[Omelija meħuda mir-Ritwal għall-Ordinazzjoni tal-presbiteri]

 

Ħuti l-aktar għeżież, dawn uliedna ġew imsejħa għall-ordni tal-presbiterat. Ejjew nirriflettu b’attenzjoni dwar il-ministeru li għalih se jiġu mgħollija fil-Knisja.

 

Kif tafu tajjeb, ħuti, il-Mulej Ġesù hu s-Saċerdot il-kbir il-waħdieni tat-Testment il-Ġdid; imma fih anki l-poplu kollu qaddis ta’ Alla ġie mwaqqaf bħala poplu saċerdotali. Madankollu, fost id-dixxipli kollha tiegħu, il-Mulej Ġesù ried jagħżel xi wħud b’mod partikulari, biex huma u jħaddmu pubblikament fil-Knisja l-uffiċċju saċerdotali f’ismu għall-ġid tal-bnedmin kollha, jissoktaw il-missjoni personali tiegħu ta’ mgħallem, saċerdot u ragħaj.

 

Kif fil-fatt għal dan ġie mibgħut mill-Missier, hekk hu min-naħa tiegħu bagħat fid-dinja l-ewwel lill-Appostli u mbagħad l-isqfijiet, suċċessuri tagħhom, li lilhom fl-aħħar ġew mogħtija bħala kollaboraturi l-presbiteri, li, magħquda magħhom fil-ministeru saċerdotali, huma msejħa għas-servizz tal-poplu ta’ Alla.

 

Wara riflessjoni matura, issa aħna ġejna biex ngħollu għall-ordni tal-presbiteri lil dawn ħutna, biex għas-servizz ta’ Kristu mgħallem, saċerdot u ragħaj, jikkoperaw biex jibnu l-ġisem ta’ Kristu, li hi l-Knisja, f’poplu ta’ Alla u tempju qaddis tal-Ispirtu.

 

U intom, uliedi l-aktar għeżież, li wasaltu biex tiġu mgħollija għall-ordni tal-presbiterat, qisu li bit-tħaddim tal-ministeru tat-tagħlim imqaddes sa jkollkom sehem fil-missjoni ta’ Kristu, mgħallem waħdieni. Qassmu lil kulħadd dik il-kelma ta’ Alla, li intom stess ilqajtu bil-ferħ. Aqraw u mmeditaw ta’ spiss il-kelma tal-Mulej biex temmnu dak li qrajtu, tgħallmu dak li fhimtu fil-fidi, għixu dak li tkunu għallimtu. Ħa jkun mela ikel għall-poplu ta’ Alla t-tagħlim tagħkom, ferħ u tweżin għall-fidili ta’ Kristu l-fwieħa ta’ ħajjitkom, biex bil-kelma u l-eżempju tibnu d-dar ta’ Alla, li hi l-Knisja.

 

Intom se tissoktaw il-ħidma tal-qdusija mibdija minn Kristu. Permezz tal-ministeru tagħkom is-sagrifiċċju spiritwali tal-fidili jsir perfett, għax magħqud mas-sagrifiċċju ta’ Kristu, li b’idejkom f’isem il-Knisja kollha jiġi offrut bla tixrid ta’ demm fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri mqaddsa.

 

Agħrfu mela dak li qed tagħmlu, ixbhu dak li tiċċelebraw, biex bis-sehem tagħkom fil-misteru tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej, iġġorru fil-membri ta’ ġisimkom il-mewt ta’ Kristu u timxu miegħu lejn ħajja ġdida.

 

Bil-Magħmudija xxierku fidili ġodda għall-poplu ta’ Alla; bis-sagrament tal-Penitenza taħfru d-dnubiet f’isem Kristu u l-Knisja; bid-Dilka mqaddsa tagħtu serħan lill-morda; biċ-ċelebrazzjoni tar-riti mqaddsa u meta f’bosta sigħat tal-jum tgħollu t-talb ta’ tifħir u ta’ supplika, issiru leħen għall-poplu ta’ Alla u għall-bnedmin kollha.

 

Meta tafu li intom ġejtu magħżula minn fost il-bnedmin u għalihom imwaqqfa biex taħsbu fil-ħwejjeġ ta’ Alla, ħaddmu bil-ferħ u l-karità sinċiera l-opra saċerdotali ta’ Kristu, bl-għan waħdieni li togħġbu lil Alla u mhux lilkom infuskom.

 

Fl-aħħar nett, bis-sehem tagħkom fil-missjoni ta’ Kristu, ras u ragħaj, f’xirka ta’ wlied mal-isqof tagħkom, ħabirku biex tiġbru lill-fidili f’familja waħda, biex twassluhom għand Alla l-Missier permezz ta’ Kristu fl-Ispirtu s-Santu. Żommu dejjem quddiem għajnejkom l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb, li ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi, u biex ifittex u jsalva lill-mitlufa.

 

U issa ndur fuqkom, ħuti għeżież li ġejtu għal din il-festa, għal din il-festa kbira ta’ Alla fl-Ordinazzjoni ta’ dawn is-saċerdoti ħutna. Naf li ħafna minnkom ġejtu mill-bogħod, bi vjaġġ ta’ iżjed minn jumejn… Grazzi tal-ġenerożità tagħkom! Dan juri l-imħabba li għandkom għall-Knisja, dan juri l-imħabba li għandkom għal Ġesù Kristu. Grazzi ħafna! Grazzi ħafna għall-ġenerożità tagħkom, grazzi ħafna għall-fedeltà tagħkom. Ibqgħu mexjin ’il quddiem, bl-ispirtu tal-Beatitudnijiet. U llum nitlobkom, itolbu dejjem għas-saċerdoti tagħkom, speċjalment għal dawn li llum se jirċievu s-sagrament tal-Ordni Sagri. Il-poplu ta’ Alla jwieżen is-saċerdoti bit-talb. Hi responsabbiltà tagħkom twieżnu lis-saċerdoti. Xi ħadd forsi jistaqsini: “Imma, Dun, kif nagħmlu biex inwieżnu lis-saċerdoti?”. Afdaw fil-ġenerożità tagħkom. Il-qalb ġeneruża li għandkom turikom hi kif twieżnu lis-saċerdoti. Imma l-ewwel għajnuna li tistgħu tagħtu lis-saċerdot hi t-talb. Il-poplu ta’ Alla – jiġifieri kulħadd, kulħadd – iwieżen lis-saċerdot bit-talb. Tegħjew qatt titolbu għas-saċerdoti tagħkom. Jien naf li hekk ħa tagħmlu. Grazzi ħafna! U issa nkomplu bir-rit tal-Ordinazzjoni ta’ dawn id-djakni li sa jkunu s-saċerdoti tagħkom. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard