Għeżież Kollegi,

Ippermettuli nsejħilkom hekk għax anki jien kont għalliem bħalkom u għadni ngħożż tifkira sabiħa taż-żmien li għaddejt fil-klassi mal-istudenti.  Insellmilkom minn qalbi u nirringrazzja lill-President tad-diskors ġentili tiegħu.

Li tgħallem hu xogħol sabiħ ħafna.  Dnub li l-għalliema mhumiex imħallsin tajjeb.  Għax ma nistgħux inqisu biss il-ħin li jqattgħu l-iskola, iridu jħejju ruħhom, iridu jiftakru f’kull wieħed u waħda mill-istudenti tagħhom: kif jgħinuhom biex jimxu ‘l quddiem.  Veru dan?  Hija inġustizzja.  Jien naħseb f’Pajjiżi, biex ikollhom paga ftit jew wisq aċċettabbli l-imsejkna għalliema jkollhom jaħdmu l-“xiftijiet”.  Imma l-għalliema kif jispiċċa wara żewġ xiftijiet?  Hu xogħol imħallas ħażin imma sabiħ ħafna għax bih naraw jikbru ġurnata wara oħra lill-persuni li jkunu afdati f’idejna.  Ftit jew wisq insiru ġenituri, almenu spiritwalment.  U hija responsabbiltà kbira wkoll!

It-tagħlim hu impenn serju, li jista’ jitgħabba bih biss, min għandu personalità matura u ekwilibrata.  Impenn bħal dan jista’ jbeżża’ lil dak li jkun, imma rridu niftakru li ebda għalliem qatt ma jinsab waħdu: hu jew hi dejjem jaqsmu xogħolhom ma’ kollegi oħra u mal-komunità edukattiva kollha li jkunu jiffurmaw parti minnha.

L-assoċjazzjoni tagħkom għalqet 70 sena: età sabiħa!  Hu ġust li ssir festa, imma jistgħu jibdew isiru wkoll il-kontijiet mal-ħajja.

Meta twelidtu, fl-1944, l-Italja kienet għadha fi gwerra.  Minn dak iż-żmien ‘l hawn inbidlu ħafna l-affarijiet!  Anki l-iskola tbiddlet.  U l-iskola Taljana mxiet ‘il quddiem grazzi wkoll għall-kontribut mogtħi mill-assoċjazzjoni tagħkom li kienet twaqqfet mill-professur Gesualdo Nosengo, għalliem tar-reliġjon, li kien ħass il-ħtieġa li jiġbor flimkien l-għalliema tal-iskola sekondarja ta’ żmienu, li kienu jistqarru l-fidi Kattolika u li fil-ħidma tagħhom fl-iskejjel kienu ispirati minn twemminhom.

Tul dawn is-snin kollha intom tajtu kontribut biex il-Pajjiż jikber, ikkontribwejtu għat-tibdil tal-iskola, fuq kollox tajtu kontribut biex tedukaw ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ.

F’sebgħin sena l-Italja nbidlet, l-iskola nbidlet, imma dejjem għad hemmm għalliema lesti li jħaddmu l-professjoni tagħhom b’impenn, bl-entużjażmu u bid-disponibbiltà li hi mogtħija lilna mill-fidi fil-Mulej.

Kif għallimna Ġesù, il-Liġi kollha u l-Profeti jinġabru kollha f’żewġ kmandamenti: ħobb lill-Mulej Alla tiegħek u ħobb lill-proxxmu (Mt 22, 34-40).  Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: min hu l-proxxmu għall-għalliem?  Il-proxxmu huma l-istudenti tiegħek!  L-għalliem iqatta’ l-jiem tiegħu magħhom.  Minnu l-istudenti jistennew gwida, għan, tweġiba – u, qabel kollox, mistoqsijiet xierqa!

Il-ħidma tal-UCIIM ma jistax jonqos li ma ddawwalx u ma timmotivax idea ta’ skola ġusta, li kultant tittappan b’diskussjonijiet u pożizzjonijeit riduttivi.  Żgur li l-iskola hi magħmula minn struzzjoni valida u kwalifikata, imma wkoll mir-relazzjonijiet umani, li min-naħa tagħna huma relazzjonijiet ta’ akkoljenza u benevolenza li rridu nagħtu lil kulħadd mingħajr distinzjoni.  Anzi, id-dmir ta’ għalliem tajjeb – aktar u aktar għall-għalliem Nisrani – hu li jħobb b’intensità akbar lill-istudenti l-aktar diffiċli, l-aktar debboli, l-aktar żvantaġġjati.  Ġesù kien jgħid: jekk tħobbu biss lil dawk li jistudjaw, li għandhom manjieri tajbin, x’mertu għandkom?  Hemmm xi wħud minnhom li jtellfulek il-paċenzja, imma lil dawk irridu nħobbuhom aktar!  Kull għalliem se jħossu sew ma’ mal-istudenti li jikkollaboraw.  Lilkom qed nitlobkom biex tħobbu aktar lill-istudenti diffiċli, lil dawk li ma jridux jistudjaw, li dawk li jinsabu f’kundizzjoni ta’ faqar, lid-diżabbli, lill-istranġieri li llum huma sfida kbira għall-iskola.

Jekk illum assoċjazzjoni professjonali ta’ għalliema Nsara trid tagħti xhieda tal-ispirazzjoni tagħha, trid twieġeb għas-sejħa biex timpenja ruħha fil-periferiji tal-iskola, li m’għandhomx jisfaw abbandunati u emarġinati, jitħallew fl-injoranza, jintelqu għall-ħajja ta’ delinkwenza.  F’soċjetà li qed issibha diffiċli li jkollha punti ta’ riferiment, hu meħtieġ li ż-żgħażagħ isibu punt ta’ riferiment pożittiv fl-iskola.  L-iskola tista’ tkun jew tista’ ssir hekk, jekk fiha jkun hemmm għalliema mogħnijin bil-ħila li jagħtu sens lill-iskola, lill-istudju, lill-kultura, mingħajr ma jirriduċu kollox f’sempliċi trażmissjoni ta’ għarfien tekniku, imma billi jimmiraw biex jibnu relazzjoni edukattiva ma’ kull student, li għandu jħossu milqugħ u maħbub kif inhu, bil-limitazzjonijeit u l-potenzjalitajiet tiegħu.  Ix-xogħol tagħkom f’din id-direzzjoni hu meġtieġ ħafna.  Intom għandkom tgħallmu mhux biss il-kontenut tas-suġġett, imma anki l-valuri tal-ħajja u d-drawwiet tal-ħajja.  Dawn huma t-tliet affarijiet li intom għandkom tgħaddu lill-istudenti.  Biex wieħed jitgħallem il-kontenut, il-kompjuter hu biżżejjed, imma biex wieħed jitgħallem iħobb, biex jitgħallem liema valuri u liema drawwiet joħolqu l-armonija fis-soċjetà, hemm bżonn ta’ għalliem tajjeb.

Il-komunità Nisranija għandha tant eżempji ta’ edukaturi kbar li taw ħajjithom biex jimlew il-vojt li tħalli l-edukazzjoni skolastika jew biex iwaqqfu skejjel huma stess.  Niftakru fost l-oħrajn f’san Ġwann Bisco, li dis-sena jaħbat it-tieni ċentinarju mit-twelid tiegħu.  Lis-saċerdoti tiegħu kien dejjem itihom il-parir biex jedukaw bl-imħabba.  L-ewwel atteġġjament tal-għalliem għandu jkun l-imħabba.  Intom ukoll tistgħu tħarsu lejn dawn il-figuri, għalliema Nsara, għax l-iskola, kemm jekk hi mmexxija mill-Istat jew mhux statali, għandha bżonn ġo fiha edukaturi kredibbli u xhieda ta’ umanità matura u sħiħa.  Testimonjanza.  Din la tinxtara u lanqas tinbigħ: din tiġi offruta.

Bħala assoċjazzjoni, intom miftuħin għall-futur, għax dejjem hemm ġenerazjonijiet żgħażagħ lil min tgħaddu l-patrimonju ta’ għarfien u valuri.  Mil-lat professjonali hu importanti li taġġornaw rwieħkom fil-ħiliet didattiċi, anki fid-dawl tat-teknoloġiji l-ġodda, imma t-tagħlim mhux xogħol biss: it-tagħlim hu relazzjoni li biha kull għalliem irid iħossu involut bħala presuna biex jagħti sens lill-ħidma edukattiva tal-istudenti tiegħu.  Il-preżenza tagħkom hawn illum hi l-prova li intom mogħnijin b’dawk il-motivazzjonijiet meħtieġa fl-iskola.

Inħeġġiġkom biex iġġeddu l-ħerqa tagħkom għall-bniedem – ma nistgħux ngħallmu mingħajr entużjażmu! - fil-proċess ta’ formazzjoni, u biex tkunu xhieda ta’ ħajja u tama.  Qatt u qatt tagħlqu bieb, iftħuhom kollha biex l-istudenti jimtlew bit-tama.

Nitlobkom ukoll biex jekk jogħġobkom titlobu għalija, u nistedinkom ilkoll biex titolbu lill-Madonna u titolbuha l-barka tagħha.

(Ave Maria)

(Barka)

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber