel u nisa li jitolbu.

It-tieni “p” hi l-faqar  (povertà.) Fil-Kostituzzjonijiet tagħna l-Ġiżwiti, Sant Injazju kiteb xi ħaġa li ma kinitx oriġinali tiegħu; naħseb li ħadha mill-Missirijiet tad-Deżert; kiteb: “Il-faqar huwa l-omm, il-ħajt li jikkontrolla l-ħajja kkonsagrata”. Il-faqar huwa “omm”. Interessanti: ma qalx li l-kastità hi omm, li forsi hi aktar marbuta mal-maternità u mal-paternità; le: il-faqar huwa l-omm. Mingħajr faqar m’hemmx fekondità fil-ħajja kkonsagrata. Il-faqar hu “ħajt” li jiddefendik. Jiddefendik żgur mill-ispirtu ta’ mondanità. Nafu li d-demonju jidħol mill-bwiet. Din hi xi ħaġa li nafuha lkoll. It-tentazzjonijet żgħar kontra l-faqar huma ġrieħi fil-ġisem tal-ħajja kkonsagrata. Faqar skont ir-regoli, skont il-kostituzzjoni ta’ kull kongregazzjoni: il-faqar ta’ kongregazzjoni mhux bħal dak ta’ oħra. Ir-regoli jgħidu: “Il-faqar tagħna huwa dan” jew “il-faqar tagħna hu li ngħixu dan”, iżda fir-regola dejjem hemm l-ispirtu ta’ faqar. Din mhijiex xi ħaġa li nistgħu ninnegozjaw dwarha. Mingħajr faqar, mingħajr spirtu ta’ faqar ma nistgħu qatt niddixxernu sew dwar dak li qed jiġri fid-dinja. Il-Mulej qal liż-żagħżugħ għani:“Ħalli kollox; agħti ġidek kollu lill-foqra”. Dak iż-żagħżugħ għani huwa aħna. “Iżda, Father, dan mhux għalija, ma tantx għandi ġid x’nagħti....”.  Iva, imma xi attakkament għandek! Dak hu li l-Mulej qed jitlob minnek: dak hu “l-Iżakk” li trid tissagrifika. Ruħek trid tinża minn kollox. Trid tkun fqir. U b’dan l-ispirtu ta’ faqar il-Mulej jiddefendina! Jiddefendina minn tant problemi u affarijiet li jfittxu li jeqirdu l-ħajja kkonsagrata.

Hemm tliet tarġiet li mill-konsagrazzjoni reliġjuża jwasslu għall-mondanità reliġjuża. Iva, hemm mondanità reliġjuża wkoll; bosta reliġjużi u kkonsagrati huma mondani. Hemm tliet tarġiet; l-ewwel: il-flus, jiġifieri n-nuqqas ta’ faqar. It-tieni: il-vanità li tibda mill-aktar ħaġa estrema li biha tagħmel lilek innifsek “pagun” sal-affarijiet l-aktar żgħar ta’ vanità. It-tielet ħaġa hi s-suppervja, il-kburija. L-ewwel tarġa hi l-attakkament mar-rikkezzi, mal-flus. Jekk wieħed jgħasses sew fuq dan, ma jkunx hemm l-affarijiet l-oħra. Għalhekk mhux attakkament mal-flus biss imma wkoll mar-rikkezzi. Biex wieħed jiddixxerni dwar dak li qed jiġri, jrid ikollu spirtu ta’ faqar. Ftit homework: kif qed ngħix il-faqar? Fittxu fil-kxaxen, fil-kxaxen ta’ ruħkom, ħarsu lejn il-personalità, ħarsu lejn il-Kongregazzjoni..... u araw fiex inhu l-faqar tagħkom. Din hi l-ewwel tarġa: jekk aħna nieħdu ħsiebha, l-affarijiet l-oħra ma jaħkmuniex. Il-faqar hu l-ħajt li jiddefendina mill-affarijiet l-oħra; hu l-omm li tagħmilna aktar reliġjużi u li twassalna biex inpoġġu r-rikkezza tagħna kollha fil-Mulej. Hu l-ħajt li jiddefendina minn dak l-iżvilupp mondan li tant jagħmel ħsara lil kull konsagrazzjoni. Il-faqar.

It-tielet, il-paċenzja. “Father, hawnhekk fejn tidħol il-paċenzja?” Il-paċenzja hi importanti. Is-soltu ma tantx nitkellmu dwarha, iżda l-paċenzja hi importanti ħafna. Jekk inħarsu lejn Ġesù, naraw li hu baqa’ jgħix il-paċenzja sal-aħħar ta’ ħajtu. Nistgħu ngħidu li wara l-aħħar ċena, meta Ġesù mar fil-Ġnien taż-Żebbuġ, hu “daħal fil-paċenzja” b’mod speċjali. “Daħal fil-paċenzja”. Hekk trid tkun l-imġiba ta’ min hu kkonsagrat. Trid tibda mill-affarijiet żgħar li wieħed jgħix fil-ħajja tal-komunità u fil-ħajja ta’ konsagrazzjoni skont il-varjetà li waqqaf l-Ispirtu s-Santu.... Tibda minn affarijiet żgħar, tissaporti affarijiet żgħar, tagħmel ġesti żgħar bħal titbissem minflok ma tibgħat lil xi ħadd jixxejjer.... u tasal sas-sagrifiċċju tiegħek innifsek, ta’ ħajtek. Din hi l-paċenzja, li twassalna biex “nerfgħu t-tagħbija” (hypomoné) u li San Pawl jitkellem dwarha bħala virtù nisranija. Il-ħajja kkonsagrata ma tkampax bla paċenzja, jiġifieri bla ħila li nbatu. Jekk ma “nidħlux fil-paċenzja”, il-ħajja tagħna tkun waħda ta’ nofs kedda. Tista’ tifhem għaliex ikun hemm il-kunflitti interni fil-kongregazzjoni meta ma jkunx hemm paċenzja. Meta ma jkunx hemm il-paċenzja biex wieħed jissaporti lill-ieħor, jirbaħ min ikun l-aktar b’saħħtu, li mhux dejjem ikun l-aħjar wieħed; u lanqas min ikun mirbuħ, ma jkun l-aħjar wieħed jekk ma jkollux paċenzja. Meta ma jkunx hemm paċenzja, tista’ tifhem għax fil-kapitli ġenerali jkun hemm il-karreriżmi u dawk “l-alleanzi” li jsiru minn qabel..... dan biex insemmi biss żewġ eżempji. Ma tafux kemm problemi, kemm kunflitti interni u tilwim jaslu għand Mons. Carbello (Segretarju tal-Kongregazzjoni). Iżda hu mill-Galizia u kapaċi jissaporti! Paċenzja. Nissaportu lil xulxin.

Iżda l-paċenzja mhux biss fil-ħajja komunitarja, iżda anki quddiem it-tbatijiet tad-dinja. Irridu nieħdu fuq spallejna l-problemi u t-tbatijiet tad-dinja. “Nidħlu fil-paċenzja”, kif għamel Ġesù biex seħħet il-fidwa. Il-paċenzja hi qofol, mhux biss biex nevitaw it-tilwim intern li hu skandlu, imma wkoll biex inkunu kkonsagrati, biex inkunu nistgħu nagħmlu dixxerniment. Il-paċenzja!

Irid ikollna paċenzja wkoll quddiem il-problemi komuni tal-ħajja konsagrata: bħan-nuqqas ta’ vokazzjonijiet. “Ma nafux x’naqbdu nagħmlu għax m’għandniex vokazzjonijet....Għalaqna tliet idjar”. Dan hu ilment li nisimgħuh kuljum, li tisimgħuh intom b’widnejkom u b’qalbkom ukoll. M’hawnx vokazzjonijiet. U meta ma jkunx hemm paċenzja.....Ser ngħidilkom xi ħaġa li ġrat u għadha qed tiġri: naf almenu b’żewġ każijiet ta’ żewġ kongregazzjonijiet u żewġ Provinċji rispettivi f’pajjiż sekolarizzat ħafna. Il-Provinċja bdiet dik il-mixja mondana ta’ “ars bene moriendi”, dak l-attaġġament ta’ “nagħmlu mewta tajba”. X’fisser dan f’dik il-Provinċja, f’dawk iż-żewġ Provinċji ta’ żewġ kongregazzjonijiet differenti? Għalqu n-novizzjat u min kien hemm baqa’ jixjieħ sa ma miet. U hekk il-kongregazzjoni f’dak il-post mietet. Qed ngħid l-istorja ta’ żewġ Provinċji maskili, ta’ żewġ kongregazzjonijiet li għamlu din l-għażla. Tonqos il-paċenzja u nispiċċaw bl-“ars bene moriendi”. Tonqos il-paċenzja u ma jkunx hemm vokazzjonijiet. Inbigħu u nattakkaw ruħna mal-flus għal dak li jista’ jinqala’ fil-futur. Meta kongregazzjoni tibda tattakka ruħha mal-flus, dan ikun sinjal li tkun qed toqrob il-mewt: Ma jkollhiex paċenzja u tasal għat- tieni “p”, tonqos il-povertà.

Forsi nista’ nistaqsi lili nnifsi: dak li ġara f’dawk iż-żewġ provinċji li għamlu l-għażla tal-ars bene moriendi”, qed jiġri f’qalbi? Il-paċenzja tiegħi spiċċat u qed nipprova nkampa kif nista’? Mingħajr paċenzja ma jistax ikollna qalb kbira, ma nistgħux nimxu wara l-Mulej; ngħejjew. Nimxu warajh sa ċertu punt, u meta tiġi l-ewwel jew it-tieni prova, nitilqu ‘l hemm. Nagħżel l-“ars bene moriendi”; il-ħajja konsagrata tiegħi tasal sa hawn, nagħlaq qalbi u nipprova nkampa. Ninsab fi stat ta’ grazzja, żgur li iva. “Father, ma mmurx l-infern?” Le, forsi ma tmurx. Imma ħajtek? Tlaqt il-possibbiltà li ssir missier jew omm ta’ familja, warrabt il-ferħ li jkollok ulied u neputijiet, ħallejt dan kollu u issa ser tispiċċa hekk? Din l-“ars bene moriendi hi ewtanasja spiritwali ta’ qalb ikkonsagrata li ma tkomplix triqtha, li m’għandhiex il-kuraġġ timxi wara Ġesu’. U ma ssejjaħx għall-għajnuna...

Ħadt bħala punt tat-tluq dan in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet: xi ħaġa li ġġib qrusa fir-ruħ. “M’għandix ulied”, kienet il-karba ta’ missierna Abram:“Mulej, ġidi ser jirtu barrani”. U l-Mulej qallu: “Ħu paċenzja. Għad ikollok iben”. “Ta’ 90 sena?”  U martu kienet wara t-tieqa bħalma jagħmlu n-nisa – skużawni - kienet qed tispija minn wara t-tieqa; hi xi ħaġa li jagħmluha n-nisa, mhijiex xi ħaġa ħażina - u  meta semgħet dan tbissmet u qalet: “Imma jien ta’ 90 sena? U żewġi  ta’  kważi 100 sena, ser ikollna t-tfal?”. “Paċenzja” qal il-Mulej. Tama, u nimxu ‘l quddiem, nibqgħu mexjin ‘l quddiem. 

Oqogħdu attenti għalihom dawn it-tliet “p”: talb (preghiera), faqar (poverta) u paċenzja.  Oqogħdu attenti.  Jien nemmen li lill-Mulej jogħġbuh  - ser ngħid kelma li ma togħġobnix  - għażliet radikali f’dan is-sens. Kemm jekk ikunu għażliet personali, u wkoll jekk ikunu komunitarji. Fuq dan irridu nirriskjaw.

Nirringrazzjakom tal-paċenzja li ħadtu biex tisimgħu din il-priedka twila (jidħku, iċapapu). Nirringrazzjakom! U nawguralkom ħafna frott. Qatt ma nafu minn liema  t-toroq tgħaddi l-fekondità tagħna, iżda  jekk tkun fqir,  jekk  ikollok paċenzja,  żgur li tagħmel il-frott. Kif? Il-Mulej jurik l-affarijiet “min-naħa l-oħra” , iżda  din hi r-riċetta biex tagħmel il-frott. Tkun missier, tkun omm: tagħmel il-frott.  Dan hu li nawgura lill-ħajja reliġjuża, li tagħmlu l-frott.

Grazzi! Komplu studjaw, aħdmu, agħmlu proposti tajbin, imma  araw li dejjem ikollhom dik il-ħarsa li jrid Ġesù. U meta taħsbu fuq l-ewwel “p”, ftakru fija u itolbu għalija. Grazzi.

Issa nitolbu lill-Madonna: (Sliem għalik Marija...) 

 [Barka]

Ġurnata tajba!


Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard