Għeżież ħuti,

 

Insellmilkom minn qalbi fil-Mulej.  Hu ta’ pjaċir kbir għalija li qed niltaqgħu f’dan il-Katidral tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej.  Din id-dar tat-talb, flimkien ma’ bosta oħrajn, ġiet irrestawrata grazzi għall-ġenerożità kbira ta’ ħafna nies.  Tinsab wieqfa bħala sinjal elokwenti ta’ l-isforz kbir ta’ rikostruzzjoni, li intom u l-ġirien tagħkom wettaqtu wara d-devastazzjoni kkawżata mit-tifun Yolanda.  Ifakkar ukoll lilna kollha fil-fatt li, anki qalb id-diżastri u t-tbatijiet, Alla tagħna jaħdem kontinwament, u jġedded kollox.

 

Bosta minnkom batew ħafna, mhux biss minħabba t-tifrik ikkawżat mill-urugan, imma għat-telfa ta’ familjari u ħbieb.  Il-lum nitilqu f’idejn il-ħniena ta’ Alla lil dawk kollha li ħallewna, u nitolbu l-faraġ tiegħu u s-sliem tiegħu għal dawk li għadhom jibku.  Niftakru b’mod speċjali f’dawk li n-niket qed jagħmilhielhom diffiċli jaraw kif jistgħu jibqgħu mexjin.  Fl-istess ħin, nirringrazzjaw lill-Mulej għal dawk kollha li għamlu ħilithom kollha f’dawn ix-xhur biex inaddfu r-rovini, biex iżuru l-morda u l-moribondi, biex ifarrġu lil dawk li qed ibatu u jidfnu l-mejtin.  It-tjieba tagħhom u l-għajnuna ġeneruża minn ħafna persuni mid-dinja kollha huma sinjal veru li Alla qatt ma jitlaqna waħidna!

 

B’mod speċjali rrid hawn nirringrazzja lill-ħafna saċerdoti u kkonsagrati li wieġbu b’ġenerożità kbira għall-ħtiġijiet iddisprati tal-persuni mil-lokalitajiet l-aktar milquta ħażin.  Bil-preżenza u l-karità tagħkom, tajtu xhieda tal-ġmiel u l-verità tal-Vanġelu.  Għamiltu preżenti l-Knisja bħala għajn ta’ tama, ta’ fejqan, ta’ ħniena.  Flimkien ma’ ħafna mill-ġirien tagħkom, urejtu wkoll il-fidi qawwija u l-ħila ta’ reżistenza tal-poplu Filippin.  L-għadd ta’ stejjer ta’ tjieba u ta’ sagifiċċju personali li ħarġu minn dawk il-jiem mudlama għandhom jibqgħu mfakkra u mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

 

Xi ħin ilu berikt iċ-Ċentru ġdid għall-Foqra, li wkoll hu wieqaf bħala sinjal ieħor ta’ l-għożża u l-attenzjoni tal-Knisja għal ħutna fil-bżonn.  Huma bosta!  U ta’ kemm iħobbhom Alla!  Il-lum, minn dan il-post li daq it-tbatija u l-bżonn hekk qawwi uman, nitlob li jsir iżjed għall-foqra.  Fuq kollox, nitlob li l-foqra tal-pajjiż kollu jiġu ttrattati b’mod ugwali, li tiġi rrispettata d-dinjità tagħhom, li l-għażliet politiċi u ekonomiċi jkunu ġusti u inklużivi, li joktru l-opportunitajiet ta’ xogħol u ta’ edukazzjoni, u li jitneħħa kull xkiel għat-twettiq tas-servizzi soċjali.  Il-kriterju li bih għandna nimxu mal-foqra sa jkun dak li bih niġu ġġudikati (ara Mt 25:40,45).  Nitlob lilkom ilkoll, u lil dawk kollha responsabbli mill-ġid tas-soċjetà, li ġġeddu l-impenn tagħkom għall-ġustizzja soċjali u l-ħelsien tal-foqra, kemm hawn u kemm fil-Filippini kollha.

 

Fl-aħħar nett, nixtieq ngħid kelma ta’ ringrazzjament sinċier liż-żgħażagħ hawn preżenti, inklużi s-seminaristi u ż-żgħażagħ ikkonsagrati.  Ħafna minnkom urew ġenerożità erojka fis-sitwazzjoni kkawżata mit-tifun.  Nittama li tibqgħu dejjem konxji li l-ferħ veru jiġi meta ngħinu lill-oħrajn, noffrulhom lilna nfusna b’sagrifiċċju personali, ħniena u kompassjoni.  Hekk intom tkunu qawwa b’saħħitha għat-tiġdid tas-soċjetà, mhux biss fil-ħidma tar-rikostruzzjoni tal-binjiet imma, fuq kollox, fil-bini tas-Saltna ta’ Alla, Saltna ta’ qdusija, ta’ ġustizzja u ta’ paċi, f’pajjiżkom.

 

Għeżież saċerdoti u kkonsagrati, għeżież familji u għeżież ħbieb, f’dan il-Katidral tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej nitolbu li ħajjitna tissokta tkun imwieżna u mibdula mill-qawwa tal-qawmien tiegħu.  Nafdakom ilkoll taħt il-ħarsien maħbub ta’ Marija, Omm il-Knisja.  Ħa tikseb hi għalikom u għall-ulied maħbuba kollha li jgħixu f’dawn l-artijiet barkiet ta’ faraġ, ferħ u paċi tal-Mulej.  Il-Mulej iberikkom ilkoll!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard