LAQGĦA “IL-PROTEZZJONI TAL-MINURI FIL-KNISJA”

[IL-VATIKAN, 21-24 TA’ FRAR 2019]

 

Awla ġdida tas-Sinodu

Il-Ħamis 21 ta’ Frar 2019

 

INTRODUZZJONI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Quddiem il-pjaga tal-abbużi sesswali minn nies tal-Knisja bi ħsara għall-minuri, ħsibt li nitlob lilkom, Patrijarki, Kardinali, Arċisqfijiet, Isqfijiet, Superjuri Reliġjużi u Responsabbli, biex ilkoll flimkien nisimgħu lill-Ispirtu s-Santu u b’doċilità għat-tmexxija tiegħu nagħtu widen għall-karba taċ-ċkejknin li qed jitolbu ġustizzja. Il-laqgħa tagħna hi mgħobbija bil-piż tar-responsabbiltà pastorali u ekkleżjali li tobbligana niddiskutu flimkien, b’mod sinodali, sinċier u approfondit fuq kif għandna naffrontaw dan il-ħażen li qed jifni lill-Knisja u lill-bniedem. Il-Poplu qaddis ta’ Alla qiegħed b’għajnejh fuqna u jistenna minna mhux kundanni sempliċi u ovvji, imma miżuri konkreti u effikaċi li jistgħu jittieħdu. Hemm bżonn tal-konkretezza.

 

Mela ejjew nibdew din il-mixja tagħna armati bil-fidi u bl-ispirtu tal-ikbar parresia, ta’ kuraġġ u ta’ konkretezza.

 

Bħala sussidju, ippermettuli naqsam magħkom xi kriterji importanti, ifformulati mid-diversi Kummissjonijiet u Konferenzi Episkopali – waslu mingħandkom, jien kemm poġġejthom xi ftit f’lista… –. Huma linji-gwida li se jitqassmulkom issa biex jgħinuna fir-riflessjoni tagħna. Huma sempliċiment punt ta’ tluq, li ġej minnkom u qed jerġa’ lura għandkom, u li ma jneħħi xejn mill-kreattività li għandu jkun hemm f’din il-laqgħa.

 

F’isimkom ukoll, nixtieq nirringrazzja lill-Kummissjoni Pontifiċja għall-Ħarsien tal-Minuri, lill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi u lill-membri tal-Kumitat organizzattiv għall-ħidma eċċellenti li saret b’impenn kbir fit-tħejjija ta’ din il-laqgħa. Grazzi ħafna!

 

Fl-aħħar nett, nitlob lill-Ispirtu s-Santu li jweżinna f’dawn il-jiem u jgħinna nibdlu dan il-ħażen f’opportunità ta’ għarfien u ta’ tisfija. Il-Verġni Marija ddawwalna hi biex infittxu nikkuraw il-ġrieħi gravi li l-iskandlu tal-pedofelija kkawża kemm fiż-żgħar u kemm f’dawk li jemmnu. Grazzi.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard